Rapporti u Dokumenti

RAPPORT

RAPPORT ĠENERALI TAT-TWETTIQ TAS-SINODU DJOĊESAN 2003-2004

Matul is-Sinodu Djoċesan, il-Knisja, li hi aħna lkoll flimkien - isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi - għandha ħolma… Hija ħolma li ma tintemmx ma' l-għabex, imma li tkompli… għax tissarraf fi proġetti konkreti li jkunu ta' ġid mhux biss għall-imgħammdin Maltin, imma għall-bnedmin kollha ta' rieda tajba li flimkien isawru s-soċjetà tagħna. Dokument tas-Sinodu
Viżjoni ta' Knisja komunjoni, 12

Matul din is-sena, kien hemm programm għall-ewwel fażi tat-twettiq tas-Sinodu (2003-2004). Dan il-programm, li kien diskuss f'diversi sessjonijiet ta' l-Assemblea tas-Sinodu u ffinalizzat mill-Kummissjoni Implimentazzjoni Sinodu, kien ippubblikat fil-ktieb Is-Sinodu Nixxiegħa ta' Ħajja Ġdida – Tagħrif, 38-43. Il-programm kellu tliet għanijiet prinċipali:

Dan hu rapport ta' dak li twettaq mill-programm matul 2003-2004. Fuq naħa waħda ta' kull paġna hemm imniżżel dak li l-programm jgħid li għandu jsir, u fuq in-naħa l-oħra hemm imniżżel dak li sar.

Minbarra dan ir-rapport, hemm rapporti partikulari għal kull wieħed minn dawn l-oqsma:

DAK LI KELLU JSIR DAK LI SAR

Jitwassal il-messaġġ tas-Sinodu

Id-dokumenti tas-Sinodu jkunu ppubblikati matul Ottubru-Diċembru 2003. Dawn huma r-riżultat tal-proċess tas-Sinodu u għalhekk kollha għandhom valur kbir. Il-Kummissjoni tippjana l-mod kif dawn ikunu ppreżentati lill-pubbliku u mwasslin lil kemm jista' jkun nies.

Dak li sar:

Id-dokumenti kienu ppubblikati kollha, flimkien ma' l-introduzzjoni għalihom, matul ix-xhur Ottubru-Diċembru 2003. Saru konferenzi stampi fil-pubblikazzjoni tagħhom u kien hemm diversi artikli fil-gazzetti biex jitwassal il-messaġġ. Fl-2004, kienu ppubblikati wkoll żewġ volumi – wieħed bil-messaġġi ta’ l-Arċisqof tul il-proċess tas-Sinodu u l-ieħor b’tagħrif relevanti. Fil-bidu ta’ Ġunju, ġiet konkluża kaxxa għad-dokumenti. Id-dokumenti qegħdin kollha fuq il-website ta’ l-Arċidjoċesi u tas-Sinodu.

Jitwassal il-messaġġ tas-Sinodu, b'enfasi speċjali fuq is-sitt valuri li huma bħal ħjut komuni fid-dokumenti kollha tas-Sinodu u li għalhekk dejjem jinftiehmu b'referenza għad-dokumenti. Dawn huma sitt għażliet fundamentali li qed tagħmel il-Knisja f'Malta, li tkun:

Dak li sar:

Twassal il-messaġġ tas-Sinodu, b'enfasi speċjali fuq is-sitt valuri.

Matul l-ewwel fażi ta' l-implimentazzjoni tas-Sinodu, saru diversi laqgħat ta' formazzjoni mifruxa ma' oqsma u kategoriji differenti. L-ewwel ma saru kienu seminars għall-persuni responsabbli mis-Segretarjati/Kummissjonijiet (delegati), il-kongregazzjonijiet (provinċjali), il-parroċċi (kappillani), l-għaqdiet u movimenti (diriġenti) u l-iskejjel tal-Knisja (heads).

Saru diversi laqgħat oħra li tmexxew mill-membri tal-Kummissjoni Implimentazzjoni Sinodu, kif ukoll minn dawk li kienu membri ta’ l-Assemblea jew working groups tas-Sinodu jew nies oħra midħla ta' l-esperjenza tas-Sinodu.

Il-Kummissjoni Implimentazzjoni tas-Sinodu tara li jinħarġu sussidji biex dan il-messaġġ ikun imwassal lill-pubbliku.

Dak li sar:

Il-Kummissjoni Implimentazzjoni tas-Sinodu ħarġet diversi sussidji biex il-messaġġ jasal aħjar. Ħarġu għoxrin ktejjeb dwar dawn is-suġġetti:

  • Il-Parroċċa (flimkien ma’ sample ta’ pjan parrokkjali għal 2005-2006)
  • is-Segretarjati, Kummissjonijiet u Enti oħra djoċesani
  • l-Assoċjazzjonijiet, l-Għaqdiet, il-Movimenti u l-Komunitajiet tal-Lajċi
  • l-Iskejjel tal-Knisja
  • il-Persuni ta’ Ħajja Konsagrata
  • is-Saċerdoti
  • il-Festi Parrokkjali
  • l-Ambjent
  • l-Għażla tal-Fqar
  • il-Politika
  • il-Media
  • Relazzjonijiet mal-barranin
  • Issues soċjali

Kif ukoll serje li tinkludi kull wieħed mis-sitt valuri tas-Sinodu. Kull ktejjeb jittratta kif is-suġġett partikulari jidher fid-dokumenti tas-Sinodu.

Bħalissa qed jinħadem ukoll indiċi ġenerali.

F'kull istituzzjoni tal-Knisja matul Ottubru-Novembru 2003, jitfassal programm għal sena fuq kif se jitwassal il-messaġġ tas-Sinodu matul din l-ewwel fażi ta' l-implimentazzjoni.

Dak li sar:

Kull parroċċa fasslet pjan għal sena mibni fuq il-valuri tas-Sinodu. Dawn il-pjani kienu ppreżentati fl-Assemblei Parrokkjali, li saru matul Ottubru-Novembru. Saret preżentazzjoni kollettiva ta’ dawn il-pjani parrokkjali lill-Arċisqof fil-Festa ta' Kristu Re 2003.

Tfasslu pjani għal sena mill-iskejjel tal-Knisja u minn istituzzjonijiet oħra (ara rapporti partikulari).

Fl-ewwel sena qed ikun enfasizzat id-dokument fuq il-Viżjoni ta' Knisja komunjoni, b'rabta mal-valuri tas-Sinodu. Fl-istess waqt, id-dokumenti l-oħra tas-Sinodu jridu, bi proċess, jidħlu fil-qalba tal-komunitajiet insara. Dawk l-istituzzjonijiet u l-gruppi li għandhom rabta ma’ tema tas-Sinodu, minbarra l-bażi neċessarja tal-Viżjoni tal-Knisja, ikollhom id-dokument fuq it-tema partikulari bħala parti essenzjali mill-formazzjoni tagħhom.

Dak li sar:

Matul din is-sena, saret l-enfasi indikata hawn, u nħadem power-point presentation fuq ir-rabta tal-valuri tas-Sinodu mal-Viżjoni ta' Knisja komunjoni. Dan intwera f'diversi parroċċi u istituzzjonijiet oħra. Bdiet ukoll il-ħidma biex l-istituzzjonijiet u l-gruppi li għandhom rabta ma' tema tas-Sinodu (eż. gruppi ta' familji mat-tema 'Żwieġ u Familja) ikollhom id-dokument partikulari bħala parti essenzjali mill-formazzjoni tagħhom. Din se titkompla fil-pjan għas-sentejn li ġejjin.

Biex jitwassal aħjar il-messaġġ, minbarra l-verżjoni sħiħa tad-dokumenti, dawn jinħadmu f'lingwa li tkun tinftiehem min-nies li lilhom ikunu qed jitwasslu.

Dak li sar:

Inkitbu diversi artikli fir-rivisti tal-parroċċi kollha u tal-għaqdiet, u saru wkoll power-point presentations biex il-messaġġ jasal fil-lingwa tan-nies. Is-sussidji li ġew ippubblikati saru wkoll b'din l-intenzjoni. Inżammet informazzjoni regolari permezz tal-website li tkun aġġornata regolarment - www.sinodu.org.mt

Ħarġet CD Rom "Is-Sinodu għat-Tfal" li twassal il-valuri tas-Sinodu lit-tfal. B'kollox tqassmu 4,000 kopja.

Ġew ippubblikati wkoll cassettes bil-qari tad-dokumenti kollha tas-Sinodu. L-intenzjoni prinċipali hi li jaslu għand dawk li ma jarawx jew li jbatu biex jaqraw. Id-dokumenti qed jinqalbu wkoll bl-Ingliż. S'issa għandna tliet dokumenti bl-Ingliż u qed jinqaleb ir-raba' wieħed.

Jitwettqu proposti partikulari

Irid ikun hemm azzjonijiet li juru biċ-ċar li t-twettiq tas-Sinodu beda. Għalhekk, meta jkunu ppreżentati d-dokumenti tas-Sinodu, jitwaqqfu strutturi u gruppi li d-dokument partikulari jgħid li għandhom jitwaqqfu. Dan ikun sinjal li t-twettiq tas-Sinodu qed iseħħ. Fost dawn hemm: il-Kummissjoni għall-Implimentazzjoni tas-Sinodu, il-Kunsill għas-Segretarjat għal-Lajċi, il-Kummissjoni Djoċesana Familja, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, il-Kummissjoni għall-Ambjent, il-Kunsill għas-Segretarjat għal-Liturġiija.

Dak li sar:

Bi twettiq tas-Sinodu, twaqqfu:

  • Il-Kummissjoni Implimentazzjoni tas-Sinodu (Viżjoni ta' Knisja komunjoni, 54);
  • Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi (Djakonija u Ġustizzja, 37);
  • Il-Kummissjoni Djoċesana Familja (Żwieġ u Familja, 45);
  • Il-Kummissjoni Ambjent (Kultura-Soċjetà-Knisja,53);
  • Il-Kunsill tas-Segretarjat għal-Lajċi.
  • Il-Kunsill tas-Segretarjat għal-Liturġija.

Twaqqfet ukoll task force b'kompitu speċjali li tippreżenta proposti biex jintemm il-backlog fit- Tribunal Ekkleżjastiku (ara Żwieġ u Familja, 47). Dan sar wara diskussjoni li saret fil-Kunsill Presbiterali. Dan hu l-ewwel pass biex titwaqqaf il-Kummissjoni Pastorali Tribunal Ekkleżjastiku (Żwieġ u Familja, 48) fix-xhur li ġejjin.

Qiegħed ukoll f'fażi avvanzata t-twaqqif ta':

  • Kummissjoni tal-Knisja f'Malta u fl-Ewropa (Kultura-Soċjetà-Knisja, 31)
  • Kummissjoni Kultura (Kultura-Soċjetà-Knisja, 41)
  • Kunsill tax-Xjenza (Kultura-Soċjetà-Knisja, 48).

Dwar is-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali qed issir ħidma biex jiġu ċċarati r-rwoli differenti tas-Segretarjat u tal-Media Centre (Xandir tal-Kelma, 21).

Dan kollu fisser nies ġodda li qed jagħtu sehem b'impenn fil-ħajja tal-Knisja u ħafna ħidma minnhom.

Fost proposti oħra li twettqu jew bdew jitwettqu: id-deċiżjoni li togħla l-età tal-Griżma (Xandir tal-Kelma, 15; Liturġija u Sagramenti, 30); ri-organizzazzjoni tal-website ta’ l-Arċidjoċesi (Xandir tal-Kelma, 44), permezz ta’ koordinatur u web-team għal dan il-qasam u bis-servizzi professjonali ta’ Alert Communications; kors għall-persuni mis-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani dwar l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni (Kultura, soċjeta’, Knisja, 16); u seminar ta’ formazzjoni għas-saċerdoti fl-omelija, ippjanat għal Settembru 2004 (Xandir tal-Kelma 17, Liturġija u Sagramenti 9).

Proġett importanti fuq livell djoċesan hu t-twaqqif ta’ Istitut Djoċesan ta' Formazzjoni Pastorali. Dan jinħadem matul l-ewwel sena ta' implimentazzjoni. Dan l-Istitut ikollu l-għan li jikkoordina l-ħidma ta' formazzjoni lill-operaturi pastorali, anke f'oqsma li għadhom mhux qed jintlaħqu; kif ukoll li jibda jwassal b'approfondiment akbar il-formazzjoni li toħroġ mid-dokumenti tas-Sinodu. Jibda studju biex jitwaqqaf dan l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali.

Dak li sar:

Matul din is-sena, sar ħafna xogħol preparatorju għat-twaqqif ta' l-Istitut Djoċesan ta’ Formazzjoni Pastorali. Ġiet formulata proposta u saret konsultazzjoni fuqha ma’ diversi entijiet fil-Knisja. Il-proposta ġiet riveduta u issa hemm qafas b’għanijiet ċari. Fil-ġimgħat li ġejjin jintgħażel id-Direttur u l-grupp li flimkien jaħdmu pjan f'aktar dettall, u jkun identifikat il-post li minnu se jibda jopera l-Istitut fl-ewwel stadju tiegħu. Minħabba l-importanza ta' l-Istitut, dan il-proġett qed ikun wieħed mill-prijoritajiet tal-Pjan għas-sentejn li ġejjin.

Fuq livell distrettwali u parrokkjali u livelli oħra: ikunu indikati proposti partikulari biex jitwettqu matul l-ewwel sena ta' l-implimentazzjoni.

Dak li sar:

Proposta oħra li l-Knisja f'Malta diġa bdiet tattwa hi l-istruttura ta’ unitajiet pastorali u distretti (Viżjoni ta’ Knisja komunjoni, 18). Saru żewġ laqgħat ta' 16-il grupp ta' kuntatt, f'unitajiet pastorali differenti; u qed jittieħdu diversi inizjattivi mill-parroċċi biex isaħħu l-ħidma flimkien (ara rapport separat). Diversi Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani ħadmu biex jidentifikaw punti mis-Sinodu li jridu jitwettqu fuq livell parrokkjali u distrettwali. Dan qed ikompli fil-Pjan għas-sentejn li ġejjin.

Ċ. Jitħejja pjan armoniku

Minn issa trid tibda l-ħidma fuq fażijiet oħra tat-twettiq tas-Sinodu. Għal dan il-għan, irid jibda jitfassal pjan armoniku li jkompli t-twettiq tas-Sinodu fis-snin ta' wara.

Dak li sar:

Matul 2004, bdiet il-ħidma fuq il-pjan armoniku, biex jitkompla t-twettiq tas-Sinodu fis-snin li ġejjin. Dan il-pjan għandu fil-bażi tiegħu l-istess valuri li joħorġu mis-Sinodu. F'dan il-pjan qed jagħtu sehemhom id-diversi rejaltajiet tal-Knisja f'Malta. L-abbozz tal-pjan se jiġi diskuss fl-Assemblea djoċesana 2004. Il-ħsieb hu li fis-snin li ġejjin ikun hemm proċess kontinwu ta' ppjanar, twettiq, valutazzjoni u ppjanar mill-ġdid.

Biex jinżamm ħaj l-ispirtu tas-Sinodu

F'kull enti tal-Knisja f'Malta jitwaqqaf team ta' nies bl-inkarigu speċifiku li jippromwovi l-ispirtu u l-messaġġ tas-Sinodu u l-implimentazzjoni tiegħu, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni għall-Implimentazzjoni tas-Sinodu. F'dawn it-teams jieħdu sehem ukoll persuni li kienu attivi fil-working-groups jew fl-Assemblea tas-Sinodu. L-iskop hu biex dawk li kellhom sehem mill-qrib fil-ħidma ta' l-Assemblea, ikunu jistgħu jagħtu kontribut mill-qrib fl-implimentazzjoni.

Dak li sar:

Twaqqfu gruppi għat-twettiq tas-Sinodu fl-oqsma differenti tal-Knisja f'Malta: fis-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani, fil-kongregazzjonijiet ta’ ħajja konsagrata, fil-parroċċi, fl-għaqdiet u l-movimenti u fl-iskejjel tal-Knisja. Dawn il-gruppi għandhom l-inkarigu speċifiku li jippromwovu l-ispirtu u l-messaġġ tas-Sinodu u l-implimentazzjoni tiegħu, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni għall-Implimentazzjoni tas-Sinodu. F'dawn il-gruppi qed jieħdu sehem ukoll persuni li ħadmu fil-working-groups jew fl-Assemblea tas-Sinodu.

Kull sena ssir Assemblea djoċesana (bl-ideja ta' rappreżentanza li qed tiġI mħaddma għas-Sinodu) li tgħin biex jinżamm ħaj l-ispirtu tas-Sinodu u biex il-Knisja f'Malta tkompli miexja b'impenn fid-direzzjoni li jkun ta s-Sinodu.

Dak li sar:

Din l-Assemblea djoċesana se ssir għall-ewwel darba wara s-Sinodu fl-24 u fil-25 ta' Settembru 2004, bl-iskop li jinżamm ħaj l-ispirtu tas-Sinodu u li jkun hemm valutazzjoni tal-ħidma tas-sena kif ukoll programmazzjoni għas-sentejn li ġejjin.

Ikun hemm ukoll, matul is-sena, laqgħat ta' djalogu ma' korpi fis-soċjeta’, fl-istess spirtu ta’ dak li sar tul is-Sinodu, speċjalment fil-fażi ta' konsultazzjoni.

Dak li sar:

Saru laqgħat f'dan is-sens matul is-sena, bħall-attivitajiet tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi f’Jannar, is-seminar mill-Kummissjoni Pastorali għall-Persuni b’diżabilita’ f’Jannar u s-seminar mill-Kummissjoni Ambjent f’Marzu. Dawn kienu okkażjonijiet ta’ djalogu ma’ korpi differenti fis-soċjetà.

Minn Settembru 2004 'l quddiem, hemm il-ħsieb li jsiru diversi laqgħat, bl-iskop li jkun ippreżentat is-sett sħiħ tad-dokumenti tas-Sinodu lil korpi differenti fis-soċjeta’, u li dawn il-laqgħat ikunu mezz ta’ djalogu tad-diversi kummissjonijiet ġodda mwaqqfa ma’ dawn il-korpi fis-soċjetà.

Matul is-sena, tibda l-ħidma fuq oqsma oħra li jeħtieġ li jkunu approfonditi aktar, bħala riżultat tas-Sinodu, bħal:

Dak li sar:

Bdiet din il-ħidma fuq oqsma oħra li jeħtieġ li jkunu approfonditi aktar, bħala riżultat tas-Sinodu. S’issa nħadem abbozz tad-dokument fuq il-Knisja u l-persuni b’diżabilita’. Dan l-abbozz ġie ppreżentat f’seminar lill-għaqdiet attivi f’dan il-qasam, u qed jiġi rivedut skond id-diversi kummenti u proposti li saru.

Valutazzjoni

Barra mill-valutazzjoni li ssir internament, għandu jitħaddem aktar il-prinċipju ta’ external audit minn persuni indipendenti, li jkollhom il-funzjoni li jagħmlu eżami “minn barra” ta’ l-istrutturi u l-ħidmiet tal-Knisja għas-servizz tat-tiġdid fil-Knisja. F’dan is-sens, bħala parti mill-pjan biex is-Sinodu jkun implimentat, isir eżami u, fejn meħtieġ, issir reviżjoni ta’ l-istrutturi djoċesani eżistenti.

Dak li sar:

Bl-iskop li jitħaddem aktar il-prinċipju ta’ external audit minn persuni indipendenti, matul 2004, sar external audit ta’ l-istrutturi djoċesani pastorali fi ħdan is-Segreterija Pastorali, minn PriceWaterhouseCoopers. Dawn se jippreżentaw ir-rapport tagħhom f’Settembru. Dan ir-rapport se jkun analizzat u mbagħad isiru r-rakkomandazzjonijiet li jkunu diskussi u attwati matul is-sentejn li ġejjin, bħala parti mill-Pjan ta’ ħidma għall-Arċidjoċesi.

Kummissjoni Implimentazzjoni tas-Sinodu

Ikun hemm Kummissjoni għall-implimentazzjoni tas-Sinodu li jkollha bħala inkarigu speċifiku tagħha li tgħin lill-Arċisqof f’li ssegwi li t-twettiq tas-Sinodu qed isir u miexi b’ritmu tajjeb. Din il-Kummissjoni tiżen il-ħidmiet ta’ implimentazzjoni tas-Sinodu li jkunu qed isiru f’diversi livelli, tindirizzahom u tħeġġiġhom lejn l-objettivi mixtieqa u, fejn ikun hemm bżonn, toffri lill- Arċisqof proposti ta' bidliet biex il-Knisja f'Malta tkun tista' timxi fid-direzzjoni tas-Sinodu.

Dak li sar:

Il-Kummissjoni Implimentazzjoni tas-Sinodu, iffurmata minn ħdax-il persuna, twaqqfet mat-tmiem tas-Sinodu u għamlet l-ewwel laqgħa tagħha fid-19 ta' Ġunju 2003. Sa l-Assemblea Djoċesana ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni tkun iltaqgħet 21 darba. Ħadmet biex tara li l-programm għall-ewwel fażi tat-twettiq tas-Sinodu qed jitwettaq, u li l-proċess miexi. Ħames persuni fil-Kummissjoni għandhom responsabbilta’ speċifika għal ħames oqsma u jaħdmu flimkien mal-gruppi għat-twettiq tas-Sinodu f’dawn l-oqsma: is-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani, il-Kongregazzjonijiet Reliġjużi, il-Parroċċi, l-Għaqdiet u l-Movimenti u l-Komunitajiet tal-Lajċi u l-Iskejjel tal-Knisja. Qed jiġu ppreżentati għalhekk rapporti oħra, wieħed għal kull qasam.

Fil-bażi ta' kollox

Fil-bażi ta' dan kollu, hemm it-tiġdid spiritwali ta' kulħadd. Dan is-Sinodu hu frott ta' l-Ispirtu s-Santu li qed iqanqal il-Knisja f'Malta għal tiġdid. Nemmnu li hu Alla li jmexxina fi triqtna. Nemmnu li hu Alla li jmexxi l-passi tagħna waqt li nippjanaw ħidmietna u waqt li nwettqu dak li ppjanajna. Iżda nemmnu wkoll li f'dan il-proċess ta' tiġdid irridu nagħmlu l-parti tagħna.

L-ewwel tiġdid irid isir fil-persuni li jifformaw il-Knisja. Dan ma jistax ikun ippjanat, imma għandu jkun ċar għal kulħadd li hu l-bażi ta' l-implimentazzjoni li l-Knisja f'Malta tixtieq li jseħħ frott ta' dan is-Sinodu.

Dak li sar:

Kien sewwasew għal dan il-għan li matul din is-sena li għaddiet, filwaqt li s-Sinodu beda jitwettaq, saret enfasi partikulari fuq it-tiġdid spiritwali, imsejjes fuq il-valuri proposti mis-Sinodu.

Saru bosta inizjattivi fi ħdan ir-realtajiet djoċesani (parroċċi, kongregazzjonijiet, għaqdiet, skejjel) fejn ġew organizzati rtiri, laqgħat ta’ talb, eżerċizzi u attivitajiet oħra abbinati mal-valuri tas-Sinodu.

Illum hu ċar għal ħafna li l-ewwel tiġdid irid isir fil-persuni li jifformaw il-Knisja. Dan ma jistax ikun infurzat. Imma hu ċar li dan it-tiġdid fil-persuni hu l-bażi ta' l-implimentazzjoni li l-Knisja f'Malta tixtieq li jseħħ frott tas-Sinodu.

Flimkien ma' dak kollu li diġa' twettaq, matul din is-sena nżergħet żerriegħa li tieħu ċertu żmien biex tinbet imma qiegħda hemm. Nitolbu li tkompli ssib art tajba ħalli tagħti kotra ta' frott.


Ir-rapporti thejjew ghall-Kummissjoni Implimentazzjoni Sinodu minn:

Rapport generali
Dun Joe Galea Curmi
Segretarjati u Kummissjonijiet Djocesani
Dun Charles Cordina
Kongregazzjonijiet ta' Hajja Konsagrata
Sr Miriam Grech OSA
Parrocci
Dun Anton Portelli
Skejjel tal-Knisja
Sur David Polidano
Ghaqdiet u Movimenti
Sinjura Mildred Falzon

Novembru 2004

Segreterija Pastorali
Kurja Arciveskovili