Artikli ippubblikati fil-Ġensillum
Jiġi fi tmiemu l-Pjan Pastorali 2005-2006
Ħarsa lejn il-ħidma għat-twettiq tas-Sinodu matul 2006
L-aħħar tas-sena 2006 iġib fi tmiemu l-Pjan ta' ħidma li l-Knisja f'Malta kellha għas-sentejn 2005-2006, bl-isem Nimxu Flimkien fid-Dawl tal-Mulej. Dan il-Pjan kellu l-ħsieb li jkompli t-twettiq ta' dak li ħareġ mis-Sinodu Djoċesan.
Ħarsa ħafifa lejn il-ħidma li twettqet matul din is-sena turina li sar ħafna għall-ġid ta' setturi differenti tas-soċjetà Maltija.
L-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, li twaqqaf b'rizultat tas-Sinodu, ħadem b'enerġija u f'ħidma flimkien ma' oħrajn, f'diversi proġetti ta' formazzjoni. S'issa diġa' saru jew bdew isiru proġetti ta' formazzjoni fl-oqsma taż-żgħażagħ, ħidma soċjali u karità, ħaddiema, parroċċi, kleru, Christian Leadership. Matul 2006, l-Istitut ħadem flimkien ma' oħrajn biex ġew ippubblikati sussidji formattivi, bħall-ktieb Uncoding Jesus Christ li kellu suċċess kbir speċjalment maż-żgħażagħ.
Saret b'impenn ħidma pastorali mal-familja, permezz tal-Kummissjoni Djoċesana Familja u tal-Moviment ta' Kana – per eżempju, il-ħidma ta' sapport lill-parroċċi, il-formazzjoni tal-counsellors, it-tiġdid f'diversi servizzi bħat-tħejjija ta' dawk li resqin għaż-żwieġ, it-twaqqif ta' gruppi ta' sapport għal persuni separati.
Kompla t-tiġdid fil-ħidma pastorali fil-qasam taż-żgħażagħ. Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ ħadmet biex tkun strutturata b'mod aħjar għas-servizz ta' gruppi ta' żgħażagħ, skond kif mitlub fis-Sinodu.
Baqa' jissaħħaħ l-impenn tal-Knisja fuq issues soċjali. Il-Kummissjoni Ambjent, li twaqqfet b'rizultat tas-Sinodu, ħadmet bis-sħiħ għall-edukazzjoni ambjentali ta' l-insara Maltin, u biex tagħti kontribut lis-soċjetà Maltija permezz ta' opinjonijiet studjati fuq issues ambjentali. Matul 2006 ġiet ri-strutturata l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, li qed tagħmel studju ta' diversi issues li jmissu l-ħajja soċjali u se tagħti wkoll kontribut permezz tar-riflessjonijiet tagħha.
Kompliet il-ħidma tal-Knisja favur il-ħajja umana u b'riżq id-dinjità tal-bniedem, kif ukoll l-impenn tagħha ta' qadi u solidarjetà. Dan deher fil-firxa wiesgħa ta' servizzi tal-Knisja għal dawk li kienu f'sitwazzjoni ta' tbatija.
Ġie ppubblikat id-dokument mitlub mis-Sinodu dwar is-sehem tal-persuni b'diżabilità fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja, bl-isem Lejn Knisja dejjem aktar inklużiva. Dan id-dokument joffri viżjoni ċara u proposti prattiċi kemm għall-ħidma fl-Arċidjoċesi kif ukoll fil-parroċċi.
Saret riċerka ta' għajnuna għall-ħidma pastorali. Riċerka importanti li saret mid-Discern kienet dwar iċ-ċensiment ta' l-attendenza tal-quddiesa tal-Ħadd. Ir-rapport preliminari ġie ppubblikat f'Awissu. Dan ħoloq ukoll diskussjoni u riflessjoni importanti, li fl-aħħar mill-aħħar se sservi għal ħidma pastorali aħjar, speċjalment fejn tidħol il-ħidma ma' persuni li ma jħossux il-bżonn tal-quddiesa.
B'rabta mal-quddiesa, ta' min isemmi diversi inizjattivi li saru f'parroċċi u fi knejjes f'Malta għal ċelebrazzjoni aktar ħajja tal-quddiesa tal-Ħadd, b'attenzjoni partikulari għall-familja, għaż-żgħazagħ u għat-tfal.
Matul l-2006, issaħħaħ ukoll il-koordinament bejn il-parroċċi permezz ta' l-unitajiet pastorali, li issa stabbilew ruħhom bħala mezz f'waqtu għal ħidma tal-komunitajiet flimkien, kif mitlub mis-Sinodu.
Dawn huma uħud mill-oqsma ta' ħidma pastorali li saret bi twettiq ta' dak li l-Pjan Pastorali 2005-2006 kien jindika għall-Knisja f'Malta. Hemm ħafna ħidma oħra, u hemm ukoll ħafna ħidma li ma tidhirx, imma li għenet biex ħafna nsara jkollhom esperjenza ħajja ta' fidi.
F'Settembru saret l-Assemblea Djoċesana – li issa saret appuntament annwali għall-Knisja f'Malta – bil-għan li tagħmel valutazzjoni tal-ħidma li saret u tippjana għas-sentejn li ġejjin.
F'Ottubru u Novembru saru l-Assemblej parrokkjali tista' tgħid f'kull parroċċa, u dawn komplew jgħinu biex tinfirex il-parteċipazzjoni u jsir ippjanar aħjar ukoll fuq bażi parrokkjali. Dawn l-Assemblej, b'sehem ta' 'l fuq minn tlett elef ruħ, offrew opportunità għal djalogu, diskussjoni u kritika. Offrew okkażjoni wkoll biex min għandu r-responsabbilta' tat-tmexxija jista' jisma' lill-oħrajn.
Il-ħatra ta' l-Arċisqof il-ġdid Paul Cremona f'Diċembru, proprju fi tmiem il-Pjan Pastorali 2005-2006 u qabel il-bidu tal-Pjan il-ġdid, għandha tkun ta' kuraġġ u enerġija għal dawk kollha li ħadmu tul dawn is-sentejn biex jitwettaq dak li s-Sinodu Djoċesan talab mill-Knisja f'Malta.
Dak li nżera' fis-Sinodu Djoċesan diġa' qed jagħti frott. Bl-għajnuna ta' Alla, għad jagħti ħafna aktar frott.
Kummissjoni Sinodu
30 ta' Diċembru 2006