MESSAĠĠ TA' L-ARĊISQOF ELETT GĦALL-PJAN PASTORALI 2007-2008
8 ta' Diċembru 2006
MESSAĠĠ TA' L-ARĊISQOF ELETT GĦALL-PJAN PASTORALI 2007-2008
L-Arċisqof il-ġdid ta' Malta, Pawl Cremona O.P., laqa' l-Pjan Pastorali 2007-2008 biex jiggwida l-Mixja Pastorali tal-Knisja għal dawn is-sentejn li ġejjin.
Fil-messaġġ tiegħu fid-daħla għall-Pjan Pastorali 2007-2008, L-Arċisqof Pawl Cremona jirringrazzja lill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca ta' l-esperjenza tas-Sinodu Djoċesan, u jitkellem fuq l-esperjenza tiegħu fis-Sinodu: "Kienet esperjenza sabiħa, li tatna ideja ta' unità fil-ħeġġa pastorali tal-Knisja li jien ċert li kienet ta' ġid għal kulħadd."
L-Arċisqof il-ġdid fil-fatt kien ħa sehem attiv f'wieħed mill-gruppi li ġew iffurmati biex ifasslu d-dokumenti tas-Sinodu – il-grupp li bena d-dokument Żwieġ u Familja. Kien mhux biss preżenti waqt l-Assemblej u jagħti kontribut attiv, imma kien kontinwament jagħti inkoraġġiment għal din l-esperjenza tal-Knisja f'Malta.
F'Settembru ta' din is-sena, Patri Pawl ħa sehem fit-tielet Assemblea Djoċesana ta' wara s-Sinodu u ta wkoll il-kontribut tiegħu b'intervent waqt it-tieni sessjoni.
Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Cremona jirringrazzja wkoll lil dawk li ħadmu biex il-Pjan Pastorali jiġi ffurmat u ppreżentat, u jgħid li jħares 'il quddiem lejn ħidma flimkien magħhom għall-ġid tal-Knisja f'Malta.
Dan hu l-messaġġ sħiħ ta' l-Arċisqof Cremona:
Jien rajt dan il-Pjan Pastorali li ġie approvat mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Ġużeppi Mercieca
Jiena nilqa' bil-qalb dan il-Pjan Pastorali biex jiggwida l-Mixja Pastorali tal-Knisja għal dawn is-sentejn li ġejjin.
Nixtieq nirringrazzja lill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Ġużeppi Mercieca talli kien ta lill-Knisja f'pajjiżna esperjenza daqshekk qawwija pastoralment bħalma kien is-Sinodu Djoċesan. Jien kelli x-xorti li nieħu sehem fih, kemm bħala ħidma f'waħda mill-Kummissjonijiet, kif ukoll fl-Assemblej Ġenerali. Kienet esperjenza sabiħa, li tatna ideja ta' unità fil-ħeġġa pastorali tal-Knisja li jien ċert li kienet ta' ġid għal kulħadd.
Jiena nixtieq nirringrazzja wkoll lil dawk li ħadmu biex dan il-Pjan Pastorali jiġi ffurmat u ppreżentat, u nħares 'il quddiem biex naħdem magħhom għall-ġid tal-Knisja f'Malta.
Pawl Cremona O.P.
Arċisqof Elett ta' Malta
8 ta' Diċembru 2006