Artikli ippubblikati fir-rivistà Flimkien
Ngħixu s-Sinodu
DISA' XFAFAR
Il-Knisja f'Malta għandha Pjan Pastorali ġdid għas-snin 2007-2008. Flimkien fi Kristu għas-servizz tal-bniedem. Dan hu l-motto ta' ispirazzjoni għall-Knisja f'Malta matul is-sentejn li ġejjin. Il-ħsieb hu li b'dan il-mod, il-Knisja tista' taħdem aktar:
- flimkien, b'mod li joħroġ ċar li hi komunità waħda;
- fi Kristu, b'mod li tkun komunità fejn jidher dejjem aktar il-wiċċ ta' Kristu;
- għas-servizz tal-bniedem, li jibqa' dejjem it-triq tal-Knisja, kif wera Kristu stess.
Fil-qalba ta' dan il-Pjan Pastorali, hemm disa' punti:
- Il-prijorità tat-talb u l-formazzjoni spiritwali bħala r-ruħ ta' kull ħidma.
- L-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, li twaqqaf u beda jaħdem b'diversi inizjattivi validi u li għandu programm ta' ħidma intensiva għal dawn is-sentejn.
- Taħriġ fl-ippjanar fil-livelli differenti, speċjalment lil dawk kollha li jmexxu xi qasam partikulari fil-Knisja.
- L-unitajiet pastorali - issir evaluation ta' din l-esperjenza, u jkomplu jissaħħu dawn l-unitajiet bħala mezz f'waqtu għall-ħidma tal-parroċċi flimkien u għall-qsim ta' riżorsi.
- Il-komunikazzjoni mas-soċjetà, biex il-Knisja tipparteċipa b'mod aktar attiv fis-soċjetà u b'kontribut pożittiv fid-diskussjonijiet fuq diversi kwestjonijiet.
- It-Tagħlim soċjali tal-Knisja, biex iktar jinfirex fost l-insara Maltin. Se tingħata attenzjoni partikulari lill-ħidma favur il-ħajja umana f'kull waqt tagħha, ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, u l-ħidma kontra r-razziżmu.
- Iċ-ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija. Irid isir follow-up tar-riżultat taċ-ċensiment ta' l-attendenza għall-quddiesa tal-Ħadd, biex jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji b'kontinwazzjoni mad-direzzjoni li ta s-Sinodu Djoċesan u li diġa' ħalliet il-frott.
- Il-familja u ż-żgħażagħ jeħtieġ li jingħataw fil-prattika attenzjoni partikulari, b'mod li ż-żgħazagħ ikunu mħarrġu biex jaħdmu maż-żgħażagħ, u l-familji ma' familji oħra.
- It-tfal. L-esperjenza qed turi l-ħtieġa li jkun hemm attenzjoni akbar f'dan il-qasam, u biex it-tfal ikollhom rwol u parteċipazzjoni aktar ħajja fil-Knisja. Il-proposta hi li titwaqqaf struttura djoċesana għat-tfal, bis-sehem tat-tfal stess.
Dan hu Pjan Pastorali li, fuq il-passi tas-Sinodu Djoċesan, qed jimpenja lill-Knisja f'Malta f'azzjoni dinamika għall-ġid tal-bniedem.
Kummissjoni Sinodu