Rapporti u Dokumenti

ARĊIDJOĊESI TA' MALTA
IT-TWETTIQ TAL-PJAN PASTORALI 2005-2006

NIMXU FLIMKIEN FID-DAWL TAL-MULEJ

Rapport għall-Assemblea Djoċesana 2005

MIXJA LI KOMPLIET

Il-Pjan Pastorali 2005-2006 ikompli l-mixja li saret tul is-Sinodu Djoċesan 1999-2003 u l-programm 2003-2004 għall-ewwel fażi tat-twettiq tas-Sinodu. Il-Pjan għandu sitt għanijiet, b'għadd ta' proġetti u ħidmiet, u b'indikazzjoni ċara ta' min hu responsabbli għat-twettiq tagħhom.

Kif intqal fl-aħħar parti tal-Pjan Pastorali, L-Assemblea Djoċesana tat-30 ta' Settembru – 1 ta' Ottubru 2005 tagħmel valutazzjoni tal-ħidma li tkun saret fl-ewwel sena tal-Pjan, kif ukoll tħares 'il quddiem lejn it-tieni sena tal-Pjan.

Għalhekk, qed jiġi ppreżentat dan ir-rapport bi tħejjija għal din il-valutazzjoni li trid issir fl-Assemblea Djoċesana, kif ukoll bħala għajnuna għall-ħarsa 'l quddiem lejn dak li jrid isir tul is-sena 2006. Dan ir-rapport se jgħid fil-qosor ħafna x'sar jew qed isir u x'baqa' li jrid isir għal kull wieħed mis-sitt għanijiet tal-Pjan Pastorali. Min ikun irid iktar dettalji, jixtieq jistaqsi xi mistoqsijiet jew jiċċara xi punti, għandu jikkuntattja lis-Segreterija Pastorali jew lill-istituzzjoni partikulari responsabbli tal-ħidma sa l-20 ta' Settembru 2005, biex jista' jingħata t-tagħrif mitlub.

Ta' min ifakkar li, minbarra dak li jissemma f'dan il-Pjan rigward il-parroċċi, kull parroċċa għandha wkoll pjan għal 2005-2006, fejn tindika kif se twettaq l-għanijiet imfissra f'dan il-Pjan Pastorali ta' l-Arċidjoċesi. L-istess proċess li se jsir fl-Assemblea Djoċesana, se jsir ukoll fl-Assemblea Parrokkjali ta' kull parroċċa, għal dak li jolqot il-parroċċa.

L-Assemblea Djoċesana, ippresjeduta minn Mons. Arċisqof, għandha tkompli l-istess spirtu tas-Sinodu, billi tkun esperjenza ta' informazzjoni, parteċipazzjoni mifruxa, accountability, valutazzjoni u programmazzjoni; u fuq kollox esperjenza ta' Knisja li tkun miftuħa għall-Ispirtu ta' Alla u twieġeb għas-sinjali tiegħu fl-istorja.

30 ta' Awissu 2005


Dawn huma l-Viżjoni u l-Missjoni tal-Pjan, kif ukoll is-sitt Għanijiet:

IL-VIŻJONI

Il-Knisja f'Malta tagħraf u tilqa' s-sejħa tas-Sinodu Djoċesan li tkun miftuħa għall-Ispirtu ta' Alla biex timxi wara Ġesu' Kristu fit-triq lejn il-Missier b'impenn ta' servizz lejn il-bniedem.

IL-MISSJONI

Il-Knisja f'Malta twettaq is-Sinodu Djoċesan billi tkun Knisja li tinbena fil-formazzjoni, waqt li tissaħħaħ fil-komunjoni ta' aħwa u d-djalogu fi ħdanha;

b'impenn kbir fl-evanġelizzazzjoni ġdida, tidħol fi djalogu mas-soċjetà, filwaqt li tgħix b'imħabba kbira lejn kulħadd u b'sens kbir ta' qadi u solidarjetà tfittex lill-imbegħdin u lill-emarġinati.

L-GĦANIJIET

  1. Animazzjoni tal-fidi

    Isiru proġetti ta' animazzjoni tal-fidi fid-djoċesi, indirizzati lejn l-adulti, u li jkunu mibnija fuq il-Kelma ta' Alla u jinkludu edukazzjoni fit-talb, liturġija u djakonija u impenn soċjali flimkien.
  2. Ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija tal-Ħadd

    Titjib fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd u l-festi liturġiċi.
  3. Formazzjoni skond il-linji-gwida tas-Sinodu

    Jitwaqqaf u jibda jaħdem l-Istitut Djoċesan ta' Formazzjoni Pastorali u ssir enfasi fuq il-formazzjoni skond il-linji-gwida li joħorġu mid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan.
  4. Attenzjoni partikulari lill-familja u lill-adolexxenti/żgħażagħ

    Tingħata attenzjoni partikulari lill-oqsma tal-familja u ta' l-adolexxenti/żgħażagħ; għal dan il-għan jitwaqqfu l-ministeri lajkali f'dawn iż-żewġ oqsma.
  5. Stil ta' ħajja sinodali

    Jissaħħaħ l-istil ta' ħajja sinodali; għal dan il-għan tiġi ri-organizzata l-komunikazzjoni u d-djalogu fi ħdan il-Knisja.
  6. Djalogu mas-soċjetà u impenn ta' qadi u solidarjetà

    Jissaħħaħ id-djalogu tal-Knisja mas-soċjetà u l-kontribut fejn jidħlu l-promozzjoni tal-valuri u t-tagħlim soċjali tal-Knisja, b'inizjattivi ġodda favur l-emarġinati tas-soċjetà.

1. Animazzjoni tal-Fidi

Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali

Jitħaddem proġett ta' animazzjoni fil-fidi fost l-adulti fil-parroċċi (XK 32; KSK 84iii). Dan se jsir għal kulħadd imma b'enfasi speċjali għall-ġenituri li t-tfal tagħhom se jersqu għall-Ewwel Tqarbina u għall-Griżma.
(Segretarjati Parroċċi, Katekeżi, Caritas u Liturġija, Kulleġġ tal-kappillani).
Titfassal u titħaddem katekeżi ta' l-adulti għas-Sagrament tal-Magħmudija (XK 42).
(Segretarjat Katekeżi, Kulleġġ tal-kappillani, Moviment ta' Kana)
Ikun ippreparat u diskuss b'konsultazzjoni dokument li jittratta n-natura u l-finalitajiet ta' l-edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel u l-katekeżi fil-parroċċa, u li jagħti linji-gwida (XK 39).
(Segretarjati Katekeżi, Edukazzjoni)
Tiġi studjata s-sitwazzjoni preżenti ta' l-evanġelizzazzjoni f'pajjiżna u jiġu proposti l-mezzi kif din għandha ssir (KSK 83i).
(Segretarjat Katekeżi, Discern, Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali)
Ikunu pprovduti riżorsi għat-tħejjija xierqa tas-sagramenti (XK 42).
(Segretarjati Katekeżi, Liturġija)
Isir proġett ta' akkumpanjament fil-mixja tal-fidi ma' familji li jkollhom fi ħdanhom trabi b'diżabilità u ma' persuni b'diżabilità intellettwali (VKK 18 vii).
Segretarjat Katekeżi, Kummissjoni persuni b'diżabilità

Saru żewġ laqgħat bejn is-Segretarjat Katekeżi u l-Kummissjoni persuni b'diżabilità u ma' persuni li jagħtu s-servizz tagħhom fid-Dar tal-Providenza. Saru kuntatti ma' barra u f'Ottubru ġejjin żewġ persuni Ingliżi speċjalizzati biex jagħtu l-pariri u l-esperjenzi tagħhom fil-komunikazzjoni simbolika.

Isir approfondiment b'mod aġġornat tal-formazzjoni tal-membri ta' l-għaqdiet u l-movimenti fil-kariżmi partikulari tagħhom (LN 62).
Segretarjat Lajċi, Forum tal-Għaqdiet u tal-Movimenti

Il-ħsieb hu li dan isir aktar 'il quddiem. Il-Laqgħa għall-membri tal-Għaqdiet u l-Movimenti fl-okkażjoni ta' Jum il-Lajċi Nsara 2006 tista' tkun okkażjoni biex issir riflessjoni dwar l-importanza tal-Kariżma partikolari fil-ħajja ta' kull għaqda u moviment. Din tista' tkun ukoll okkażjoni għall-bidu jew għall-intensifikazzjoni ta' ħidma interna fi ħdan l-istess għaqdiet u movimenti biex japprofondixxu b'mod aġġornat il-formazzjoni tal-membri tagħhom fil-kariżma partikolari tagħhom.

Issir ħidma biex il-lay associates fi ħdan il-kongregazzjonijiet reliġjużi jkunu apprezzati u magħrufa u joħorġu x-xhieda tal-kariżmi partikulari tagħhom fi ħdan il-Knisja (KSK 40).
Segretarjat tal-Lajċi, Delegat Ħajja Konsagrata

Is-Segretarjat għal-Lajċi sa issa fetaħ kuntatt ma' diversi Assoċjazzjonijiet tal-Lajċi fi ħdan il-kongregazzjonijiet reliġjużi. Imiss issa li dawn l-istess assoċjazzjonijiet jiġu mwassla li jaqsmu esperjenzi bejniethom u ma' għaqdiet oħra. U għal dawk li jkunu jixtiequ tista' tkun il-bidu tat-triq tagħhom għal tisħib fil-Forum tal-Għaqdiet u l-Movimenti.

Fl-iskejjel tal-Knisja, issir ħidma ta' tisħiħ fil-valuri nsara fost l-għalliema u tagħrif dwar il-kariżma tal-kongregazzjoni reliġjuża (KSK 38; 40).
Segretarjat Edukazzjoni

Din il-ħidma qed issir f'diversi skejjel tal-Knisja, b'mod speċjali permezz ta' seminars — ħafna drabi organizzati mill-iskejjel qabel ma tibda s-sena ġdida skolastika — u bis-saħħa tal-lay associates.

Jiġi promoss it-turiżmu reliġjuż (KSK 34).
Segretarjat Emigrazzjoni u Turiżmu

Is-sezzjoni tat-Turiżmu reliġjuż għadha qed tfittex persuna adatta li tieħu dan ix-xogħol f'idejha u għalhekk sar ftit li xejn f'dan is-settur, apparti li l-interess qatt ma naqas. Sar studju kif is-Segretarjat jista' jgħin fl-andament ta' xi siti sagri u l-possibilità ta' finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja għal dan il-għan.

Ikun pubblikat ktejjeb tat-talb għall-familja (ŻF 53).
Kummissjoni Djoċesana Familja, Segretarjati Liturġija, Katekeżi u Komunikazzjoni Soċjali

Ġie ffurmat sottokumitat ta' tlieta min-nies li qed jaħdem fuq dan il-ktejjeb li hu maqsum f'erba' partijiet: Okkażjonijiet partikolari, Talb għall-membri tal-familja, Talb għal matul il-jum u Talb ieħor.

Il-ħsieb hu li dan il-ktejjeb jitlesta u jiġi ppubblikat sa Diċembru 2005 biex ikun jista' jitqassam għall-festa tal-Familja Mqaddsa — 30 ta' Diċembru 2005.

Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan

Djar immexxija minn reliġjużi jgħinu fl-animazzjoni tal-fidi, billi jilqgħu nies li jixtiequ jagħmlu laqgħat ta' talb, irtir u live-ins u esperjenza fil-komunjoni (VKK 29).
Patrijiet Agostinjani u Karmelitani, Sorijiet Sacred Heart u Dumnikani

Diversi reliġjużi, saċerdoti u lajċi qed jagħmlu użu minn dawn id-djar għal dawn l-esperjenzi.

Ikun hemm programm ta' formazzjoni kontinwa għall-kollaboraturi lajċi – formazzjoni fil-kariżma tal-kongregazzjoni biex il-lajċi jistgħu jipparteċipaw fl-appostolat tagħha (KSK 40).
Patrijiet Ġiżwiti u Karmelitani, Sorijiet Dumnikani, St Joseph, Franġiskani Missjunarji ta' Marija u Ulied il-Qalb ta' Ġesu'

F'dawn il-kongregazzjonijiet, qed tingħata din l-attenzjoni partikulari lill-formazzjoni umana u spiritwali tal-kollaboraturi lajċi, bi programmi partikulari għalihom. Jidher li aktar lajċi qed jissieħbu f'dawn l-inizjattivi.

Tkompli l-ħidma li ssir permezz tal-Parish Ignatian Ministry – esperjenzi ta' talb gwidat fil-ħajja ta' kuljum u mifrux fuq numru ta' ġimgħat f'diversi parroċċi (LS 35).
Ċentru Spiritwalità Injazjana

Dan sar fil-parroċċi ta' San Ġiljan, Mtarfa, Naxxar, Qormi (San Bastjan). Hemm il-ħsieb li jinfirex ukoll f'parroċċi oħra.

Ikompli l-kors ta' taħriġ ta' diretturi spiritwali (XK 30).
Ċentru Spiritwalità Injazjana

Dan il-kors ta' tlett snin spi__a f'_unju 2005. _adu sehem fih 20 parte_ipanti laj_i r_iel u nisa u reli_ju_i nisa. Matul dawn is-sentejn li _ejjin huma qed jag_mlu xi ta_ri_ prattiku, ta_t supervi_joni, ta' g_oti ta' rtiri qosra, akkumpanjament fit-talb, u direzzjoni spiritwali.

Ikun hemm skemi tal-laqgħat ta' kull ġimgħa immirati għall-animazzjoni fil-fidi (XK 30).
Azzjoni Kattolika

Saru dawn l-iskemi b'din il-mira; dawn intużaw għal-laqgħat ta' kull ġimgħa.

Ikun hemm tisħiħ tal-ħidma fost l-adulti fl-aspetti tal-Kelma ta' Alla u fl-edukazzjoni fit-talb (LS 35).
Museum Nisa

Issaħħet il-ħidma fost l-adulti b'numru ta' Sajdat Museumini u b'numru ta' Gimgħat ta' Tagħlim f'diversi parroċċi matul 2005. Is-suġġetti kienu relatati mal-valuri tas-Sinodu Djoċesan, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-animazzjoni tal-fidi. Saru wkoll laqgħat għall-ġenituri b'rabta mas-sagramenti u laqgħat għall-familja.

Issir katekeżi għall-adulti fil-parroċċi (LS 31).
Mixja Neokatekumenali

F'20 parroċċa fejn hemm il-Mixja Neokatekumenali, saret il-katekeżi. F'parroċċa waħda, saret katekeżi ġdida u hemm twaqqfet komunità ġdida.

Jissaħħu l-ġimgħat ta' tagħlim fil-parroċċi (LN 50).
Museum irġiel

B'kollox din is-sena se jkunu saru f'Malta 30 Ġimgħa ta' Tagħlim. Is-suġġett kien: L-Identità Nisranija. Il-Kummissjoni Appostolat ma' l-Adulti stampat 18,000 kopja ta' noti biex jitqassmu wara kull laqgħa. L-attendenza f'ħafna mill-irħula tvarja bejn 60 u 150, filwaqt li f'oħrajn taqbeż sew it-300.

Saru wkoll 7 Sajdat Museumini — ħmistax-il ġurnata tagħlim għal kulħadd. Saru wkoll 12-il konferenza dwar 'Il-Valuri tas-Sinodu' f'ċentri parrokkjali. Jattendu madwar 20 u 30 persuna.

Fuq livell parrokkjali, saru wkoll numru ta' qagħdat kull nhar ta' Ħadd fi 17-il parroċċa (l-attendenza tvarja bejn l-10 u l-20); u filgħodu f'Ċentri ta' l-Anzjani (l-attendenza tvarja bejn is-70 u d-90).

Saru wkoll 11-il kors ta' eżerċizzi spiritwali f'każini tal-banda, f'fabbriki u fi djar ta' l-anzjani; numru mdaqqas sew ta' laqgħat tal-ġenituri u laqgħat għaż-żgħażagħ; u laqgħat tal-Grupp Beatu Ġorġ Preca kull l-aħħar ġimgħa ta' kull xahar — jattendu bejn 70 u 90 persuna.

Fl-iskejjel tal-Knisja, tissaħħaħ l-edukazzjoni fil-fidi permezz ta' laqgħat u attivitajiet immirati kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-għalliema (KSK 36, 40) – eż:
  • laqgħat ta' formazzjoni tal-ġenituri
  • quddiesa ta' kull xahar għall-familji
  • eżerċizzi għall-għalliema
  • live-in għall-għalliema

Kulleġġ Santu Wistin, St Michael, Seminarju MInuri, Savio College, St Francis Msida

Dawn l-attivitajiet saru f'dawn l-iskejjel, b'mod li qed jilħqu kemm għalliema kif ukoll ġenituri.

Fost dawn, inizjattiva ġdida li seħħet fi skola minnhom hi li qed issir b'mod regolari darba fix-xahar laqgħa għall-ġenituri fuq aspetti umani tal-ħajja. Din issir il-Ġimgħa filgħaxija u jkollha follow-up il-Ħadd ta' wara li jkun jinkludi lectio divina, qsim ta' fehmiet u ħsibijiet u ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Inizjattivi oħra huma indirizzati għall-għalliema, permezz ta' staff meetings u staff development seminars, eżerċizzi u laqgħat ta' formazzjoni.

2. Ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija tal-Ħadd

Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali

Issir ħidma f'kull parroċċa f'Malta għal titjib fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd, f'diversi aspetti tagħha: qari, kant, omelija, servizzi (LS 7-11, 15).
Segretarjati Liturġija, Katekeżi, Parroċċi

Minbarra l-laqgħat ta' formazzjoni li jissemmew aktar 'il quddiem:

  1. fir-rivista QIM qed ikun hemm diversi artikli ta' natura liturġika-pastorali;
  2. ġew ippreparati flimkien mas-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali 5 power-point presentations dwar il-quddiesa;
  3. wieħed irid isemmi wkoll is-seminar organizzat flimkien mas-Segretarjat Kleru, biex jgħin lill-kleru djoċesan u reliġjuż jirrifletti fuq l-omelija. Fil-jiem tal-Kungress Ewkaristiku Mons Maurizio Barba kellem lill-kleru, sorijiet u l-lajċi dwar parteċipazzjoni aktar attiva fil-liturġija.
Titwaqqaf jew tiġġedded il-Kummissjoni Liturġika fil-parroċċa skond linji-gwida (LS 15).
Segretarjat Liturġija, Parroċċi

Is-Segretarjat għamel żjara fi 18-il parroċċa u saret laqgħa mal-membri tal-Kummissjoni Liturġika Parrokkjali. Dawn il-laqgħat kienu pożittivi, iżda:

  1. xi kummissjonijiet iridu jiġu msaħħa u mġedda, fis-sens li ma jibqgħux sempliċi organi li jippreparaw ir-roster tal-letturi u japprovaw il-programmi tal-festi liturgiċi;
  2. f'xi parroċċi għad hemm xi konflitti bejn il-kummissjoni liturġika parrokkjali u l-presbiterju parrokkjali;
  3. il-membri ma għandhomx il-formazzjoni meħtieġa biex ikunu kreattivi u produttivi;
  4. f'hafna parroċċi l-kummissjoni ma għandhiex status biżżejjed li tkun tista' tinforza formazzjoni liturġika "obligatorja" lil dawk kollha li jaghtu servizz liturġiku fil-parroċċa.
Issir animazzjoni aħjar tal-quddiesa tal-Ħadd fuq it-televiżjoni u r-radju (LS 15).
Segretarjati Liturġija u Komunikazzjoni Soċjali

Dwar dan l-aspett għad ma kien hemm xejn konkret ħlief xi taħditiet mas-Segretarju Pastorali.

Jiġu ppreparati sussidji għall-quddiesa tat-tfal (LS 15).
Segretarjati Liturġija u Katekeżi

Fr. Raphael Pace ħa ħsieb il-pubblikazzjoni ta' hand-outs biex jgħinu lit-tfal jieħdu sehem aħjar fil-liturġija tal-Kelma waqt il-quddiesa tal-Ħadd. Minn dawn il-hand-outs jiġu stampati madwar 2500. Għalkemm oriġinarjament dawn is-sussidji kienu maħsuba għall-parroċċa, illum jintużaw l-aktar fl-iskejjel u fiċ-ċentri tad-duttrina.

Is-Segretarjat ghal-Katekezi ħareġ power-point presentation b'katekeżi għat-tfal dwar il-quddiesa.

Jitħejjew proposti ta' ċelebrazzjonijiet liturġiċi għall-quddies għall-adolexxenti (AŻ 49-50).
Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Segretarjati Liturġija, Segretarjat Katekeżi

Inħolqot lista ta' fejn isir quddies għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Bħalissa t-tim tal-liturġija flimkien mad-Delegat qed iduru dawn il-parroċċi. Wara se jinħolqu dawn il-proposti taċ-ċelebrazzjonijiet minn dak li qed ikun suċċess f'dawn il-quddies u resource pack flimkien mas-Segretarjat tal-Liturġija. Dawn se jiġu mnieda fit-3 t'Ottubru f'laqgħa li se ssir l-Istitut Kattoliku lil kull min b'xi mod imiss ma' l-animazzjoni tal-liturġija fost iż-żgħażagħ.

Jittieħdu inizjattivi għal liturġija ħajja għaż-żgħażagħ fil-parroċċi billi jiġu iffurmati gruppi għall-animazzjoni liturġika (AŻ 50).
Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Segretarjat Liturġija, Parroċċi

Se ssir ħidma fuq din wara li jitlestew il-proposti.

Isir ċensiment fuq l-attendenza tal-Maltin fil-Quddies tal-Ħadd (2005) u analiżi fuqu.
Discern, Parroċċi

Beda x-xogħol fuq iċ-ċensiment tal-quddies tal-Ħadd. Ġew magħżula, u mlaqqgħa l-Parish Coordinators u f'Settembru se ssir it-tieni laqgħa li fiha se jingħataw aktar dettalji. Saret ukoll laqgħa mal-Kurja tad-Djoċesi ta' Għawdex billi ċ-ċensiment ikopri lil din id-djoċesi wkoll. L-istampar ta' l-iskedi se jsir għall-aħħar ta' Settembru 2005. Din ir-riċerka qed issir minn Rev Joe Inguanez, bl-għajnuna loġistika ta' Rev Alex Bezzina, Research Operations Coordinator tad-Discern.

Ikun hemm follow-up tas-seminar dwar l-omelija li sar lis-saċerdoti f'Settembru 2004 (XK 41; LS 9).
Segretarjat Kleru u Ħajja Konsagarata

Sar follow-up waqt diversi laqgħat tal-Kunsill Presbiterali u qed jiġi studjat kif ikunu attwati suġġerimenti li ħarġu.

Ikunu ppubblikati kotba liturġiċi – i.e. Reviżjoni tal-Lezzjonarju ferjali u tal-Ħdud; Direttorju għad-Devozzjonijiet Popolari; Daħla għall-Missal Ruman (LS 10).
Kummissjoni Liturġika Nazzjonali

Għad li l-Kummissjoni Liturġika Nazzjonali taf bin-nuqqas ta' kotba liturġiċi fl-istampa, għalissa ġie deċiż li naraw kif qed jiġu tradotti l-kotba liturġiċi f'pajjiżi oħra, fid-dawl ta' l-aħħar Istruzzjoni dwar it-traduzzjoni, biex imbagħad noħorġu bil-verżjonijiet tagħna. Din is-sena l-Kummissjoni Liturġika stampat fir-rivista QIM id-Daħla għall-Missal Ruman u d-Daħla ghall-Ktieb ta' l-Eżorċiżmi. Għandna wkoll xi talb li qed jistenna l-approvazzjoni mill-Kongregazzjoni għall-Kult u għad-Dixxiplina tas-Sagramenti.

Din is-sena, bħala għajnuna, il-Kummissjoni Liturgika bniet website (l-indirizz hu: http://www.klnmalta.org) b'ħafna tagħrif liturġiku li jinkludi:

  1. il-qari kollu tal-Ħdud;
  2. il-lawdi, il-vespri, u l-kompieta għal kull jum tas-sena;
  3. ir-rit tal-Quddiesa bil-Malti, Latin, Ingliż, Taljan, Franċiż, Ġermaniż;
  4. kalendarju liturġiku.

Hemm il-ħsieb li dan is-sit ikompli jikber fix-xhur li ġejjin.

Ikun hemm ħidma biex tibda ssir, f'kull skola tal-Knisja, tħejjija tal-Vanġelu ta' Jum il-Mulej (LS 14).
Segretarjati Edukazzjoni, Katekeżi, Liturġija u Komunikazzjoni Soċjali

Is-Segretarjat Edukazzjoni kkuntattja lill-iskejjel dwar din l-inizjattiva. F'diversi skejjel din qed issir darba f'ġimgħa, imma s'issa għad m'għandniex dettalji kollha dwar dil-ħidma. Dawn qegħdin jinġabru.

Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan

Ikun hemm liturġija formattiva għaż-żgħażagħ fil-Knisja ta' Sarria s-Sibt filgħaxija (AŻ 49).
Patrijiet Ġiżwiti

Din il-liturġija kompliet issir. L-animazzjoni ssir minn gruppi ta' żgħażagħ differenti u Ġiżwiti li qiegħdin f'kuntatt magħhom.

Isiru lezzjonijiet dwar il-liturġija lill-membri li ħafna minnhom impenjati f'ħidma liturġika fil-parroċċi. L-irtiri ta' matul is-sena 2005-2006 jiffukaw fuq l-Ewkaristija (LS 32-33).
Azzjoni Kattolika

Saru dawn il-lezzjonijiet dwar il-liturġija. L-irtiri ta' 2005 kienu jiffukaw fuq l-Ewkaristija bħala għajn ta' Appostolat , b'referenza għad-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan.

Issir ħidma ta' tiġdid fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
Mixja Neokatekumenali

Saret din il-ħidma f'xi parroċċi, fejn kien possibbli li wieħed jagħti l-kontribut tiegħu.

Issir ħidma għal parteċipazzjoni aħjar tat-tfal u l-adolexxenti fil-quddiesa tal-Ħadd (AŻ 49-50).
Museum irġiel

Din saret, u fejn kien possibbli żdied is-sehem dirett billi bi ftehim mal-kappillan, l-animazzjoni tal-quddiesa tkun f'idejn il-qasam tal-Museum tal-parroċċa. Fl-oqsma tqassam ukoll fuljett imħejji minn Fr Jesmond Manicaro biex jgħin f'din il-parteċipazzjoni.

Issir ħidma biex jissaħħaħ l-apprezzament taċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fl-iskejjel, b'mod li l-istudenti jagħtuha l-importanza li tixirqilha (AŻ 46-47, 49).
Kulleġġ Santu Wistin, St Michael's, Seminarju Minuri, Skejjel St Joseph, De La Salle

F'dawn l-iskejjel, qed isiru diversi inizjattivi biex jissaħħaħ l-apprezzament tal-quddiesa; fost l-oħrajn, permezz ta' parteċipazzjoni attiva mill-istudenti, kif ukoll billi f'quddies fost il-ġimgħa, tittieħed bħala tema l-liturġija tal-Ħadd ta' wara, biex l-istudenti jkunu ppreparati aħjar. Tingħata attenzjoni wkoll lil festi speċjali.

3. Formazzjoni skond il-linji-gwida tas-Sinodu

Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali

Jitwaqqaf u jibda jaħdem l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali (XK 32; KSK 76) b'mod li jkun hemm proġetti komuni ta' formazzjoni skond il-ħtiġijiet ta' llum u b'mod iżjed koordinat.
Arċidjoċesi

Sar ħafna xogħol ta' tħejjija għall-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali. L-Arċisqof innomina d-direttur tiegħu, li hu P. Fabio Attard SDB. Twaqqaf ukoll il-Bord li b'konsultazzjoni ma' diversi oqsma, qed ifassal iċ-Charter u l-istatut ta' l-Istitut. Bdew ukoll proġetti partikulari fl-oqsma taż-żgħażagħ u tal-Caritas.

Issir ħidma biex l-Istitut Kattoliku jkun Ċentru ta' formazzjoni u ta' kultura b'ispirazzjoni Kattolika. Għalhekk l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali jkollu l-uffiċċji tiegħu fl-Istitut Kattoliku. (KSK 41; XK 26).
Arċidjoċesi

Din il-ħidma bdiet. Ġiet allokata l-kamra li se tintuża mill-Kummissjoni Kultura, kif ukoll sala u kamra oħra għall-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali. Bdew isiru xogħlijiet ta' refurbishment fihom. Tqabbad perit biex iħejji pjan ta' refurbishment ta' l-Istitut Kattoliku kollu, ħalli gradwalment ikun jista' jsir xogħol ta' tisbiħ bi pjan għal tul ta' snin.

Tkompli ssir il-ħidma li bdiet li jitqassmu sussidji fuq diversi suġġetti ttrattati fid-dokumenti tas-Sinodu, u li jgħinu fil-formazzjoni tal-mentalità tas-Sinodu.
Segreterija Pastorali, Parroċċi

Ġew stampati diversi libretti oħra, ma' dawk li kienu diġa' ppubblikati s-sena li għaddiet (issa b'kollox hemm 20 fuq suġġetti differenti); tqiegħdu wkoll fuq il-website tas-Sinodu (http://www.sinodu.org.mt). Diversi parroċċi użaw dawn il-libretti bħala għajnuna għall-formazzjoni ta' l-operaturi pastorali.

Tkompli l-ħidma biex ikunu approfonditi aktar tliet oqsma partikulari identifikati mill-Assemblea tas-Sinodu: il-persuni b'diżabilità; il-Knisja u l-qasam ta' l-edukazzjoni; il-ħajja konsagrata.
Segreterija Pastorali u t-taqsimiet konċernati

Tħejja dokument dwar il-Knisja u l-persuni b'diżabilità, wara konsultazzjoni wiesgħa – dan ġie diskuss f'diversi kunsilli tal-Knisja kif ukoll ma' aġenziji u għaqdiet oħra mhux tal-Knisja, li huma attivi f'dan il-qasam. Il-ħsieb hu li sas-sena d-dieħla jkun ippubblikat dan id-dokument. Dwar iż-żewġ dokumenti l-oħra, għad irid jinbeda x-xogħol.

Jissaħħaħ il-programm ta' formazzjoni permanenti għas-saċerdoti, b'inizjattivi ġodda (KSK 81-82).
Segretarjat Kleru u Ħajja Konsagrata

Beda kors ġdid ta' formazzjoni permanenti, b'laqgħat darba fix-xahar, għal grupp ta' saċerdoti li qaddsu f'dawn l-aħħar ħames snin. Wara l-ewwel seba' xhur, qed issir valutazzjoni biex jaqdi aħjar il-ħtiġiet tas-saċerdoti.

Qed isir tiġdid fl-istruttura tas-Segretarjat Kleru. Se jkun hemm sezzjoni ta' formazzjoni permanenti, u se jkun responsabbli għaliha Fr Jimmy Bonnici.

L-Aġġornament tal-Kleru ta' 2005 se jkun fuq il-familja – qasam indikat fil-Pjan Pastorali stess.

Isir kors f'leadership skills għall-adulti (LN 64).
Forum tal-Għaqdiet u tal-Movimenti Kattoliċi

In vista tat-twaqqif ta' l-Istitut ta' Formazzjoni, il-Forum ser iressaq proposta

lill-Istitut biex jagħti linji għall-bidu ta' dan il-Kors fis-sena 2006.

Isiru stediniet regolari u ssir enfasi fuq l-importanza ta' formazzjoni kontinwa lill-operaturi pastorali fil-parroċċi (XK 38; KSK 73).
Segretarjat Parroċċi

Is-Segretarjat offra li jorganizza u jmexxi kors ta' formazzjoni lill-membri tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali, speċjalment dawk ġodda. Dan qed jistenna li jiddaħħal fil-programm ta' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali.

Isir programm ta' formazzjoni għal-Letturi, Ministri Straordinarji tat-Tqarbin u l-membri tal-Kummissjoni Liturġika Parrokkjali – imqassam f'laqgħat fl-unitajiet (LS 4).
Segretarjati Liturġija u Parroċċi

Din is-sena saru laqgħat f'sitt unitajiet, i.e. unitajiet 3, 7, 12, 13, 14, 15. Dawk kollha li pparteċipaw kellhom kummenti pożittivi, biss f'xi unitajiet ingħatat importanza kbira lill-kors tal-Ministri straordinarji tat-tqarbin u mbagħad kien hemm attendenza fqira għal-laqgħat ta' formazzjoni liturġika għall-membri tal-Kummissjoni Liturġika Parrokkjali.

Bħala laqgħat ta' formazzjoni, s-Segretarjat organizza wkoll żewġ korsijiet ta' 13-il laqgħa l-wieħed lis-sorijiet Ursolini. Ingħataw korsijiet jew konferenzi fi 8 parroċċi.

Ikun hemm taħriġ fil-komunikazzjoni simbolika fil-mixja ta' fidi għall-persuni b'diżabilità intellettwali (VKK 18vii).
Kummissjoni persuni b'diżabilità u Segretarjat Katekeżi

Din il-ħidma ngħatat bidu għaliha fid-Dar tal-Providenza. Il-ħsieb hu li issa tiġi estiża gradwalment fil-parroċċi. Hemm proposta wkoll ta' tip ta' akkumpanjament fil-fidi mal-koppji miżżewġin li jkollhom ulied b'diżabilità intellettwali.

Isir kors għall-youth leaders b'kollaborazzjoni mas-Salesian Pastoral Youth Service (AŻ 35).
Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ

Il-kors ġie ffinalizzat fl-aħħar ta' Mejju. Kellna b'kollox 20 applikant. L-applikanti kienu l-iktar ta' mexxejja kemm taż-żgħażagħ kif ukoll ta' adolexxenti flimkien ma' xi għalliema tar-reliġjon. Dan il-kors qiegħed jiġi offrut mill-Fakulta' tat-Teoloġija. Inħadem ukoll f'kollaborazzjoni ma' l-Istitut Djoċesan ta' Formazzjoni.

Isir kors intensiv dwar l-ambjent naturali fil-gżejjer Maltin. Jiġi ppublikat ktejjeb dwar il-ħarsien ta' l-ambjent u r-reliġjon (KSK 53).
Kummissjoni Ambjent

Il-kors huwa ppjanat għas-sena 2006. Il-ktejjeb huwa ppjanat li jsir matul ix-xhur li ġejjin.

Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan

F'kollaborazzjoni ma' l-Istitut ta' Formazzjoni, iċ-¬entru Spiritwalità Injazjana joffri s-servizzi tiegħu fl-organizzazzjoni ta' korsijiet u esperjenzi formattivi (KSK 83iii).
Ċentru Spiritwalità Injazjana

Iċ-Ċentru organizza diversi korsijiet u esperjenzi formattivi. Qed iħares lejn kollaborazzjoni akbar ma' l-Istitut ta' Formazzjoni fis-snin li ġejjin.

Iċ-Ċentru Spiritwalità Marjana jorganizza seminars ta' formazzjoni fuq l-ispiritwalità Marjana (AŻ 43).
Patrijiet Karmelitani

Minn dawn is-seminars saru tnejn, fuq bażi ta' weekend, u tnejn oħra fuq bażi ta' nofs ta' nhar.

Jingħata kontribut mill-membri tas-Soċjetà fl-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali (XK 32).
Museum irġiel

Is-Soċjetà wriet din id-disponbilità lill-Istitut u qed tħares 'il quddiem lejn dan il-kontribut.

Isiru korsijiet ta' formazzjoni mill-komunitajiet reliġjużi bil-għan li jintlaħqu kemm il-kongregazzjonijiet infushom kif ukoll ħaddiema oħra fi ħdanhom (KSK 81-82).
Sorijiet Sacred Heart, Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu', Agostinjani

Dawn il-korsijiet qed isiru, u b'mod regolari jwasslu l-valuri tas-Sinodu u t-tagħlim li joħroġ mid-dokumenti tas-Sinodu. Qed isir sforz biex jintlaħqu wkoll ħaddiema oħra minbarra r-reliġjużi.

Djar tar-reliġjużi jkunu miftuħin għal-laqgħat ta' formazzjoni kemm tal-lajċi kif ukoll għar-reliġjużi (VKK 29).
Sorijiet Sacred Heart, Ursolini

Dan sar matul din is-sena.

Ikun hemm korsijiet ta' formazzjoni fi ħdan l-għaqdiet u l-movimenti kemm għall-membri nfushom kif ukoll biex iwettqu aħjar l-appostolat tagħhom (LN 58; 62).
Museum, SAS – Azzjoni Kattolika, Legion of Mary, Youth Fellowship

Dawn l-għaqdiet għamlu dawn il-laqgħat ta' formazzjoni, ħafna minnhom b'enfasi partikulari fuq id-dokumenti tas-Sinodu jew suġġetti utli li joħorġu minn dawn id-dokumenti.

Isiru korsijiet speċifiċi fuq l-ispiritwalità ta' komunjoni kif imfassla fl-enċiklika Novo Millenio Ineunte u fid-dokument Viżjoni ta' Knisja komunjoni (VKK 17-18; LN 62).
Fokolari

Dawn iridu jsiru aktar 'il quddiem.

4. Attenzjoni partikulari lill-familja u lill-adolexxenti/żgħażagħ

Issir ħidma biex l-Arċidjoċesi jkollha l-ministeri lajkali (VKK 17) f'dawn iż-żewġ oqsma: familja u adolexxenti/żgħażagħ (AŻ 18). Jibda għalhekk it-taħriġ għal dawn il-ministeri.
Arċidjoċesi

Ġiet ippreżentata proposta fil-Kunsilli Presbiterali u Pastorali Djoċesan. Rigward il-Youth Ministers, se jsir l-ewwel kors ta' sena. Rigward il-Family Ministers, hemm il-ħsieb li jintgħażlu sitt koppji għas-sitt distretti, li wara li jagħmlu t-taħriġ meħtieġ, ikunu jistgħu joperaw.

Familja

Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali

Issir edukazzjoni fuq il-valuri tal-familja fost iż-żgħażagħ, fost koppji namrati, fost il-miżżewġin ġodda. Tintuża l-media biex titwassal din l-edukazzjoni fuq il-valuri tal-familja (ŻF 30; LN 60).
Kummissjoni Djoċesana Familja, Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ u Moviment ta' Kana

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja ħadet ħsieb ta' żewġ sensieli ta' programmi fuq l-RTK dwar il-valuri tal-familja u ħadet sehem fi progammi fuq Radju Malta, programmi li kienu jittrattaw il-familja fid-dawl tad-dokument tas-Sinodu Żwieġ u Familja.

Bil-għan li kull min jagħmel ħidma pastorali mal-familja jkun iffurmat tajjeb, kull tliet xhur qed isiru laqgħat ta' formazzjoni għall-membri tal-Kummissjoni. Membri ta' għaqdiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-familji qed ikunu mistiedna għal-laqgħat.

Billi hu importanti ħafna li l-għalliema jingħataw formazzjoni fuq il-valuri tal-familja nisranija, qed jitlesta kit ghal seminar ta' ftit sigħat għall-għalliema ta' l-iskejjel tal-Knisja biex ikunu megħjuna jwasslu messaġġ posittiv dwar il-familja fil-lezzjonijiet tagħhom ikunu fuq liem suġġett ikunu. Hemm ukoll il-ħsieb li l-istess kit ikun jista' jintuża minn għalliema fi skejjel oħra li juru interess.

_

F'kollaborazzjoni mal-Moviment ta' Kana qed jitħejja manwal maħsub biex ikun ta' għajnuna għal-leaders taċ-ċentri taż-żgħażagħ biex dawn ikunu jistgħu jwasslu l-valuri tal-familja liż-żgħażagħ speċjalment liż-żgħażagħ namrati.

Ikun hemm tisħiħ tal-Kummissjoni Parrokkjali Familja fid-dawl tal-linji-gwida aġġornati. Fejn m'hemmx, titwaqqaf din il-Kummissjoni (ŻF 29).
Kummissjoni Djoċesana Familja, Parroċċi

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja qed iżżomm kuntatt mill-qrib mal-parroċċi u qed tħeġġeġ li fejn m'hemmx Kummissjoni Parrokkjali Familja din titwaqqaf skond il-linji-gwida maħruġa. In-numru ta' parroċċi fejn qed titwaqqaf din il-Kummissjoni qiegħed dejjem jikber. F'ħafna parroċċi din qed isservi biex jiġu identifikati u jinżamm kuntatt ma' familji f'diffikultajiet. F'xi każi l-Kummissjoni qed tkun mezz ta' reaching out u wkoll punt ta' referenza.

Jidher ukoll li hemm numru żgħir ta' parroċċi fejn saru attentati biex titwaqqaf il-Kummissjoni, iżda dawn ma rnexxewx minħabba nuqqas ta' riżorsi umani.

Ikun hemm aktar żjarat fil-familji fil-komunitajiet parrokkjali (ŻF 44; XK 42).
Segretarjat Parroċċi

Ħafna parroċċi qed jagħmlu ħilithom biex iżommu kuntatt mill-qrib mal-familji pemezz ta' żjajjar lill-familji. Dawn qed isiru kemm mill-kappillani kif ukoll mis-saċerdoti mhux biss fiż-żmien it-tberik tal-Għid imma wkoll matul is-sena. Hemm każi fejn membri tal-Kummissjoni Parrokkjali Familja stess qed jagħmlu dawn iż-żjajjar.

Ikun hemm tisħiħ tas-servizzi li jagħti l-Moviment ta' Kana billi ssir valutazzjoni ta' l-istrutturi u l-ħidmiet tiegħu (ŻF 34):
  • Counsellors ġodda u servizz ta' counselling fil-parroċċi (ŻF 38);
  • Aġġornament tal-kors ta' Kana u tal-koppji mexxejja (ŻF 30-31; 33);
  • Preparazzjoni ta' materjal għal-laqgħat going steady (ŻF 30);
  • Jitwaqqaf grupp immirat għall-koppji għarajjes li attendew il-kors ta' Kana (ŻF 35).
Moviment ta' Kana

Ġie mniedi proċess ta' valutazzjoni esterna permezz ta' Counsellor stabbilit lokalment tas-servizzi fil-qasam tal-counselling u tal-korsijiet ta' tħejjija għaż-żwieġ. Ir-rapport għadu qed jitħejja.

_

Għadhom qed isiru taħditiet u kuntatti biex jinstab Korp/Aġenzija stabbilita li tkun tista' tħarreġ Counsellors ġodda li twassal li tagħtihom ċertifikat ta' accreditation.

L-aġġornament tal-kors ta' Kana miexi ġmielu; qed issir ħidma biex xi laqgħat isiru permezz ta' videos maħduma lokalment. Hekk per eż. l-iscript tas-suġġett "Is-Sesswalità tagħna" hu diġa miktub u qed isiru tħejjijiet dwarsponsors u filming. Inbeda wkoll il-proċess biex jinkiteb l-iscript tat-tieni video fuq "Ġenituri Responsabbli".

L-aġġornament tal-koppji mexxejja kompla b'laqgħat minn żmien għal żmien. Fil-kors ta' taħriġ għall-koppji mexxejja ġodda żdiedu żewġ laqgħat. F'Settembru ser jiġi organizzat Seminar għall-Koppji Inkarigati fejn se jiġu diskussi proċeduri rigward il-koppji mexxejja ġodda u l-kors ta' tħejjija għaż-żwieġ innifsu.

Il-preparazzjoni tal-materjal għal-laqgħat tal-going steady miexi sewwa u wasal tista' tgħid fl-aħħar fażi tiegħu. Dan hu maħsub bħala għodda għal-leaders taċ-Ċentri ta' l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.

Il-grupp ta' follow-up għall-korsijiet ta' tħejjija għaż-żwieġ (il-Belong) twaqqaf diġa. Il-konkorrenza kienet inkoraġġanti u hemm il-ħsieb li jitkompla kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll f'aktar parroċċi.

Isir follow-up tal-ħidma tat-task force li twaqqfet rigward il-backlog fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Titwaqqaf u tibda taħdem il-Kummissjoni Pastorali Tribunal Ekkleżjastiku (ŻF 47-48).
Arċidjoċesi

It-task force għamlet ir-rapport tagħha lill-Arċisqof. Ġew studjati l-proposti, u l-Arċisqof ħa xi deċiżjonijiet fosthom il-ħatra ta' żewġ imħallfin ġodda, li huma lajċi nisa.

Qed ikun ikkunsidrat kif l-aħjar jiġu megħjuna pastoralment persuni li jkollhom il-każ tagħhom quddiem it-Tribunal Ekkleżjastiku; għad trid titfassal proposta ta' azzjoni.

Jissaħħu u jitwaqqfu gruppi ta' sapport għas-separati (ŻF 34).
Kummissjoni Djoċesana Familja

Tul is-sena 2004-2005 kien hemm 16-il parroċċa f'Malta fejn twaqqfu support groups għal nisa separati. Il-leaders li qed imexxu dawn il-gruppi ingħataw taħriġ minn qabel. Dan it-taħriġ kien jikkonsisti f'sitt laqgħat minn kelliema professjonali u ġew indirizzati realtajiet u sitwazzjonijiet li tiltaqa' magħhom il-persuna meta sseħħ is-separazzjoni.

Kien hemm ukoll żewġ laqgħat ta'follow-up. Kull min attenda għall-kors ingħata ċertifikat ta' attendenza. Jinħass il-bżonn li dan it-taħriġ ikun ongoing. Hu imporanti wkoll li jinżamm kuntatt mill-qrib mal-kappillani tal-parroċċi ta' dawn is-support groups kif ukoll mal-leaders biex wieħed jista' janalizza l-progress u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.

S'issa jidher li hemm xi parroċċi fejn dawn is-support groups qabdu sew u mexjin tajjeb. Hemm oħrajn fejn l-attendenza hi fqira meta mqabbla man-numru ta' nies li jistgħu jagħmlu użu minnhom. Wieħed mis-suġġerimenti hu li, fejn jinħass il-bżonn, il-parroċċi jingħaqdu flimkien bħala unità.

Tingħata għajnuna fl-evanġelizzazzjoni mil-lajċi preżenti fis-setturi tal-familja u taż-żgħażagħ (LN 73).
Segretarjat Lajċi

Permezz tal-ħidma tiegħu fil-promozzjoni tal-Unità Pastorali fl-Arċidjoċesi, is-Segretarjat għal-Lajċi jista' jkun strumentali biex iwassal li jittieħdu inizjattivi konkreti u partikolari mill-Kummissjonijiet Familja Parrokkjali biex jaħdmu lejn żvilupp tal-ħidma b'risq il-familja fil-parroċċi, eż. forma ġdida ta' laqgħat ta' formazzjoni indirizzati lejn il-koppji miżżewġin biex jgħinhom jgħixu s-sagrament taż-żwieġ fl-ewwel ħames snin taż-żwieġ.

Tkun approfondita t-tema 'il-familja u x-xogħol' f'seminar bis-sehem ta' l-imsieħba soċjali (ŻF 17).
Taqsima Pastorali Xogħol, Kummissjoni Djoċesana Familja

Sar seminar ma' l-imsieħba soċjali dwar "Ix-xogħol u l-familja fid-dawl tas-Sinodu". Se ssir ukoll ħidma fuq din it-tema matul is-sena d-dieħla.

Jitħejja rapport li jagħti spjegazzjoni tal-pożizzjoni f'pajjiżna, dwar dawn l-issues konnessi mal-familja: divorzju, abort (ŻF 45-46).
Kummissjoni Djoċesana Familja

Il-Kummissjoni Djoċesana Familja żammet għajnejha miftuħa għal dak kollu li qed jiġri f'pajjiżna kemm fuq l-issue ta' l-abort kif ukoll fuq il-bioteknoloġija u l-inġinerija ġenetika. Xi wħud mill-Kummissjoni kitbu fil-gazzetti lokali dwar dan is-suġġett. Jinħass iżda l-bżonn li kemm jista' jkun malajr jinstab grupp żgħir ta' persuni b'background professjonali li jkun jista' jgħin fuq studju dwar issues partikolari li għandhom x'jaqsmu mal-familja. Fil-fatt, saret proposta dwar it-twaqqif ta' dan il-grupp u ġiet diskussa fost id-delegati.

Ikun hemm aġġornament tal-korsijiet għall-għarajjes Maltin li jiżżewġu barranin (ŻF 51).
Segretarjat Emigrazzjoni

Minbarra l-korsijiet ta' tħejjija, qed isiru wkoll laqgħat inividwali mal-għarajjes meta jkunu waslu fil-viċin tal-ġurnata taż-żwieġ.

Jinħoloq aktar kuntatt ma' Maltin li jiżżewġu barranin bi żwieġ ċivili (ŻF 49).
Segretarjat Emigrazzjoni, Parroċċi

Il-Catholic Enquiry Centre (CEC) qed iżomm l-istatistika f'dak li għandu x'jaqsam maż-żwiġijiet ċivili u qed jistudja din l-istess problema. Bl-emendi li saru fil-liġi, iż-żwiġijiet ċivili minn naħa naqsu — jiġifieri dawk ta' Maltin li jiżżewġu baranin, fejn ikun żwieġ ta' konvenjenza; imma żdiedu dawk ta' bejn il-Maltin stess, jiġifieri dawk ta' Maltin ma' Maltin.

Il-CEC jgħin ukoll lil dawk il-Maltin li jkunu żżewġu lill-barranin bi żwieġ ċivili u aktar tard, jitolbu li jikkonvalidaw iż-żwieġ tagħhom biex isir bil-Knisja. Lil dawk li m'humiex Kattoliċi, jekk jitolbu, il-CEC jgħinhom jippreparaw ruħhom biex jirċievu s-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma ta' l-Isqof.

Isir studju b'riċerka fuq il-familja Maltija (ŻF 23).
Discern, Kummissjoni Djoċesana Familja, Moviment ta' Kana, Catholic Enquiry Centre

L-istudju fuq il-familja Maltija għadu ma bediex.

Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan

Membri ta' l-Azzjoni Kattolika jkunu 'koppji mexxejja' fil-korsijiet ta' tħejjija għaż-żwieġ (ŻF 33).
Azzjoni Kattolika

Membri ta' l-Azzjoni Kattolika wettqu l-ħidma ta' 'koppji mexxejja' fil-korsijiet tat-tħejjija għaż-żwieġ.

Isiru laqgħat ta' follow-up wara l-kors ta' tħejjija għall-għarajjes (ŻF 35).
Youth Fellowship

B'kollaborazzjoni mal-Moviment ta' Kana, membri tal-komunità jorganizzaw il-laqgħat ta' follow-up bl-isem 'Belong'. Dawn il-laqgħat isiru darba f'xahar.

Tittella' FamiljaFest fil-Mariapoli f'April 2005.
Fokolari

Il-moviment tal-Fokolari tella' l-FamiljaFest f'April 2005. Bħala impenn, tnedew żewġ proġetti: (i) fuq livell lokali jsiru korsijiet u seminars ta' formazzjoni fil-qasam kollu tal-familja; (ii) b'kontribut mill-familji Maltin, fl-Asja beda l-proġett 'Dar għal kull Familja'.

Tiżdied il-koordinazzjoni interna bejn l-għalliema tal-PSD, tar-Reliġjon u ta' l-Istudji Soċjali biex tissaħħaħ it-tħejjija ta' l-adolexxenti għall-ħajja tal-familja (ŻF 30).
Seminarju Minuri

Saret laqgħa bejn l-għalliema tar-Reliġjon, tal-PSD u ta' l-Istudji Ambjentali fejn ġew studjati l-aspetti jejn tidħol it-tema tal-familja, biex b'hekk ikun aċċertat li globalment qed tasal viżjoni realistika, pożittiva u ħolistikament nisranija tal-familja. Saru xi suġġerimenti fejn jista' jkun hemm tisħiħ biex il-valuri tal-familja jaslu b'mod iktar organiku tul iż-żmien li l-istudenti jagħmlu l-iskola. Ġew organizzati wkoll numru ta' morning assemblies b'temi marbuta mal-familja.

Adolexxenti u Żgħażagħ

Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali

Jitħejja programm ta' katekeżi għall-adolexxenti (AŻ 33).
Segretarjat Katekeżi u Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ

Il-ħidma fuq dan il-programm imxiet b'ritmu tajjeb ħafna. Wara li twaqqfet kummissjoni b'rappreżentanza mis-Segretarjat Katekeżi, Kummissjoni Djoċessana Żgħażagħ, Żgħażagħ Azzjoni Kattolika u persuni oħra speċjalizzati f'dan il-qasam, tfasslu linji-gwida li qegħdin f'fażi ta' studju u konsultazzjoni. Tfasslu wkoll programm u skemi ta' madwar 20 laqgħa għall-katekeżi parrokkjali għall-preadolexxenti li jkunu Form 2, is-sena ta' wara li jkunu għamlu l-Griżma wara s-sena 2010. Saru wkoll kuntatti diretti fil-post ma' 20 parroċċa u ngħataw l-ewwel orjentamenti. Qed jiġi propost kors minn Ottubru sa Diċembru għal dawk l-animaturi li jixtiequ jħaddmu dan il-programm. Sadattant, beda jinħadem ukoll il-programm tas-sena ta' wara.

Issir riċerka fuq it-tendenzi reliġjużi taż-żgħażagħ (AŻ 4).
Discern, Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Segretarjat Katekeżi

Ir-riċerka fuq iż-żgħażagħ qed tiġi ppjanata bid-dettalji kollha u diġa' nħadem il-budget tagħha. Bħalissa qed infittxu sponsors. Il-Minsteru taż-Żgħażagħ qed juri interess f'din ir-riċerka. Din ir-riċerka se tkun immexxija minn Rev Joe Inguanez u Dr Adrian Gellel.

Jinħolqu linji-gwida għall-kummissjoni adolexxenti/żgħażagħ fil-parroċċi (AŻ 19-20). Fejn m'hemmx, titwaqqaf din il-kummissjoni.
Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Parroċċi

Dawn tlestew f'Jannar li għadda u ġew mogħtija lill-kappillani fil-live-in annwali tagħhom. Saru żewġ laqgħat lill-youth leaders u saċerdoti responsabbli miż-żgħażagħ qabel u wara li ħarġu dawn il-linji-gwida. S'issa twaqqfet Kummisjoni Żgħażagħ fi 8 parroċċi. Parroċċi oħrajn qegħdin fil-proċess li jwaqqfu waħda. Parroċċi oħrajn għalissa jħossu li għadu mhux il-waqt, m'għandhomx riżorsi, ma jħossux il-bżonn jew ma jixtiqux iwaqqfu waħda.

Jiġu organizzati weekend encounters u adventure weekends għaż-żgħażagħ, bil-għan li jgħinuhom fil-valuri tal-ħajja (AŻ 33iii).
Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ

Weekend encounters. Saru ħamsa. Hemm domanda kbira għalihom u dejjem bin-nies fuq il-waiting list. Hemm tim ta' ħames animaturi u tnejn oħra voluntiera ġodda.

Adventure weekends. Kien hemm waħda: 8-10 April għall-Grupp Adolexxenti Ħaż Żabbar Form 4-5. Kien hemm erba' talbiet oħra, li iżda ma rnexxewx minħabba li ma kienx hemm gruppi ta' tnax-il persuna. Jekk il-weekend isir b'inqas nies ma jkunx vjabbli minħabba l-ispejjeż kbar li jinvolvi. Sar ukoll tentattiv ma' grupp ta' inspectors li jaħdmu fuq il-karozzi tal-linja billi dawn huma kollha ta' età żagħżugħa u ma jkollhom ebda okkażjoni ta' formazzjoni, imma dan ma rnexxiex. Filwaqt li ż-żgħażagħ togħġobhom ħafna l-idea, qed ikun hemm diffikultajiet lejn l-aħħar aktarx minħabba li xi ġenituri jibżgħu jafdaw lil uliedhom. Bħalissa qed tissaħħaħ il-promozzjoni ta' dan is-servizz.

Live-ins. Saru tlieta għall-istudenti ta' St Augustine. Dawn kienu weekends tailor-made għal din l-iskola billi xtaqu xi ħaġa differenti mis-servizzi li joffri l-KDŻ.

Ikun hemm tisħiħ tas-servizz tar-religious counsellors fl-iskejjel, fost l-adolexxenti (AŻ 40).
Segretarjat Katekeżi

F'35 skola sekondarja statali, is-Segretarjat qed jieħu ħsieb jipprovdi religious counsellor. Hemm 16-il skola sekondarja tal-Knisja fejn hemm ukoll religious counsellor, filwaqt li f'4 oħra m'hemmx wieħed stabbli. F'5 skejjel privati sekondarji, hemm religious counsellor.

Fil-bidu tas-sena skolastika, isir seminar bħala tħejjija għar-religious counsellors kollha. Qed issir ħidma biex is-servizz tar-religious counsellors ikun parti mill-ischool development plan. Se tibda ssir kull sena valutazzjoni u ppjanar tar-religious counsellors fl-iskejjel. Diġa' hemm kuntatti ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali biex ikun hemm kors ta' kwalifika għar-religious counsellors.

Fl-MCAST, għall-ewwel darba din is-sena, hemm religious counsellor full-timer.

Issir sensibilizzazzjoni ta' l-adolexxenti u taż-żgħażagħ fuq 'id-dinjità tal-bniedem' speċjalment fl-iskejjel, b'għajnuniet lill-għalliema (AŻ 36).
Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Segretarjat Katekeżi

Il-Kummissjoni rat li jkun aħjar li din is-sensibilizzazzjoni ma tkunx biss tqassim ta' materjal, imma li jkun hemm xi ħaġa li tinżel aktar fil-fond u li titratta t-tagħlim soċjali tal-Knisja. L-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali laqa' s-suġġeriment li t-tagħlim soċjali tal-Knisja jkun parti mill-kors bażiku li joffri.

Jinħoloq kuntatt ma' l-istudenti barranin Kattoliċi biex ikunu offruti lilhom is-servizzi meħtieġa (AŻ 60).
Segretarjat Emigrazzjoni u Turiżmu

Is-Segretarjat qed jara kif jista' jgħin f'dan il-qasam. Qed jikber dejjem in-numru ta' studenti żgħażagħ li jiġu Malta biex jitħarrġu fil-lingwa Ingliża. Is-Segretarjat qed jara kif jista' jqiegħed għad-disposiżżjoni ta' dawn iż-żgħażagħ il-wirt nisrani kulturali aktar attraenti għalihom. Saru kuntatti ma' xi skejjel tal-linġwa Ingliża ħalli s-Segretarjat iħajjarhom iġibu l-istudenti jaraw Sacred Island, u wara jistgħu jsegwu diskusjoni fuq l-istess suġġett. Is-Segretarjat irid jiddiskuti maċ-chaplain ta' l-Università kif jista' jilħaq l-istudenti universitarji barranin.

Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan

Ikun hemm impenn għall-ħidma koordinata maż-żgħażagħ permezz ta' l-Ignatian Youth Network.
Patrijiet Ġiżwiti

Dan in-network kompla jsaħħaħ il-ħidma bejn is-setturi differenti tal-appostolat tal-Ġiżwiti maż-żgħażagħ. Saru attivitajiet intersettorjali bħal irtiri fis-silenzju, l-aktar għal studenti universitarji. Iż-żgħażagħ kollha li għamlu xogħol volontarju fis-sajf, fl-Eġittu, fl-Alġerija, fl-isptar ta' Cottolengo, fiż-Żejtun u dawk li ħadu sehem fil-Jum Dinji taż-żgħażagħ fil-Ġermanja, iltaqgħu kollha flimkien kemm qabel l-esperjenzi kif ukoll wara. Ħadna sehem fil-proposta Injazjana, Magis 2005, organizzata mill-Giżwiti li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Ewropa. Komplejna nsaħħu dak li hu speċifiku għall-ħidma tagħna maż-żgħażagħ, ie l-għoti tal-Eżercizzi Spiritwali ta' Sant' Injazju, l-għażla preferenzjali tal-fqar u l-formazzjoni ta' Komunitajiet ta' Ħajja Nisranija (CLC).

Ikun hemm tisħiħ taċ-Chaplaincies fl-Università u fil-Junior College fost l-istudenti żgħażagħ (LN 73).
Patrijiet Ġiżwiti

Żdied l-outreach mal-istudenti universitarji kif ukoll il-proposti pastorali għall-istudenti u l-istaff tal-università. Jinħass bżonn kbir li nsaħħu l-preżenza tal-personell lajk fic-Chaplaincy tal-Università.

Ikun hemm involviment ta' gruppi ta' żgħażagħ fi proġetti ta' volontarjat u ħidma soċjali kemm barra kif ukoll f'Malta (AŻ 54; DĠ 34).
Patrijiet Ġiżwiti

Matul is-sajf 2005, gruppi ta' żgħażagħ marru għal xogħol volontarju l-Eġittu u l-Alġerija, filwaqt li matul is-sena kien hemm grupp sabiħ igħin fil-proġett tal-Ġiżwiti ż-Żejtun.

Isiru seminars għall-istudenti universitarji (LN 73).
Salesian Pastoral Youth Service

Il-weekend seminars għall-istudenti universitarji saru.

Ikun hemm faċilitajiet aħjar, għall-gruppi ta' żgħażagħ, fi djar immexxija mir-reliġjużi.
Patrijiet Minuri, Sorijiet Sacred Heart

Saret ħidma biex ikun hemm dawn il-faċilitajiet, kemm għal żgħażagħ li jiltaqgħu fi gruppi u jużaw id-djar reliġjużi, kif ukoll bil-possibilità għal żgħażagħ li jkunu jixtiequ jagħmlu esperjenza tal-ħajja reliġjuża fid-djar reliġjużi stess.

ŻAK, b'kooperazzjoni mal-KDŻ, tkompli ssaħħaħ u tifrex il-ħidma tagħha fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ fil-parroċċi.
Azzjoni Kattolika

Kompliet din il-ħidma fil-parroċċi, b'kooperazzjoni mal-KDŻ. F'xi parroċċi twaqqfu gruppi ġodda taż-ŻAK kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adolexxenti, uħud minnhom fuq talba tal-kappillani.

85 membru taż-ŻAK ipparteċipaw fil-Jum dinji taż-Żgħażagħ; din il-parteċipazzjoni kienet frott tal-ħidma li ŻAK wettqu fost iż-żgħażagħ fil-parroċċi. Saret preparazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f'Cologne li għaqqdet flimkien il-gruppi kollha taż-żgħażagħ Maltin li ħadu sehem; dan kien pass pożittiv ħafna fil-koordinament tal-ħidma bejn l-għaqdiet taż-żgħażagħ.

Ikun hemm laqgħat regolari għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ, b'enfasi fuq formazzjoni spiritwali.
Youth Fellowship, Mixja Neokatekumenali
Issir evanġelizzazzjoni fost l-istudenti fl-iskejjel permezz ta' ACTS (AŻ 32).
Youth Fellowship

Din il-ħidma saret f'diversi skejjel f'Malta permezz ta' laqgħat, seminars u rtiri. Bejn Settembru 2005 u Mejju 2006, ACTS se tifrex il-ħidma tagħha b'inizjattiva li għandha l-għan li tipprovdi lill-parteċipanti formazzjoni u taħriġ intensiv f'ħidma ta' evanġelizzazzjoni u servizz.

Hija mmirata għal żgħażagħ li għadhom kif temmew l-istudji post-sekondarji jew terzjarji tagħhom u lesti jiddedikaw sena għal dan il-proġett; żgħażagħ li jaħdmu jistgħu jipparteċipaw billi jieqfu mix-xogħol tagħhom għal dan il-perjodu. Il-programm mifrux fuq tletin ġimgħa jikkonsisti fost l-oħrajn f'laqgħat ta' formazzjoni kif ukoll ħidma fl-iskejjel u f'volontarjat.

Issir evanġelizzazzjoni fost l-istudenti barranin fis-sajf (AŻ 60).
Youth Fellowship

Il-grupp għadu jikkonsidra l-possibilta' ta' din l-inizjattiva.

Tingħata aktar attenzjoni għall-membri bejn it-12 u t-18-il sena. Isir eżerċizzji u valutazzjoni fuq metodi u tmexxija ta' dawn il-gruppi.
Legion of Mary

Qed tingħata din l-attenzjoni. Saru u qed isiru diskussjonijiet fuq skala nazzjonali rigward id-diffikultajiet u l-problemi f'dawn il-gruppi, kif ukoll valutazzjoni fuq il-metodi u t-tmexxija tagħhom.

Tissaħħaħ il-ħidma vokazzjonali, b'laqgħat għall-adolexxenti u żgħażagħ fil-parroċċi, fil-komunitajiet u fl-iskejjel (AŻ 37).
Ċentru Vokazzjonijiet Djoċesani, Parroċċi, Kongregazzjonijiet Reliġjużi

Dawn il-laqgħat qed isiru b'mod regolari. Isiru prayer meetings, live-ins u rtiri organizzati miċ-ċentri vokazzjonali differenti.

Issir ħidma biex tissaħħaħ l-ethos ta' l-iskola, bil-kollaborazzjoni ta' kulħadd, għall-ġid ta' l-istudenti u tal-familji tagħhom (KSK 36).
Skola Sacred Heart, San Alwiġi

Din il-ħidma saret, f'għaqda ma' kulleġġi jew skejjel oħra fl-Ewropa u fid-dinja, b'mod li l-iskola ffokat fuq tema partikulari jew aspett mill-ethos ta' l-iskola – eż. responsabbilta' soċjali.

Issir ħidma ta' animazzjoni spiritwali u ta' promozzjoni tal-valuri nsara għall-istudenti (eż. irtiri, laqgħat ta' talb, seminars, live-ins) (AŻ 24).
Skola Sacred Heart, Imm. Conception School, Savio College, De La Salle College, Skejjel St Joseph

Saret din il-ħidma f'dawn l-iskejjel. Fost l-oħrajn, permezz ta' attivitajiet regolari, bħal Assembly b'tema reliġjuża, u seminars, live-ins u rtiri bl-iskop li l-istudenti jingħataw esperjenza ta' talb u riflessjoni spiritwali. Hemm ukoll gruppi ta' studenti li jiltaqgħu fil-brejk għal ħin ta' talb u esperjenza spiritwali personali u wkoll għal ħin ta' ħidma b'risq il-ġid spiritwali ta' sħabhom studenti.

Isiru laqgħat, seminars u week-end live-ins għall-istudenti b'temi soċjali; u jkun hemm involviment ta' studenti f'ħidma volontarja ma' nies fil-bżonn (KSK 38; AŻ 54).
Kulleġġ Santu Wistin, Imm. Conception School, De La Salle College, Stella Maris College

Saret din il-ħidma f'dawn l-iskejjel. Fost l-oħrajn, billi f'kull Form ikun hemm proġett li fih l-istudenti jaraw x'jistgħu jagħmlu għall-ġid ta' nies fil-bżonn; kif ukoll saru diversi proġetti ta' volontarjat.

5. Stil ta' ħajja sinodali

Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali

Isiru analiżi u diskussjoni tar-rapport Ii joħroġ mill-external audit li sar bħala parti mill-Programm 2003-2004 għat-twettiq tas-Sinodu, u jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Segreterija Pastorali

Saret analiżi u diskussjoni individwalment ma' 14-il delegat/chairperson tas-Segretarjati u Kummissjonijiet, u wkoll f'laqgħat mad-delegati flimkien; fi tlieta wkoll mal-kunsilli tagħhom; kif ukoll fil-Kunsilli Presbiterali u Pastorali Djoċesan. Għad fadal issir diskussjoni ma' 5 delegati/chairpersons tas-Segretarjati u Kummisjonijiet.

Tiġi studjata reviżjoni ta' l-istrutturi pastorali djoċesani u, fejn meħtieġ, jiġu riveduti l-istatuti tas-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani.
Segreterija Pastorali

Inħasset il-ħtieġa li jkun propost tibdil fi statuti ta' 4 Segretarjati u dan il-proċess qed isir; kif ukoll qed jinħass il-bżonn f'7 Segretarjati u Kummissjonijiet li jinstabu persuni ġodda biex tissaħħaħ il-ħidma li qed issir minnhom.

Ikun hemm għajnuniet biex il-komunjoni tista' titwettaq aħjar fil-parroċċi (VKK 24; 34).
Segretarjat Parroċċi, Segretarjat Kleru u Ħajja Konsagrata

L-għajnuniet biex il-komunjoni tista' titwettaq aħjar fil-parroċċi s'issa ma sarux. Kien hemm sejħa biex dan is-suġġett ikun it-tema ta' irtir għall-operaturi pastorali fl-Unitajiet pastorali.

Il-ħidma fuq livell ta' unità pastorali tingħata aktar importanza. Is-suġġett għall-ħidma fl-unità matul is-sena 2005 tkun 'l-ispiritwalità ta' komunjoni' (VKK 18).
Segreterija Pastorali, Segretarjat Lajċi, Parroċċi

Tul is-sena 2005, il-laqgħat tal-Gruppi ta' Kuntatt fl-Unità Pastorali servew biex fi ħdan il-Knisja f'Malta nsiru aktar konxji tas-sens ta' Knisja-Familja. Saru tliet laqgħat. L-obbjettivi li ntagħżlu mill-istess Gruppi ta' Kuntatt f'Diċembru servew biex twettqu diversi ħidmiet fix-xhur ta' wara.

_

Permezz ta' din l-inizjattiva, r-rejaltajiet kollha fl-Arċidjoċesi - magħmulin minn lajċi, saċerdoti u reliġjużi ġejjin mill-parroċċi, mill-komunitajiet reliġjużi u mill-għaqdiet u l-movimenti - wettqu ħidma flimkien, biex ikompli jissaħħaħ aktar il-valur tal-komunjoni kif ħareġ mid-dokument Viżjoni ta' Knisja komunjoni. Hemm ukoll xi Unitajiet fejn hu meħtieġ impenn aktar qawwi biex is-sens ta' flimkien jibda' jinħass aktar.

Il-ħsieb hu li jintalab mill-parroċċi li fl-Assemblei parrokkjali joffru suġġerimenti dwar xi proġetti jistgħu jaħdmu flimkien fl-Unità pastorali, fejn tidħol il-ħidma pastorali mal-familji. Dawn is-suġġerimenti mbagħad jiġu diskussi fil-laqgħa ta' kuntatt ta' l-unitajiet li għandha ssir f'Diċembru ħalli hemm jitfassal programm għas-sena 2006. F'din l-istess laqgħa ta' l-Unità, ir-rappreżentanti tad-diversi parroċċi għandhom jaraw kif jgħinu lil xulxin joħolqu fil-parroċċi rispettivi sens ta' familja.

Issir valutazzjoni tal-kunsilli konsultattivi fil-Knisja, biex dawk ikunu valorizzati dejjem aktar u jissaħħaħ l-ispirtu ta' sinodalità (VKK 20).
Arċidjoċesi, Parroċċi

Il-laqgħat tal-Kunsill Presbiterali, tal-Kunsill Pastorali Djoċesan, tad-Delegati, tal-Kunsill Rappreżentattiv Djoċesan u tal-Kunsill Finanzjarju Djoċesan qed isiru regolarment, b'aġenda ppreparata u b'deċiżjonijiet. Minn wara li spiċċaw il-laqgħat ta' l-Assemblea tas-Sinodu, kull inizjattiva djoċesana ġiet proposta b'paper imħejjija u mressqa fil-kunsilli konċernati, b'emendi mressqa għalihom. Inżamm l-istess stil sinodali f'dan il-proċess.

Is-Segretarjat Parroċċi għamel valutazzjoni tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali (KPP) u tal-Gruppi għat-twettiq tas-Sinodu (KIS). Rapporti ngħataw lis-Segreterija Pastorali.

Issir ħidma qawwija biex postijiet pubbliċi tal-Knisja jsiru aċċessibbli – mhux biss aċċessibbilta' fiżika imma wkoll aċċessibbilta' għall-persuni b'diżabilità sensorjali (DĠ 24).
Kummissjoni Persuni b'diżabilità

Il-Kummissjoni qed tkompli dan il-proċess. Fil-fatt matul is-sena saru bosta proġetti li wasslu għal din l-aċċessibilità kemm fiżika kif ukoll sensorjali. Fid-Direttorju Ekkleżjastiku hemm lista ta' l-aċċessibilità diversa ta' kull parroċċa. Din qed tiġi aġġornata.

Il-persuni b'diżabilità jkollhom post fil-Kummissjonijiet tal-Knisja kemm fuq livell parrokkjali kif ukoll fuq livell djoċesan (AŻ 55).
Kummissjoni persuni b'diżabilità

Se ssir laqgħa mal-federazzjoni ta' l-għaqdiet tal-persuni b'diżabilità, biex jiġu mħeġġa jagħtu sehemhom.

Isir proġett ta' magazine wieħed għall-parroċċi, b'insert żgħir ta' kull parroċċa. Dan jieħu post il-fuljett/magazine tal-parroċċa (VKK 22).
Segretarjat Parroċċi, Kulleġġ tal-kappillani

Il-proġett ta' magazine wieħed sar u jidher li rnexxa. Qiegħed jittieħed minn 47 parroċċa u żoni pastorali.

Iseħħ il-proġett ta' web-site imġedda ta' l-Arċidjoċesi, li tkun mezz qawwi ta' komunikazzjoni (XK 44).
Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali

Sar studju minn esperti fuq x'tip ta' web-site għandna bżonn. Fil-fatt sar rapport u ntgħażlet kumpanija biex twettaq dan il-proġett.

Ikun ippubblikat l-istatut ġdid tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u studjat mill-membri tal-kunsilli fil-parroċċi (LN 70).
Segretarjat Parroċċi

L-istatut kien ippubblikat u kopja tiegħu ntbagħtet lill-kappillani. L-istatut qiegħed ukoll fil-Parish Handbook, li ġie ppubblikat bħala għajnuna lill-kappillani fil-ministeru tagħhom.

L-organizzazzjoni ta' Jum il-Lajċi Nsara 2005 u 2006 jkollha bħala skop li l-lajċi, kemm fi ħdan l-assoċjazzjonijiet kif ukoll oħrajn ta' impenn nisrani, iħossuhom parti mill-poplu ta' Alla (LN 79).
Segretarjat Lajċi

Din is-sena, dan il-Jum ġie ċċelebrat il-Ħadd 27 ta' Frar fuq tliet livelli:

Jum il-Lajċi Nsara ser jibda jiġi mfakkar fit-Tieni jew it-Tielet Ħadd ta' Frar. It-tema għal 2006 għad trid tiġi mfassla wara konsultazzjoni mas-Segreterija Pastorali biex tintrabat mal-orjentament tal-ħidma pastorali fl-Arċidjoċesi. Jitwassal il-messaġġ tal-jum fost il-lajċi mpenjati fi ħdan il-Knisja, kif ukoll lill-komunità kollha nisranija fil-Quddies tal-Ħadd u b'għadd ta' attivitajiet oħra.

Issir ħidma ta' sensibilizzazzjoni ta' lajċi li qed jagħtu sehemhom fis-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani għal aktar koordinament fis-sehem tagħhom (LN 67).
Segretarjat Lajċi

Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni għal Jum il-Lajċi Nsara kienet introdotta laqgħa ma' l-Arċisqof għal-Lajċi Impenjati f'diversi setturi fl-Arċidjoċesi, fosthom fis-Segretarjati u fil-Kummissjonijiet Djoċesani. Trid issir ħidma aktar intensiva bejn id-diversi sezzjonijiet fi ħdan l-amministrazzjoni ċentrali tal-Knisja f'Malta biex laqgħa bħal din tiġi aktar apprezzata u twassal biex jitnissel aktar sens ta' koordinament bejn is-Segretarjati u l-Kummissjonijiet.

Isir titjib fil-komunikazzjoni bejn l-aġenziji li jaħdmu fil-qasam soċjali u ma' entijiet esterni li jaħdmu fl-istess qasam (DĠ 27).
Segretarjat Caritas

Saret ħidma għal komunikazzjoni u kollaborazzjoni akbar ma' aġenziji tal-Knisja u oħrajn li jaħdmu fil-qasam tal-ħidma soċjali u karità.

Issir ħidma biex il-Forum ikun iħaddan fih għaqdiet li għadhom m'humiex membri (LN 67).
Forum

Hemm għaqda waħda li issa daħlet fil-Forum – il-Fergħa Ewkaristika. Erba' għaqdiet/gruppi oħra li għandhom potenzjal li jkunu membri tal-Forum għadhom qed jiffinalizzaw l-Istatut tagħhom biex dan ikun skond il-linji meħtieġa.

Issir ħidma għal aktar kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet/movimenti u l-parroċċi (LN 71).
Forum, Kulleġġ tal-kappillani

Twaqqfet kummissjoni li tinkludi l-President tal-Forum u d-Diriġenti ta' Għaqdiet li huma parish-based, kif ukoll ħames kappillani. Saru żewġ laqgħat li għalihom kien preżenti wkoll is-Segretarju Pastorali. Ġew ippreżentati r-rapporti tal-kwestjonarju li kien tħejja mill-Forum u li kien sar fost il-kappillani u d-diriġenti tal-għaqdiet. Dawn ir-rapporti ngħataw lil kull membru tal-Kummissjoni biex jistudjahom. Għal-laqgħa li ġejja, se jiġi ppreżentat feed-back minn kull membru dwar ir-rapporti.

Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan

Issir ħidma flimkien fl-Università, bejn studenti u staff li huma membri fl-għaqdiet u fil-movimenti tal-Knisja (LN 73).
Moviment Kattoliku Studenti Universitarji, Chaplaincy Università

Ic-Chaplaincy għenet lill-MKSU biex l-għaqdiet kattoliċi tal-istudenti universitarji jingħaqdu flimkien u jkunu rappreżentati fil-kumitat. Saru attivitajiet id' f'id mac-Chaplaincy li ħallew frott tajjeb.

Ikun hemm tisħiħ ta' relazzjonijiet fl-iskejjel, biex jissaħħu l-komunikazzjoni u d-djalogu kemm internament fl-iskola partikulari, kemm fejn jidħlu l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri flimkien, kif ukoll ta' skejjel bejniethom (VKK 34).
Skejjel tas-Sorijiet Agostinjani, Kulleġġ Santu Wistin, Skejjel St Joseph, St Francis Msida

Saret din il-ħidma f'dawn l-iskejjel, b'laqgħat, seminars u rtiri apposta. Esperjenza tajba ħafna kienet ukoll il-ħidma flimkien ta' l-iskejjel ta' l-istess Kongregazzjoni, u anke l-ħidma flimkien ta' skejjel differenti, għal dan l-iskop.

6. Djalogu mas-soċjetà u impenn ta' qadi u solidarjetà

Ħidma koordinata minn strutturi djoċesani

Tkompli ssir ħidma b'impenn kbir favur il-valur tal-ħajja (KSK 46)
Arċidjoċesi

L-Isqfijiet ħarġu tliet stqarrijiet dwar dan is-suġġett. Ġie segwit tajjeb id-dibattitu u d-diskussjoni li għaddejja fil-pajjiż. Hemm il-ħsieb li ssir konferenza pubblika dwar dan is-suġġett.

Ikompli u jissaħħaħ id-djalogu ma' l-imsieħba soċjali (DĠ 37; KSK 55).
Segreterija Pastorali, Taqsima Pastorali Xogħol, Kummissjon Ġustizzja u Paċi, Kummissjoni Ambjent

Dawn it-taqsimiet u l-kummissjonijiet ħolqu okkażjonijiet ta' djalogu ma' msieħba soċjali u aġenziji oħra dwar diversi suġġetti li ħarġu mis-Sinodu. Xi wħud minnhom qed jidhru f'partijiet oħra ta' dan ir-rapport. Hawn qed jissemmew xi inizjattivi:

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi organizzat żewġ seminars pubbliċi.

  1. flimkien maċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja, seminar dwar il-Paċi, immexxi minn Patri Bartolomeo Sorge SJ;
  2. flimkien mal-Patrijiet Agostinjani, seminar dwar il-Faqar fid-dinja, immexxi minn Patri Arturo Purcaro OSA.

F'dawn it-tnejn, il-Kummissjoni ppruvat bil-mezzi kollha tinvolvi lill-partiti politiċi u l-imsieħba soċjali. Għalhekk, minbarra s-seminars, saret ukoll laqgħa fejn kienu mistednin il-membri tal-partiti politiċi u l-imsieħba soċjali għal djalogu ma' Patri Sorge. Attendew il-Presidenti tat-tliet partiti politiċi ewlenin, u pparteċipaw b'mod attiv. Il-Kummissjoni wkoll tat is-sehem tagħha għall-Kampanja STOP POVERTY.

Jissaħħaħ is-sehem f'fora u diskussjonijiet ma' aġenziji tal-Gvern kif ukoll ma' dawk mhux governattivi biex ikunu jistgħu jitjiebu l-policies, il-liġijiet u s-servizzi (KSK 84ii).
Segretarjat Caritas
Ikun hemm impenn għal aktar kollaborazzjoni u kooperazzjoni bejn l-aġenziji kollha tal-Knisja li qed jaħdmu f'dan il-qasam (DĠ 27).
Segretarjat Caritas

Tfassal abbozz ta' taħriġ, ippjanat flimkien ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, għall-voluntiera u l-impjegati fi ħdan il-Kunsill Caritas; twaqqaf sotto-kumitat għall-istess taħriġ.

Titwaqqaf il-Kummissjoni 'Il-Knisja f'Malta u fl-Ewropa'. Jissaħħaħ il-kontribut tal-Knisja fid-djalogu fil-kuntest ta' l-Ewropa (KSK 31).
Kummissjoni 'Il-Knisja f'Malta u fl-Ewropa'

Saret proposta lill-Arċisqof dwar it-twaqqif tal-Kummissjoni. Qed tiġi studjata.

Dwar il-kontribut tal-Knisja fid-djalogu fil-kuntest ta' l-Ewropa, saru diversi inizjattivi, fosthom:

Isir qsim ta' informazzjoni u forom ta' partnerships ma' organizzazzjonijiet internazzjonali (VKK 30).
Segretarjat Caritas

Kien hemm parteċipazzjoni f'diskussjonijiet mal-membri oħra tal-Caritas Europa u kif ukoll mal-Caritas Internationalis; saru exchange visits ta' ħaddiema u voluntiera fi proġetti speċifiċi.

Titwaqqaf il-Kummissjoni Kultura (KSK 41).
Segreterija Pastorali

Twaqqfet il-Kummissjoni Kultura u bdiet il-ħidma tagħha. Hi ffurmata minn diversi persuni li għandhom esperjenza f'diversi oqsma tal-kultura. Sar statut ġdid għaliha.

Jitwaqqaf il-Kunsill tax-Xjenza (KSK 48).
Segreterija Pastorali

Beda l-proċess biex jitwaqqaf dan il-Kunsill.

Issir ħidma biex jiġu definiti r-responsabbiltajiet u l-parametri li fihom irid jaħdem is-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali, u biex ikun distint mill-Media Centre (XK 21, 43).
Segreterija Pastorali

Diġa' nfirdu l-accounts tas-Segretarjat minn dawk tal-Media Centre, u qed jiġu ċċarati r-rwoli tal-persuni (li s'issa huma tnejn) li hemm fis-Segretarjat.

Tkun maħduma u studjata proposta għat-twaqqif ta' Kummissjoni Djoċesana għall-ħarsien tal-valuri fl-isport (LN 78).
Segreterija Pastorali

Inbeda l-proċess għat-twaqqif ta' din il-kummissjoni, u hemm diġa abbozz ta' statut ippreparat. Issa se jkunu kkuntattjati l-persuni li jridu jiffurmaw din il-kummissjoni.

Tinħoloq kuxjenza fuq it-traskuraġni waqt ix-xogħol (DĠ 37).
Taqsima Pastorali Xogħol

Din is-sena t-tema tal-ħidma tat-Taqsima kienet: "Is-Saħħa u l-Ħarsien tagħha fuq il-Post tax-Xogħol". Sar seminar ma' l-imsieħba soċjali fi Frar ġewwa Ħ'Attard b'din it-tema. L-Arċisqof tkellem fuq din it-tema.

Tintwera solidarjetà konkreta mal-persuni li jkollhom disgrazzja fuq il-post tax-xogħol (DĠ 37).
Taqsima Pastorali Xogħol

Inizjattiva li ssir kull sena hija ċ-ċelebrazzjoni ta' quddiesa matul ix-xahar ta' Novembru, fejn jiġu mistiedna għaliha l-familji ta' ħaddiema li mietu b'disgrazzja fuq il-post tax-xogħol matul dik is-sena kurrenti.

Issir ħidma biex tinħoloq kuxjenza fuq id-dinjità tal-bniedem permezz ta' video clips fuq il-media; bookmarks fil-parroċċi; artikli; fil-liturġija (DĠ 37).
Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali, Parroċċi

Kampanji fil-parroċċi bhal video clips u bookmarks ma sarux .

Jitħejja dokument dwar operat nazzjonali koordinat fil-ħidma mar-refuġjati u l-immigranti illegali (DĠ 21).
Kummissjoni Ġustizzja u Paċi

Il-Kummissjoni giet mistiedna għal Konferenza Nazzjonali dwar ir-Refuġjati u attendiet seminars oħra li trattaw ukoll dan il-qasam. Ix-xoghol fuq dan id-dokument għad irid jibda.

Ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar id-dinjità tar-refuġjati fostna; u akkoljenza fi propjetà ekkleżjastika (DĠ 21).
Segretarjat Emigrazzjoni u Turiżmu

Il-Kummissjoni Emigranti kompliet bis-servizz tagħha b'risq dawk kollha li huma f'mixja "on the move", l-aktar dawk li jiġu biex iffitxu kenn f'Malta —"Asylum seekers". Dan is-servizz hu wieħed vast u kkumplikat billi dawn isibu ruħhom għandhom bżonn kollox: assistenza finanzjarja, alloġġ, dokumenti, xogħol u permess tax-xogħol, kuntatti mal-qraba, edukazzjoni għall-ulied, kura tas-saħħa kemm fl-isptar jew fil-Polyclinics u l-bqija.

Il-Kummissjoni Emigranti qed tagħti servizz permezz ta' diversi djar li fihom jabitaw 367 refuġjati. Dawn id-djar huma mqassmin f'seba' nħawi ta' Malta: Valletta, Floriana, Marsa, G'Mangia, St Venera, Msida u Ħal Balzan.

Fil-World Refugee Day saret attività ta' sensibilizzazzjoni f'Ħal Balzan taħt l-awspiċi ta' l-UNHCR; din kienet joint-venture bejn il-Kummissjoni Emigranti, iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja u l-Moviment Graffiti.

Ikomplu l-Omnibus Surveys, b'aġġornament kontinwu fuq il-bidliet soċjali (KSK 83i).
Discern

Diġa' sar Omnibus Survey wieħed din is-sena u huwa lest għall-istampar.

Issir ħidma fuq il-Poverty Observatory (VKK 46).
Segretarjat Caritas, Discern

Ġew preżentati r-riżultati tar-riċerka dwar il-faqar f'Malta waqt Konferenza Nazzjonali f'Mejju. Il-punti u r-rakkomandazzjonijiet tar-riċerka u tad-diskussjoni li saret ingħataw lill-Ministri kkoncernati.

Ikun hemm tiġdid fil-Kummissjoni Djakonija fil-parroċċi u fl-unitajiet pastorali (DĠ 24).
Segretarjat Caritas, Parroċċi

Tkompli tinħoloq kuxjenza fis-soċjetà dwar persuni emarġinati (VKK 45).
Segretarjati Caritas u Komunikazzjoni Soċjali

Saru messaġġi kontinwi permezz tal-media dwar il-qagħda u l-bżonnijiet tal-foqra f'Malta, gruppi ta' sapport; qawmien ta' kuxjenza u ġbir ta' fondi f'kazi ta' emerġenza jew kriżi internazzjonali.

Jinħolqu aktar gruppi ta' sapport għall-persuni f'diffikulta' (DĠ 9).
Segretarjat Caritas

Ma nfetħux gruppi ta' sapport ġodda iżda nfetah servizz għall-persuni bil-vizzju tad-droga li m'għandhomx fejn joqogħdu.

Issir serje ta' 26 programm fuq l-RTK dwar suġġetti soċjali (VKK 46).
Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali

Dawn il-programmi saru. Intgħażlu suġġetti soċjali li ħarġu mid-dokumenti tas-Sinodu. Ħadu sehem fihom bosta persuni midħla ta' l-oqsma magħżula. F'uħud minnhom, sar sforz biex jinħoloq djalogu anke ma' persuni u entijiet mhux ekkleżjali.

Tkompli l-ħidma biex tinħoloq kuxjentizzazzjoni fil-membri tal-Knisja dwar ir-responsabbiltajiet u l-etika lejn l-ambjent u jinħolqu inizjattivi f'dan ir-rigward permezz ta' pubblikazzjonijiet u konferenzi, fil-liturġija tal-Ħadd, u billi jinħoloq network ta' persuni f'kull parroċċa (KSK 53).
Kummissjoni Ambjent, Parroċċi

Issir policy-gwida dwar l-ambjent għal min għandu responsabbilta' fil-Knisja (KSK 53).
Kummissjoni Ambjent

Dan id-dokument kien ippublikat f'April 2005.

Ikomplu jitħejjew pariri u opinjonijiet tekniċi dwar aspetti partikulari ta' l-ambjent, fi djalogu mas-soċjetà (KSK 55-56).
Kummissjoni Ambjent

Tħejjew pariri u opinjonijiet tekniċi dwar:

Ikunu analizzati u msaħħa inizjattivi pastorali permezz ta' lajċi nsara fl-oqsma ta' l-infermiera u ta' l-għalliema (LN 75).
Segretarjat Lajċi

Bdiet ħidma fil-qasam ta' l-infermiera li s-Segretarjat qed jara kif tista' tiġi msaħħa. Din il-ħidma tikkonsisti f'reliġjuż Kapuċċin li flimkien ma' grupp ta' infermiera qed joħorġu fuljett li jitqassam fost l-infermiera, kif ukoll jorganizzaw inizjattivi liturġiċi għalihom.

Fl-2005, is-Segretarjat beda l-ħidma fil-qasam tal-għalliema permezz ta' laqgħa mal-kordinatur djoċesan għall-ħidma għall-implimentazzjoni tas-Sinodu fl-iskejjel tal-Knisja. Hemm diġa' inizjattiva li qed tittieħed mill-Moviment Għalliema ta' l-Azzjoni Kattolika li s-Segretarjat ser jara kif tiġi msaħħa.

Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan

Ikun hemm għajnuna u sapport legali u professjonali lir-refuġjati f'pajjiżna (DĠ 21).
Jesuit Refugee Service

Il-JRS offra għajnuna legali professjonali lir-refuġjati u lil dawk li qegħdin jitolbu kenn f'pajjiżna. Dan jikkonsisti l-aktar f'għajnuna meta tiġi ppreżentata l-ewwel talba, kifukoll biex jekk din tiġi miċħuda, isir l-appell. Il-JRS għandu avukata full-time u grupp żgħir ta' avukati voluntiera li joffru dan is-servizz, minbarra servizz professjonali ta' social worker fil-kampi tad-detenzjoni. Kull nhar ta' Ħadd isiru żewġ quddisiet fil-kamp tad-detenzjoni ta' Ħal Safi.

Isiru pubblikazzjonijiet, seminars u studji dwar l-iżviluppi politiko-soċjali f'pajjiżna u fid-dinja fid-dawl ta' l-Evanġelju (DĠ 14).
Ċentru Fidi u Ġustizzja

Iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja organizza seminar ta' ġurnata sħiħa fuq il-problema tar-razziżmu f'pajjiżna, kif ukoll stieden lil Prof Daniel Madigan SJ biex jagħti konferenza pubblika fuq id-djalogu mal-Musulmani. Matul din is-sena, ippubblika edizzjoni oħra ta' Ibda Għix fid-Dinja, pack ta' 10 fuljetti li jista' jintuża fil-klassijiet il-kbar ta' l-iskola sekondarja fuq suġġetti ta' interess soċjali. Mis-sena li ġejja dan ser jibda jintuża wkoll fl-iskejjel tal-gvern.

Issir ħidma fl-edukazzjoni ta' adulti, żgħażagħ u tfal li huma żvantaġġjati minħabba l-illiteriżmu (KM 3).
Istitut Paolo Freire

L-Istitut għamel diversi proġetti indirizzati biex jippromwovi l-litteriżmu. Dawn jinkludu tagħlim speċifiku tal-qari u l-ktiba għat-tfal u adulti li għandhom diffikulta' f'dawn l-oqsma. Proġetti oħra huma maħsuba biex itejbu l-iskola u l-komunità, biex l-ambjent pożittiv soċjali jħajjar aktar parteċipazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-litteriżmu. Fuq dawn il-proġetti u korsijiet qed jaħdmu għadd kbir ta' voluntiera. Il-maġġoranza ta' benefiċjarji huma minn nofs in-nhar ta' Malta. Bħalissa hemm iżjed minn 300 persuna li qed jieħdu xi servizz dirett permezz ta' dawn il-proġetti.

Ikun hemm kollaborazzjoni ta' l-associates lajċi ma' l-Istitut Paolo Freire fi proġett dwar illitteriżmu (KM 3).
Sorijiet Sacred Heart

Numru ta' associates qed jgħinu f'dan il-proġett billi jieħdu ħsieb grupp żgħir ta' tfal.

Ir-rivista Orbis twassal riflessjonijiet, studji u valuri lil dawk involuti fil-qasam politiko-soċjali (DĠ 14).
Patrijiet Ġiżwiti

Ħarġu erba' numri tar-rivista Orbis b'dan il-għan.

Iċ-Chaplaincies ta' l-Università u tal-Junior College jidħlu fi djalogu ma' studenti u għalliema universitarji dwar kultura u valuri fis-soċjetà u l-Evanġelju (KSK 6; 84ii).
Patrijiet Ġiżwiti

Fil-Junior College dan sar l-aktar matul il-value weekends għal studenti ta' suġġetti differenti. Dawn il-weekends jinħadmu mal-istaff tal-istess suġġetti.

Fl-Università saru student encounters ma' studenti ta' diversi Fakultajiet. Dawn il-laqgħat ta' formazzjoni u djalogu jsiru wkoll bil-kollaborazzjoni ta' numru sabiħ ta' lecturers.

Ic-Chaplaincy ta' l-Università kompliet twaqqaf gruppi ta' lecturers universitarji imsejħa Christian Reflection Groups. Dawn il-gruppi jsaħħu d-djalogu u l-formazzjoni spiritwali tal-istaff akkademiku unversitarju.

Jitwaqqaf Ċentru ta' Solidarjetà abbinat mal-Millennium Chapel ta' Paceville (DĠ 32).
Patrijiet Agostinjani

Dan iċ-Ċentru twaqqaf u jismu WOW (Wishing others well). Hu ċentru ta' solidarjetà, u ċ-ċentru tal-ħidma tal-Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja tal-patrijiet Agostinjani.

Ikun hemm programm ta' prevenzjoni f'tagħrif dwar vjolenza domestika (DĠ 32; ŻF 43).
Sorijiet Bon Pastur

Saru talks u seminars, kemm għal studenti kif ukoll għal reliġjużi żgħażagħ, rigward il-vjolenza domestika u l-ħsara u l-uġigħ li tikkawża.

Ikun hemm servizz ta' terapija psikoloġika u ta' bereavement fil-Hospice Movement; ta' nursing fid-Dar tal-Kleru (DĠ 32).
Sorijiet Sacred Heart

Hemm sorijiet minn din il-kongregazzjoni li qed jagħtu dan is-servizz regolarment.

Issir ħidma fost in-nisa f'sitwazzjonijiet żvantaġġati (DĠ 32) jew vittmi ta' vjolenza domestika.
Franġiskani Missjunarji ta' Marija, Sorijiet Bon Pastur u Dumnikani

Din il-ħidma qed issir b'mod regolari, ukoll bl-għajnuna ta' gruppi ta' voluntiera. Qed issir ħidma wkoll ta' outreach u follow-up f'dan il-qasam. Għas-sena d-dieħla hi ppjanata ħidma ta' awareness ukoll f'numru ta' parroċċi, li diġa' sar kuntatt magħhom.

Issir ħidma fost l-ommijiet mhux miżżewġa (ŻF 40).
Sorijiet Ursolini

Meta jkun hemm każ ta' omm mhux miżżewġa, imkeċċija mid-dar jew hemm il-ħsieb ta' abort, is-Sorijiet jieħdu ħsieb jgħinu lill-persuna fid-dar li għandhom apposta r-Rabat.

Issir ħidma fost tfal abbandunati jew bi problemi oħra, fosthom ukoll tfal ta' refuġjati (DĠ 32).
Sorijiet Ursolini

Bħalissa hemm 15 tfal refuġjati fid-dar ta' l-Ursolini f'tas-Sliema.

Issir ħidma fost l-anzjani fir-residenzi għalihom (LN 33;76).
Sorijiet Dumnikani u Little Sisters of the Poor

Fid-djar li jieħdu ħsieb dawn iż-żewġ kongregazzjonijiet, sar xogħol strutturali biex itejjeb l-ambjent u l-qagħda ta' l-anzjani li jinsabu fihom.

Jinħoloq djalogu ma' organizzazjonijiet tal-Knisja, governattivi u ċivili dwar promozzjoni tal-valur tal-ħajja (DĠ 13).
SAS – Azzjoni Kattolika, Moviment ta' Kana

Saret din il-ħidma għall-promozzjoni tal-valur tal-ħajja, b'koordinament ma' għaqdiet oħra tal-Knisja, governattivi u ċivili.

Jitwassal it-tagħlim soċjali tal-Knisja fost il-membri (DĠ 33).
Neokatekumenali

Fil-konferenzi tal-bidu tas-sena ta' l-evanġelizzazzjoni, dejjem ingħata xi aspett mit-tagħlim soċjali tal-Knisja. Din is-sena partikulari, ġie ttrattat l-Islam u r-relazzjoni ta' l-insara ma' l-Islam.

Issir ħidma ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel dwar ġustizzja u paċi u responsabbilta' soċjali, u identifikazzjoni ta' persuni fil-bżonn (DĠ 32).
Skejjel St Joseph, Seminarju Minuri, Skola Sacred Heart

Din il-ħidma saret kif ippjanat. Kienet tinkludi: ħidmiet volontarji minn studenti, sensibilizzazzjoni ta' l-istudenti rigward ħidma ta' djakonija u ġustizzja, sensibilizzazzjoni dwar ir-responsabbilta' lejn l-ambjent, proċess ta' ġemellaġġ ma' skola tal-Knisja fir-Rumanija bl-għan li jkunu sapportjati studenti Rumeni fil-bżonn biex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom.

Issir għażla favur dawk fil-bżonn li tintwera b'attenzjoni partikulari għal studenti bi problemi jew żvantaġġjati (KSK 39; DĠ 16; VKK 34).
Skola Dorotej Żebbuġ, Skola Sacred Heart, Stella Maris College

Saret ħidma li tesprimi b'mod konkret din l-għażla, bħal ħidma ta' għajnuna lit-tfal li jkunu batuti f'xi suġġett partikulari — għajnuna li tingħata waqt il-ħin ta' l-iskola u fis-sajf, sapport lil student u l-familji tagħhom li jkollhom problemi ta' natura soċjali, għajnuna lil studenti li ġejjin minn familji bi problemi finanzjarji, promozzjoni ta' dawn il-valuri fost l-istudenti, modi ta' assessment li japprezzaw aħjar il-progress ta' l-istudenti b'mod ħolistiku, u sistema ta' rikonoxximent ta' valuri umani u nsara fl-istudenti.

Ottubru 2005

Segreterija Pastorali
Kurja Arciveskovili