Rapporti u Dokumenti
ARĊIDJOĊESI TA' MALTA
IT-TWETTIQ TAL-PJAN PASTORALI 2005-2006
NIMXU FLIMKIEN FID-DAWL TAL-MULEJ
Rapport ta' sentejn għall-Assemblea Djoċesana 2006
MIXJA TA' SENTEJN
Il-Pjan Pastorali 2005-2006 kompla l-mixja li saret kemm tul is-Sinodu Djoċesan 1999-2003 kif ukoll fil-programm 2003-2004 għall-ewwel fażi tat-twettiq tas-Sinodu.
Il-Pjan kellu sitt għanijiet, b'għadd ta' proġetti u ħidmiet, u b'indikazzjoni ċara ta' min kien responsabbli għat-twettiq tagħhom.
L-Assemblea Djoċesana tat-30 ta' Settembru u 1 ta' Ottubru 2005 għamlet valutazzjoni tal-ħidma li saret fl-ewwel sena tal-Pjan, kif ukoll ħarset 'il quddiem lejn it-tieni sena tal-Pjan.
Hekk kif qed noqorbu lejn it-tmiem tat-tieni sena tal-Pjan, qed jiġi ppreżentat dan ir-rapport bħala bażi għal din il-valutazzjoni li trid issir fl-Assemblea Djoċesana. 2006. Dan ir-rapport jgħid fil-qosor ħafna x'sar jew x'ma sarx għal kull wieħed mill-proġetti taħt is-sitt għanijiet tal-Pjan Pastorali. Ir-rapport ikompli jibni fuq dak li kien ippubblikat fit-30 ta' Awissu 2005.
Min ikun irid iktar dettalji, jixtieq jistaqsi xi mistoqsijiet, jew jiċċara xi punti, għandu jikkuntattja lis-Segreterija Pastorali jew lill-istituzzjoni partikulari responsabbli tal-ħidma sal-15 ta' Settembru 2006, biex jista' jingħata t-tagħrif mitlub.
Ta' min ifakkar li, minbarra dak li jissemma f'dan il-Pjan Pastorali rigward il-parroċċi, kull parroċċa kellha wkoll pjan għas-sentejn 2005-2006, fejn indikat kif se twettaq l-għanijiet imfissra f'dan il-Pjan Pastorali ta' l-Arċidjoċesi. L-istess proċess ta' valutazzjoni li se jsir fl-Assemblea Djoċesana, se jsir ukoll fl-Assemblea Parrokkjali ta' kull parroċċa, għal dak li jolqot il-parroċċa.
L-Assemblea Djoċesana tat-28 u t-30 ta' Settembru 2006, ippresjeduta minn Mons. Arċisqof, għandha tmexxi 'l quddiem l-istess spirtu tas-Sinodu, billi tkun esperjenza ta' informazzjoni, parteċipazzjoni mifruxa, accountability, valutazzjoni u programmazzjoni; u fuq kollox esperjenza ta' Knisja li tkun miftuħa għall-Ispirtu ta' Alla u twieġeb għas-sinjali tiegħu fl-istorja.
24 ta' Awissu 2006
Dawn huma l-Viżjoni u l-Missjoni tal-Pjan, kif ukoll is-sitt Għanijiet li tal-Pjan:
IL-VIŻJONI
Il-Knisja f'Malta tagħraf u tilqa' s-sejħa tas-Sinodu Djoċesan li tkun miftuħa għall-Ispirtu ta' Alla biex timxi wara Ġesu' Kristu fit-triq lejn il-Missier b'impenn ta' servizz lejn il-bniedem.
IL-MISSJONI
Il-Knisja f'Malta twettaq is-Sinodu Djoċesan billi tkun Knisja li tinbena fil-formazzjoni, waqt li tissaħħaħ fil-komunjoni ta' aħwa u d-djalogu fi ħdanha; b'impenn kbir fl-evanġelizzazzjoni ġdida, tidħol fi djalogu mas-soċjetà, filwaqt li tgħix b'imħabba kbira lejn kulħadd u b'sens kbir ta' qadi u solidarjetà tfittex lill-imbegħdin u lill-emarġinati.
L-GĦANIJIET
- Animazzjoni tal-fidi
- Isiru proġetti ta' animazzjoni tal-fidi fid-djoċesi, indirizzati lejn l-adulti, u li jkunu mibnija fuq il-Kelma ta' Alla u jinkludu edukazzjoni fit-talb, liturġija u djakonija u impenn soċjali flimkien.
- Ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija tal-Ħadd
- Titjib fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd u l-festi liturġiċi.
- Formazzjoni skond il-linji-gwida tas-Sinodu
- Jitwaqqaf u jibda jaħdem l-Istitut Djoċesan ta' Formazzjoni Pastorali u ssir enfasi fuq il-formazzjoni skond il-linji-gwida li joħorġu mid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan.
- Attenzjoni partikulari lill-familja u lill-adolexxenti/żgħażagħ
- Tingħata attenzjoni partikulari lill-oqsma tal-familja u ta' l-adolexxenti/żgħażagħ; għal dan il-għan jitwaqqfu l-ministeri lajkali f'dawn iż-żewġ oqsma.
- Stil ta' ħajja sinodali
- Jissaħħaħ l-istil ta' ħajja sinodali; għal dan il-għan tiġi ri-organizzata l-komunikazzjoni u d-djalogu fi ħdan il-Knisja.
- Djalogu mas-soċjetà u impenn ta' qadi u solidarjetà
- Jissaħħaħ id-djalogu tal-Knisja mas-soċjetà u l-kontribut fejn jidħlu l-promozzjoni tal-valuri u t-tagħlim soċjali tal-Knisja, b'inizjattivi ġodda favur l-emarġinati tas-soċjetà.
1. Animazzjoni tal-Fidi
Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali
Jitħaddem proġett ta' animazzjoni fil-fidi fost l-adulti fil-parroċċi (XK 32; KSK 84iii). Dan se jsir għal kulħadd imma b'enfasi speċjali għall-ġenituri li t-tfal tagħhom se jersqu għall-Ewwel Tqarbina u għall-Griżma.
Segretarjati Parroċċi, Katekeżi, Caritas u Liturġija, Kulleġġ tal-kappillani
Ġie żviluppat proġett ta' katekeżi ta' inizjazzjoni ma' l-adulti fuq il-mudell tal-Mixja tal-Fidi, li tinsab fil-Lezzjonarju tal-Ħdud. Biex l-adulti nsara kollha tal-parroċċa jkollhom aċċess għal dan il-proġett, saret ħidma fuq tliet livelli:
- mas-saċerdoti. Ġie ppubblikat regolarment librett b'kummenti bibliċi, liturġiċi u soċjali, għall-evanġelji tal-Ħdud kollha. Dawn qed iservu kemm għall-ħajja tal-fidi tas-saċerdot innifsu u wkoll għall-komunità parrokkjali tal-Ħadd. Qed jintlaħqu aktar minn 200 saċerdot abbonat. In-numru baqa' jiżdied kull sena u l-kummenti tas-saċerdoti huma mill-aktar inkoraġġanti. Xi saċerdoti qed jagħmlu użu mill-materjal fil-gruppi u l-għaqdiet tal-lajċi matul il-ġimgħa.
- mal-gruppi ta' katekeżi parrokkjali. Dawn il-gruppi qed jagħmlu Mixja tal-Fidi ma' l-Evanġelji tal-Ħdud, li tieħu minn sena sa tliet snin. Jiltaqgħu darba fil-ġimgħa u jsegwu l-passi tar-Rit ta' l-Inizjazzjoni ta' l-Adulti fil-Ħajja Nisranija. L-animaturi tal-gruppi, magħżulin mill-kappillan tal-parroċċa, jkollhom formazzjoni matul Ottubru bi preparazzjoni għas-sena ta' wara, jingħataw Manwal b'tagħrif dwar il-prinċipji tal-katekeżi ma' l-adulti u metodoloġija; u matul is-sena jingħataw Gwidi b'noti ta' kontenut u metodoloġija ghal kull sessjoni. Jingħataw ukoll skemi ta' hand-outs għal kull min jattendi l-grupp biex ikompli r-riflessjoni personali matul il-ġimgħa. 22 parroċċa qed jieħdu sehem f'dan il-proġett. Bejniethom dawn il-parroċċi għandhom 55 animatur tal-gruppi. Darbtejn fis-sena ssir evalwazzjoni. Wara sentejn kollha qed jikkummentaw li: skoprew ħajjithom b'mod ġdid bl-Evanġelju; il-liturġija tal-Ħadd qed issir aktar relevanti (xi wħud saru letturi); żviluppaw sens ta' komunjoni bejniethom u ta' solidarjetà man-nies fi tbatija (xi wħud bdew attivitajiet ta' djakonija). Ħafna jixtiequ jkomplu japprofondixxu l-fidi wara li jispiċċa ċ-ċiklu ta' tliet snin.
- mal-komunità parrokkjali kollha. Fi Frar 2006, ġie ppubblikat il-ktieb 'Ma' l-Adulti Katekeżi Adulta', dokument tal-Konferenza Episkopali fil-Brażil, li għandu relevanza kbira għas-sitwazzjoni ta' Malta. Fuq dan id-dokument u l-idejat li joħorġu minnu hemm il-ħsieb li jitfassal il-programm ta' Formazzjoni Permanenti ta' l-Animaturi tal-Gruppi tal-Katekeżi Parrokkjali.
Titfassal u titħaddem katekeżi ta' l-adulti għas-Sagrament tal-Magħmudija (XK 42).
(Segretarjat Katekeżi, Kulleġġ tal-kappillani, Moviment ta' Kana)
Twaqqfet Kummissjoni bejn is-Segretarjat għall-Katekeżi u l-Moviment ta' Kana li ddiskutiet proġett għall-katekeżi tal-ġenituri qabel il-Magħmudija tat-Trabi. Il-kappillani ntalbu jippreżentaw koppji biex janimaw din il-katekeżi fil-parroċċa. Sar kors qasir ta' sitt sessjonijiet ta' sagħtejn li għalih attendew madwar 30 koppja. Bdiet ħidma biex ikunu ppubblikati: Direttorju dwar il-Pastorali fl-okkażjoni tal-Magħmudija tat-Trabi; Manwal għall-animaturi tal-katekeżi; u ktejjeb li jitqassam lill-ġenituri li jkunu ser iressqu t-tarbija tagħhom għall-magħmudija.
Ikun ippreparat u diskuss b'konsultazzjoni dokument li jittratta n-natura u l-finalitajiet ta' l-edukazzjoni reliġjuża fl-iskejjel u l-katekeżi fil-parroċċa, u li jagħti linji-gwida (XK 39).
(Segretarjati Katekeżi, Edukazzjoni)
Twaqqfet Kummissjoni apposta u saru diversi laqgħat. Ġie ppreparat abbozz li wasal fl-istadju finali tiegħu. Se ssir konsultazzjoni fuq dan l-abbozz ma' esperti fil-qasam, policy makers u entitajiet tal-Knisja.
Tiġi studjata s-sitwazzjoni preżenti ta' l-evanġelizzazzjoni f'pajjiżna u jiġu proposti l-mezzi kif din għandha ssir (KSK 83i).
(Segretarjat Katekeżi, Discern, Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali)
Dan l-istudju għad irid isir.
Ikunu pprovduti riżorsi għat-tħejjija xierqa tas-sagramenti (XK 42).
(Segretarjati Katekeżi, Liturġija)
Saret ħidma fuq proġett u programm kateketiku bi tħejjija għas-sagramenti tal-Qrar u ta' l-Ewwel Tqarbina. Twaqqaf Bord immexxi minn Fr Joe Meli. Sa issa diġa' saru temi għal sitt snin. Fl-ewwel tliet snin minn dawn is-sitt snin, it-temi ġew imlaħħma b'materjal kateketiku u ġew approvati.
Saru diversi seminars bħala familjarizzazzjoni ma' dan il-programm ġdid kateketiku. L-attendenza kienet ta' madwar 190 katekist għal kull seminar. Hu maħsub li sa Diċembru 2006 il-katekisti jkollhom il-programm f'diska biex ikunu jistgħu jarawh u jagħmlu s-suġġerimenti u l-kummenti tagħhom.
Qed jitħejjew ukoll 12-l innu biex ikunu jistgħu jiġu użati fiċ-ċelebrazzjonijiet ta' l-istess programm kateketiku. Se jkun hemm ukoll posters bit-talbiet għall-istess programm kateketiku.
Qed jiġi ppjanat li jkunu preparati riżorsi qabel kull sagrament, ħalli hekk l-insara li jitolbu li jersqu għal kull sagrament ikollhom għajnuna għal tħejjija xierqa.
Isir proġett ta' akkumpanjament fil-mixja tal-fidi ma' familji li jkollhom fi ħdanhom trabi b'diżabilità u ma' persuni b'diżabilità intellettwali (VKK 18 vii).
(Segretarjat Katekeżi, Kummissjoni persuni b'diżabilità)
Saru laqgħat bejn is-Segretarjat Katekeżi u l-Kummissjoni persuni b'diżabilità u ma' persuni li jagħtu s-servizz tagħhom fid-Dar tal-Providenza. Saru kuntatti ma' barra u f'Ottubru 2005 ġew żewġ persuni Ingliżi speċjalizzati biex jagħtu l-pariri u l-esperjenzi tagħhom fil-komunikazzjoni simbolika. Saret quddiesa fuq it-TV u waqt il-qari ta' l-Evanġelju, saret komunikazzjoni simbolika. Twaqqfet task-force biex timplimenta din il-proposta.
Isir approfondiment b'mod aġġornat tal-formazzjoni tal-membri ta' l-għaqdiet u l-movimenti fil-kariżmi partikulari tagħhom (LN 62).
(Segretarjat Lajċi, Forum tal-Għaqdiet u tal-Movimenti)
Bil-għan li jinkoraġġixxi lill-għaqdiet u lill-movimenti biex jagħtu formazzjoni fil-kariżma tagħhom, f'Jum il-Lajċi 2006, is-Segretarjat Lajċi u l-Forum organizzaw laqgħa għal-lajċi impenjati li kienet indirizzata minn Fr Fabio Attard SDB. Ġie deċiż ukoll li jsir approfondiment dwar il-kariżma lajkali. Fl-1 ta' Lulju 2006, sar seminar għad-diriġenti u rappreżentanti ta' kull għaqda/moviment membru tal-Forum. Is-seminar kien indirizzat minn Dr Edward Warrington li tkellem dwar 'is-sejħa tal-lajkat nisrani'. Dan is-seminar jagħmel parti minn programm li se jkompli 'l quddiem u li għandu jgħin biex tiġi indirizzata b'mod intensiv il-ħidma interna fi ħdan l-istess għaqdiet u movimenti biex dawn japprofondixxu b'mod aġġornat il-formazzjoni tal-membri tagħhom fil-kariżma partikolari tagħhom.
Issir ħidma biex il-lay associates fi ħdan il-kongregazzjonijiet reliġjużi jkunu apprezzati u magħrufa u joħorġu x-xhieda tal-kariżmi partikulari tagħhom fi ħdan il-Knisja (KSK 40).
(Segretarjat tal-Lajċi, Delegat Ħajja Konsagrata)
Is-Segretarjat għal-Lajċi fetaħ kuntatt ma' diversi Assoċjazzjonijiet tal-Lajċi fi ħdan il-kongregazzjonijiet reliġjużi. Jeħtieġ li jsir ftuħ bejn l-istess assoċjazzjonijiet biex jaqsmu esperjenzi bejniethom u ma' għaqdiet oħra. U għal dawk li jkunu jixtiequ tista' tkun il-bidu tat-triq tagħhom għal tisħib fil-Forum tal-Għaqdiet u l-Movimenti.
Fl-iskejjel tal-Knisja, issir ħidma ta' tisħiħ fil-valuri nsara fost l-għalliema u tagħrif dwar il-kariżma tal-kongregazzjoni reliġjuża (KSK 38; 40).
(Segretarjat Edukazzjoni)
Din il-ħidma saret f'diversi skejjel tal-Knisja, b'mod speċjali permezz ta' seminars — ħafna drabi organizzati mill-iskejjel qabel ma tibda s-sena ġdida skolastika — u bis-saħħa ta' l-assoċjazzjonijiet tal-lay associates.
Jiġi promoss it-turiżmu reliġjuż (KSK 34).
(Segretarjat Emigrazzjoni u Turiżmu)
Baqgħet ma nstabitx persuna adatta li tieħu il-qasam tat-turiżmu reliġjuż. Is-Segretarjat issottometta proġetti ta' abbelliment u preservazzjoni ta' siti reliġjużi – bħal San Pawl Milqi, il-Grotta ta' San Pawl u s-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa – lill-MTA, li kellha tara kif iġġib fondi għal dawn il-proġetti mill-UE. Qed jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta' Mużew ta' l-Emigrazzjoni, u kif 'Dar l-Emigrant' ikun aktar aċċessibbli għal dawn l-iskopijiet.
Ikun pubblikat ktejjeb tat-talb għall-familja (ŻF 53).
(Kummissjoni Djoċesana Familja, Segretarjati Liturġija, Katekeżi u Komunikazzjoni Soċjali)
Il-ktieb ta' talb għall-familja "Hawn Aħna, Mulej" ġie ppubblikat fil-Jum Internazzjonali tal-Familja li ġie ċċelebrat fil-15 ta' Mejju 2006. Ġie ppreżentat lill-pubbliku permezz ta' konferenza stampa u lill-President ta' Malta f'laqgħa li l-Kummissjoni Djoċesana Familja kellha miegħu. Ġew stampati tlett elef kopja li nħatfu f'ġimgħa minn 15-il parroċċa. Minħabba li hawn domanda għall-ktieb, se jkunu stampati aktar kopji.
Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan
Djar immexxija minn reliġjużi jgħinu fl-animazzjoni tal-fidi, billi jilqgħu nies li jixtiequ jagħmlu laqgħat ta' talb, irtir u live-ins u esperjenza fil-komunjoni (VKK 29).
(Patrijiet Agostinjani u Karmelitani, Sorijiet Sacred Heart u Dumnikani)
Diversi reliġjużi, saċerdoti u lajċi għamlu u qed jagħmlu użu minn dawn id-djar għal dawn l-esperjenzi. F'uħud minn dawn id-djar sar ristrutturar ħalli jservu aħjar il-missjoni tagħhom fiż-żminijiet ta' llum. Hemm żewġ kongregazzjonijiet li bnew djar ġodda għall-irtiri.
Ikun hemm programm ta' formazzjoni kontinwa għall-kollaboraturi lajċi – formazzjoni fil-kariżma tal-kongregazzjoni biex il-lajċi jistgħu jipparteċipaw fl-appostolat tagħha (KSK 40).
(Patrijiet Ġiżwiti u Karmelitani, Sorijiet Dumnikani, St Joseph, Franġiskani Missjunarji ta' Marija u Ulied il-Qalb ta' Ġesu')
Dawn il-kongregazzjonijiet taw rapporti dwar l-attenzjoni partikulari li ngħatat lill-formazzjoni umana u spiritwali tal-kollaboraturi lajċi, bi programmi partikulari għalihom. Jidher li aktar lajċi qed jissieħbu f'dawn l-inizjattivi.
Tkompli l-ħidma li ssir permezz tal-Parish Ignatian Ministry – esperjenzi ta' talb gwidat fil-ħajja ta' kuljum u mifrux fuq numru ta' ġimgħat f'diversi parroċċi (LS 35).
(Ċentru Spiritwalità Injazjana)
Iċ-Ċentru kompla bil-ħidma tiegħu ta' 'outreach' spiritwali permezz tal-'Parish Ignation Ministry. Din l-attività tgħin lill-persuni fit-talb personali tagħhom. L-individwu jfittex li jitgħallem jitlob b'metodi diversi, li jissaħħaħ aktar fit-talb personali, li jitgħallem juża l-Bibbja fit-talb u li jsir midħla tal-kollokju spiritwali ma' Gwida tat-talb. Il-Gwidi li jikkontribwixxu f'din l-esperjenza qegħdin jaħdmu f'dawn il-parroċċi: Żejtun, Qormi San Bastjan, San Ġiljan (u x-Xagħra, Għawdex).
Ikompli l-kors ta' taħriġ ta' diretturi spiritwali (XK 30).
(Ċentru Spiritwalità Injazjana)
Dan kien kors ta' tliet snin li spiċċa f'Ġunju 2005. Ħadu sehem fih 20 parteċipanti lajċi rġiel u nisa u reliġjużi nisa. Issa qed jagħmlu taħriġ prattiku, taħt superviżjoni, ta' għoti ta' rtiri qosra, akkumpanjament fit-talb, u direzzjoni spiritwali.
Ikun hemm skemi tal-laqgħat ta' kull ġimgħa immirati għall-animazzjoni fil-fidi (XK 30).
(Azzjoni Kattolika)
Saru dawn l-iskemi b'din il-mira; dawn intużaw għal-laqgħat ta' kull ġimgħa. L-iskemi ta' l-irtiri kienu mibnija fuq it-tema 'Il-Knisja fid-Dinja ta' llum' – Knisja f'mixja; Knisja: komunjoni u missjoni; Knisja fi djalogu; Knisja li tagħti xhieda; Knisja li twassal l-Aħbar it-Tajba; Knisja li tagħti gwida; Knisja li sservi; Knisja li tfittex l-imbegħdin u l-emarġinati; Knisja li twassal għall-ħajja. Kull ġimgħa ttella' programm fuq Radju Marija minn membri ta' l-Azzjoni Kattolika fuq l-iskemi tal-laqgħat li jsiru fiċ-ċirkoli.
Ikun hemm tisħiħ tal-ħidma fost l-adulti fl-aspetti tal-Kelma ta' Alla u fl-edukazzjoni fit-talb (LS 35).
(Museum Nisa)
Issaħħet il-ħidma fost l-adulti b'numru ta' Sajdat Museumini u b'numru ta' Gimgħat ta' Tagħlim f'diversi parroċċi matul dawn is-sentejn. Is-suġġetti kienu relatati mal-valuri tas-Sinodu Djoċesan, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-animazzjoni tal-fidi. Saru wkoll laqgħat għall-ġenituri b'rabta mas-sagramenti u laqgħat għall-familja.
Issir katekeżi għall-adulti fil-parroċċi (LS 31).
(Mixja Neokatekumenali)
F'20 parroċċa fejn hemm il-Mixja Neokatekumenali, saret il-katekeżi. F'parroċċa waħda, saret katekeżi ġdida u hemm twaqqfet komunità ġdida.
Jissaħħu l-ġimgħat ta' tagħlim fil-parroċċi (LN 50).
(Museum irġiel)
B'kollox fl-2005 saru f'Malta 30 Ġimgħa ta' Tagħlim u fl-2006 se jkunu saru 37.
Saru wkoll 7 Sajdat Museumini fl-2005 u fl-2006. Dawn huma ħmistax-il ġurnata tagħlim għal kulħadd. Saru wkoll 12-il konferenza dwar 'Il-Valuri tas-Sinodu' f'ċentri parrokkjali. Fuq livell parrokkjali, saru wkoll numru ta' qagħdat kull nhar ta' Ħadd fi 17-il parroċċa u filgħodu f'Ċentri ta' l-Anzjani. Saru wkoll korsijiet ta' eżerċizzi spiritwali f'każini tal-banda, f'fabbriki u fi djar ta' l-anzjani; numru mdaqqas sew ta' laqgħat tal-ġenituri u laqgħat għaż-żgħażagħ; u laqgħat tal-Grupp Beatu Ġorġ Preca kull l-aħħar ġimgħa ta' kull xahar — jattendu bejn 70 u 90 persuna.
Saru wkoll żewġ outreaches ħdejn il-baħar fis-sajf, fi Pretty Bay Bbuġa u Marsalforn, Għawdex.
Fl-iskejjel tal-Knisja, tissaħħaħ l-edukazzjoni fil-fidi permezz ta' laqgħat u attivitajiet immirati kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-għalliema (KSK 36, 40) – eż:
- laqgħat ta' formazzjoni tal-ġenituri
- quddiesa ta' kull xahar għall-familji
- eżerċizzi għall-għalliema
- live-in għall-għalliema
(Kulleġġ Santu Wistin, St Michael, Seminarju MInuri, Savio College, St Francis Msida)
Ir-rapporti minn dawn l-iskejjel juru li dawn l-attivitajiet saru b'mod regolari f'dawn l-iskejjel, b'mod li ntlaħqu kemm għalliema kif ukoll ġenituri. Saru diversi inizjattivi indirizzati għall-għalliema, permezz ta' staff meetings u staff development seminars, eżerċizzi u laqgħat ta' formazzjoni. Saru b'mod regolari laqgħat għall-ġenituri fuq aspetti tal-ħajja, speċjalment fuq it-trobbija ta' l-ulied u r-relazzjoni magħhom.
Inizjattiva ġdida li seħħet b'mod regolari fi skola minnhom kienet il-laqgħa ta' kull xahar li tinkludi 'Lectio Divina', qsim ta' fehmiet u ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Dawn il-laqgħat kellhom attendenza numeruża. Il-ġenituri fil-fatt bdew ukoll iħajru lil ħaddieħor jiġi - ħbieb jew nieshom - u dawn bdew jiġu wkoll. Ilkoll qablu li l-Lectio Divina pprovditilhom ħin fejn setgħu joqogħdu fil-preżenza t' Alla, fejn setgħu jisimgħuh u jgawduh. Saħansitra ġenituri li wliedhom temmew il-Form V urew il-ħsieb li jkomplu jattendu.
Ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija tal-Ħadd
Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali
Issir ħidma f'kull parroċċa f'Malta għal titjib fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ħadd, f'diversi aspetti tagħha: qari, kant, omelija, servizzi (LS 7-11, 15).
(Segretarjati Liturġija, Katekeżi, Parroċċi)
Minbarra l-laqgħat ta' formazzjoni li jissemmew aktar 'il quddiem:
fir-rivista QIM qed kien hemm diversi artikli ta' natura liturġika-pastorali;
ġew ippreparati flimkien mas-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali 5 power-point presentations dwar il-quddiesa;
wieħed irid isemmi wkoll is-seminar organizzat flimkien mas-Segretarjat Kleru, biex jgħin lill-kleru djoċesan u reliġjuż jirrifletti fuq l-omelija u fuq parteċipazzjoni aktar attiva fil-liturġija.
Ir-rapporti ta' diversi parroċċi juru ħidma li saret lokalment għal dan it-titjib.
Titwaqqaf jew tiġġedded il-Kummissjoni Liturġika fil-parroċċa skond linji-gwida (LS 15).
(Segretarjat Liturġija, Parroċċi)
Is-Segretarjat għamel żjara f'diversi parroċċi u saret laqgħa mal-membri tal-Kummissjoni Liturġika Parrokkjali. Dawn il-laqgħat kienu pożittivi, iżda:
xi kummissjonijiet iridu jiġu msaħħa u mġedda, fis-sens li ma jibqgħux sempliċi organi li jippreparaw ir-roster tal-letturi u japprovaw il-programmi tal-festi liturgiċi;
f'xi parroċċi għad hemm xi konflitti bejn il-kummissjoni liturġika parrokkjali u l-presbiterju parrokkjali;
ħafna mill-membri ma għandhomx il-formazzjoni meħtieġa biex ikunu kreattivi u produttivi;
f'hafna parroċċi l-kummissjoni ma għandhiex status biżżejjed li tkun tista' tinforza formazzjoni liturġika "obligatorja" lil dawk kollha li jaghtu servizz liturġiku fil-parroċċa.
Sar ħafna xogħol fuq Direttorju għaċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi.
Issir animazzjoni aħjar tal-quddiesa tal-Ħadd fuq it-televiżjoni u r-radju (LS 15).
(Segretarjati Liturġija u Komunikazzjoni Soċjali)
Twaqqaf Bord b'rappreżentanza mis-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali, Segretarjat Liturġija u l-Kummissjoni Kultura, biex iħejji linji-gwida għal ċelebrazzjoni aħjar tal-quddiesa tal-Ħadd meta tiġi trasmessa minn fuq it-televiżjoni u r-radju.
Jiġu ppreparati sussidji għall-quddiesa tat-tfal (LS 15).
(Segretarjati Liturġija u Katekeżi)
Ġew ippubblikati dawn is-sussidji. Fr. Raphael Pace ħa ħsieb il-pubblikazzjoni ta' hand-outs biex jgħinu lit-tfal jieħdu sehem aħjar fil-liturġija tal-Kelma waqt il-quddiesa tal-Ħadd. Minn dawn il-hand-outs jiġu stampati madwar 2500. Jintużaw fil-parroċċi, imma l-aktar fl-iskejjel u fiċ-ċentri tad-duttrina.
Is-Segretarjat ghal-Katekezi ħareġ power-point presentation b'katekeżi għat-tfal dwar il-quddiesa.
Jitħejjew proposti ta' ċelebrazzjonijiet liturġiċi għall-quddies għall-adolexxenti (AŻ 49-50).
(Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Segretarjati Liturġija, Segretarjat Katekeżi)
Huma kważi finalizzati l-linji-gwida tal-quddies għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Se jiġu ppubblikati għalihom u anke f'pubblikazzjoni akbar bit-titlu 'Linji-Gwida għall-pastorali ma' l-adolexxenti u ż-żgħażagħ fil-parroċċi'. Miexi wkoll ix-xogħol fuq resource pack ta' skemi ta' laqgħat dwar il-quddiesa. S'issa nħadmu 5 kapitli minn 8. Din ir-riżorsa hija mmirata għall-mexxejja ta' l-adolexxenti u ż-żgħażagħ fl-għaqdiet u l-parroċċi.
Jittieħdu inizjattivi għal liturġija ħajja għaż-żgħażagħ fil-parroċċi billi jiġu iffurmati gruppi għall-animazzjoni liturġika (AŻ 50).
(Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Segretarjat Liturġija, Parroċċi)
Hemm żewġ parroċċi li fhom ġie ffurmat grupp ta' żgħażagħ li jgħin jew jixtieq jgħin fil-liturġija tal-parroċċa. Dawn huma n-Naxxar u Raħal Ġdid, Kristu Re'. It-taħriġ tagħhom sar mit-tim tal-liturġija fi ħdan il-KDŻ, u l-programm kien imfassl skond il-parroċċa.
Fost punti oħra, it-taħriġ kien jittratta: x'inhi l-liturġija, l-importanza tal-quddiesa, ir-rwol ta' l-animazzjoni, it-tifsir tal-ġesti liturġiċi, u l-mixja minn diski għal innijiet, minn performance għal parteċipazzjoni.
Barra minn dan, qed jinħoloq network bejn dawk li diġa' qegħdin jgħinu fl-animazzjoni tal-liturġija fil-parroċċa tagħhom biex ikompli jsir il-qsim ta' riżorsi umani u anke ta' equipment.
Isir ċensiment fuq l-attendenza tal-Maltin fil-Quddies tal-Ħadd (2005) u analiżi fuqu.
(Discern, Parroċċi)
Rapport preliminari taċ-ċensiment ingħata f'Konferenza Stampa li saret fit-23 ta' Awissu 2006. Issa qed jitkompla x-xogħol għal rapport sħiħ.
Ikun hemm follow-up tas-seminar dwar l-omelija li sar lis-saċerdoti f'Settembru 2004 (XK 41; LS 9).
(Segretarjat Kleru u Ħajja Konsagarata)
Sar follow-up waqt diversi laqgħat tal-Kunsill Presbiterali. Sar kors għas-saċerdoti żgħażagħ mifrux fuq diversi ġimgħat. Attendew 8.
Ikunu ppubblikati kotba liturġiċi – i.e. Reviżjoni tal-Lezzjonarju ferjali u tal-Ħdud; Direttorju għad-Devozzjonijiet Popolari; Daħla għall-Missal Ruman (LS 10).
(Kummissjoni Liturġika Nazzjonali)
Għad li l-Kummissjoni Liturġika Nazzjonali taf bin-nuqqas ta' kotba liturġiċi fl-istampa, għalissa ġie deċiż li naraw kif qed jiġu tradotti l-kotba liturġiċi f'pajjiżi oħra, fid-dawl ta' l-aħħar Istruzzjoni dwar it-traduzzjoni, biex imbagħad tista' ssir il-verżjoni Maltija. Fl-2005, il-Kummissjoni Liturġika Nazzjonali stampat fir-rivista QIM id-Daħla għall-Missal Ruman u d-Daħla ghall-Ktieb ta' l-Eżorċiżmi. Hemm ukoll xi talb li qed jistenna l-approvazzjoni mill-Kongregazzjoni għall-Kult u għad-Dixxiplina tas-Sagramenti.
Sar ħafna xogħol ukoll fuq il-Lezzjonarju ferjali u tal-Ħdud. Inbeda wkoll ix-xogħol fuq il-Liturġija tas-Sigħat.
Fl-2005, il-Kummissjoni Liturgika Nazzjonali bniet website b'ħafna tagħrif liturġiku li jinkludi:
- il-qari kollu tal-Ħdud;
- il-lawdi, il-vespri, u l-kompieta għal kull jum tas-sena;
- ir-rit tal-Quddiesa bil-Malti, Latin, Ingliż, Taljan, Franċiż, Ġermaniż;
- kalendarju liturġiku.
Fl-2006, kompliet tiġi żviluppata l-website u ġew amalgamati flimkien is-siti tal-Kummissjoni Liturġika Nazzjonali u dik tas-Segretarjat għal-Liturġija.
Ikun hemm ħidma biex tibda ssir, f'kull skola tal-Knisja, tħejjija tal-Vanġelu ta' Jum il-Mulej (LS 14).
(Segretarjati Edukazzjoni, Katekeżi, Liturġija u Komunikazzjoni Soċjali)
Is-Segretarjat Edukazzjoni kkuntattja lill-iskejjel dwar din l-inizjattiva. F'diversi skejjel din saret darba f'ġimgħa.
Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan
Ikun hemm liturġija formattiva għaż-żgħażagħ fil-Knisja ta' Sarria s-Sibt filgħaxija (AŻ 49).
(Patrijiet Ġiżwiti)
Din il-liturġija kompliet issir. L-animazzjoni ssir minn gruppi ta' żgħażagħ differenti u Ġiżwiti li qegħdin f'kuntatt magħhom. Fl-2006, it-tmexxija tal-quddiesa ta' Sarria għaddiet f'idejn aktar żgħażagħ. Inbidel il-ħin biex ikun aktar tajjeb għaż-żgħażagħ. Ingħatat aktar importanza li l-quddiesa tkun ippreparata sew billi l-gruppi taż-żgħażagħ jiltaqgħu mal-Ġiżwita li jkun se jqaddes. Saret evalwazzjoni mal-kongregazzjoni u mal-gruppi li janimaw. Qed issir ħidma biex il-quddiesa tkun esperjenza ħajja ta' Alla u formattiva waqt il-preparazzjoni.
Isiru lezzjonijiet dwar il-liturġija lill-membri li ħafna minnhom impenjati f'ħidma liturġika fil-parroċċi. L-irtiri ta' matul is-sena 2005-2006 jiffukaw fuq l-Ewkaristija (LS 32-33).
(Azzjoni Kattolika)
Saru dawn il-lezzjonijiet dwar il-liturġija. L-irtiri ta' 2005 kienu jiffukaw fuq l-Ewkaristija bħala għajn ta' Appostolat , b'referenza għad-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan.
Issir ħidma ta' tiġdid fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi.
(Mixja Neokatekumenali)
Saret din il-ħidma f'xi parroċċi, fejn kien possibbli li wieħed jagħti l-kontribut tiegħu.
Issir ħidma għal parteċipazzjoni aħjar tat-tfal u l-adolexxenti fil-quddiesa tal-Ħadd (AŻ 49-50).
(Museum irġiel)
Din saret b'mod regolari, u fejn kien possibbli żdied is-sehem dirett billi bi ftehim mal-kappillan, l-animazzjoni tal-quddiesa tkun f'idejn il-qasam tal-Museum tal-parroċċa. Fl-oqsma tqassam ukoll fuljett imħejji minn Fr Jesmond Manicaro biex jgħin f'din il-parteċipazzjoni.
Issir ħidma biex jissaħħaħ l-apprezzament taċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fl-iskejjel, b'mod li l-istudenti jagħtuha l-importanza li tixirqilha (AŻ 46-47, 49).
(Kulleġġ Santu Wistin, St Michael's, Seminarju Minuri, Skejjel St Joseph, De La Salle)
F'dawn l-iskejjel, saru diversi inizjattivi maħsuba biex jissaħħaħ l-apprezzament tal-quddiesa; fost l-oħrajn, permezz ta' parteċipazzjoni attiva mill-istudenti fit-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, kif ukoll billi f'quddies fost il-ġimgħa, tittieħed bħala tema l-liturġija tal-Ħadd ta' wara, biex l-istudenti jkunu ppreparati aħjar. Ingħatat attenzjoni wkoll lil festi speċjali.
-
2. Formazzjoni skond il-linji-gwida tas-Sinodu
Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali
Jitwaqqaf u jibda jaħdem l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali (XK 32; KSK 76) b'mod li jkun hemm proġetti komuni ta' formazzjoni skond il-ħtiġijiet ta' llum u b'mod iżjed koordinat.
(Arċidjoċesi)
Twaqqaf l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali (IFP). L-Arċisqof innomina d-direttur tiegħu, li hu Dun Fabio Attard SDB, kif ukoll Bord. B'konsultazzjoni ma' diversi oqsma, tfassal iċ-Charter ta' l-Istitut, li kien ippubblikat f'Marzu 2006. Iċ-Charter joffri l-vizjoni, l-identità u l-missjoni ta' l-IFP: liema huma l-linji operattivi li fuqhom jimxi, liema huma l-istrutturi li jiffavorixxu konfront utli u siewi għall-ħidma tiegħu. 'Il quddiem għandu jwassal għal Statut.
Saru diversi proġetti f'dawn l-oqsma:
- Kors li jwassal għal Certificate in Youth Ministry, proġett maħdum wara ħidma u ħafna ppjanar bejn il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, is-Salesian Pastoral Youth Service, il-Fakulta' tat-Teoloġija u ċ-Ċentru għal Spiritwalità Injazjana. Din l-esperjenza serviet ta' mudell u paradigma, sew mill-aspett ta' kontenut u kemm minn dak operativ, li permezz taghha setgħu jiġu kkunsidrati proġetti oħra ta' kollaborazzjoni.
- Flimkien mas-Segretarjat Caritas, tfassal proġett ta' tliet seminars għall-professional and administrative staff . Dawn ittrattaw temi importanti fis-Sinodu: antropoloġija, komunjoni u etika. Minn valutazzjoni li saret fl-aħħar ta' dawn is-seminars ntweriet x-xewqa li din l-esperjenza terġa' tiġi proposta għas-snin li ġejjin.
- Saru żewġ seminars dwar 'Il-Parroċċa Llum u Għada' fix-xahar ta' April b'parteċipazzjoni qawwija ta' madwar 450 membru tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali.
- Saru l-laqgħat meħtieġa mal-Għaqda Biblika Maltija, is-Segretarjat Liturġija u s-Segretarjat Katekeżi biex jiġu offruti proposti formattivi, f'format ta' modules, li huma kapaċi li jaddattaw ruħhom għall-ħtiġijiet formattivi ta' dawk li jitolbuhom u li huma flessibbli fl-applikazzjoni tagħhom.
- Saru l-preparattivi kollha għal kors fil-Christian leadership li se jibda bl-ewwel weekend seminar fix-xahar ta' Novembru 2006. Din il-proposta saret b'kollaborazzjoni mal-Forum tal-Għaqdiet u l-Movimenti.
- F'Mejju, ġie mniedi seminar dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja mat-Taqsima Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol.
- Bdiet isseħħ il-kollaborazzjoni mar-rivista Pastor li ħadet format ġdid. Qed issir ħidma biex din ir-rivista sservi bħala strument formattiv għall-membri tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali. Numru dejjem jiżdied ta' parroċċi qed jabbonaw il-membri ta' dan il-Kunsill fiha.
- Matul ix-xhur ta' April u Mejju ġew ippreparati diversi programmi għar-radju RTK dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.
- L-IFP ta kontribut għall-kampanja mnedija mill-KDŻ li kellha l-isem Għall-Ħajja Sesswali Isbaħ.
- L-IFP ħaseb biex joffri sussidji formattivi għall-ħruġ tal-film The Da Vinci Code. Barra Round Table Conference, konferenza stampa, u parteċipazzjoni fi programmi televiżi u fuq ir-radju, ġew stampati 20,000 manwal bl-Ingliz bl-isem Uncoding Jesus Christ u 130,000 sussidju bil-Malti li tqassmu mar-rivista Flimkien jew, fejn din ma tasalx, permezz tal-parroċċi.
Issir ħidma biex l-Istitut Kattoliku jkun Ċentru ta' formazzjoni u ta' kultura b'ispirazzjoni Kattolika. Għalhekk l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali jkollu l-uffiċċji tiegħu fl-Istitut Kattoliku. (KSK 41; XK 26).
(Arċidjoċesi)
Ix-xogħol fuq ir-refurbishment ta' l-Istitut Kattoliku irid isir gradatament. Se jsir pjan ta' żvilupp fuq numru ta' snin. L-ewwel xogħol li ser isir hu fuq il-post ta' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, li x-xogħol għalih se jinbeda f'dawn il-ġranet.
Tkompli ssir il-ħidma li bdiet li jitqassmu sussidji fuq diversi suġġetti ttrattati fid-dokumenti tas-Sinodu, u li jgħinu fil-formazzjoni tal-mentalità tas-Sinodu.
(Segreterija Pastorali, Parroċċi)
Ġew stampati diversi libretti oħra, ma' dawk li kienu diġa' ppubblikati fl-ewwel sena wara s-Sinodu. B'kollox hemm 20 librett fuq suġġetti differenti. Dawn tqiegħdu wkoll fuq il-website tas-Sinodu ( HYPERLINK "http://www.sinodu.org.mt" http://www.sinodu.org.mt). Diversi parroċċi użaw dawn il-libretti bħala għajnuna għall-formazzjoni ta' l-operaturi pastorali.
Komplew ukoll l-artikli regolari kull ġimagħtejn fuq Il-Ġensillum, li jittrattaw is-Sinodu u l-proċess ta' implimentazzjoni tiegħu, kif ukoll temi marbuta mas-Sinodu. Mill-ewwel darba li dehret din ir-rubrika, fi Frar 2001, s'issa dehru 135 artiklu. Dawn kollha qegħdin fuq il-website tas-Sinodu.
Saru wkoll artikli regolari darba fix-xahar fuq ir-rivista Flimkien, sa mill-ewwel ħarġa tagħha. Dawn kollha qegħdin fuq il-website tas-Sinodu.
Tkompli l-ħidma biex ikunu approfonditi aktar tliet oqsma partikulari identifikati mill-Assemblea tas-Sinodu: il-persuni b'diżabilità; il-Knisja u l-qasam ta' l-edukazzjoni; il-ħajja konsagrata.
(Segreterija Pastorali u t-taqsimiet konċernati)
Tħejja dokument dwar il-Knisja u l-persuni b'diżabilità, wara konsultazzjoni wiesgħa – dan ġie diskuss f'diversi kunsilli tal-Knisja kif ukoll ma' aġenziji u għaqdiet oħra mhux tal-Knisja, li huma attivi f'dan il-qasam. Il-ħsieb hu d-dokument ikun ippubblikat din is-sena. Dwar id-dokument fuq il-ħajja konsagrata, il-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi qed jippjana seminar fuq dan is-suġġett, li jgħin fil-bini ta' dan id-dokument. Dwar dak ta' l-edukazzjoni, għad irid jitwaqqaf bord fi ħdan is-Segretarjat ta' l-Edukazzjoni biex dan jista' jsir.
Jissaħħaħ il-programm ta' formazzjoni permanenti għas-saċerdoti, b'inizjattivi ġodda (KSK 81-82).
(Segretarjat Kleru u Ħajja Konsagrata)
Beda kors ġdid ta' formazzjoni permanenti, b'laqgħat darba fix-xahar, għal grupp ta' saċerdoti li qaddsu mis-sena 2000 'l hawn. Qegħdin isiru regolarment.
Fr Jimmy Bonnici beda l-ħidma tiegħu bħala responsabbli tal-formazzjoni permanenti.
Twaqqaf Kunsill tas-saċerdoti Djoċesani li ltaqa' sa issa ħames darbiet.
L-Aġġornament tal-Kleru ta' 2005 kien fuq il-familja – qasam indikat fil-Pjan Pastorali stess.
Isir kors f'leadership skills għall-adulti (LN 64).
(Forum tal-Għaqdiet u tal-Movimenti Kattoliċi)
Tul is-sena saret ħidma organizzattiva flimkien ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali biex jitħejja u jkun imnieda kors li jwassal għal Certificate in Christian Leadership, li se jibda f'Novembru 2006.
Isiru stediniet regolari u ssir enfasi fuq l-importanza ta' formazzjoni kontinwa lill-operaturi pastorali fil-parroċċi (XK 38; KSK 73).
(Segretarjat Parroċċi)
Flimkien ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali saru żewġ laqgħat għall-operaturi pastorali li għalihom attendew madwar 450 membru tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali. Inġabret lista tal-persuni kollha li attendew biex isservi ta' riferenza għal attivitajiet oħra. Ħames Segretarjati u Kummissjonijiet djoċesani wettqu programmi ta' formazzjoni għal dawn l-operaturi pastorali.
Isir programm ta' formazzjoni għal-Letturi, Ministri Straordinarji tat-Tqarbin u l-membri tal-Kummissjoni Liturġika Parrokkjali – imqassam f'laqgħat fl-unitajiet (LS 4).
(Segretarjati Liturġija u Parroċċi)
Fl-2005 saru laqgħat f'sitt unitajiet pastorali, i.e. unitajiet 3, 7, 12, 13, 14, 15. Fl-2006 saru laqgħat f'seba' unitajiet, i.e. 4, 5, 6, 9, 11, 15 (reġa' sar), 16. F'Settembru se jsir kors f'unità 1.
Dawk kollha li pparteċipaw kellhom kummenti pożittivi, biss f'xi unitajiet ingħatat importanza kbira lill-kors tal-Ministri straordinarji tat-tqarbin u mbagħad kien hemm attendenza fqira għal-laqgħat ta' formazzjoni liturġika għall-membri tal-Kummissjoni Liturġika Parrokkjali.
Bħala laqgħat ta' formazzjoni, s-Segretarjat organizza wkoll żewġ korsijiet ta' 13-il laqgħa l-wieħed lis-sorijiet Ursolini. Ingħataw korsijiet jew konferenzi f'għadd ta' parroċċi.
Saru wkoll sensiela ta' laqgħat lill-Patrijiet Tereżjani Skalzi dwar il-liturġija u lis-sorijiet ta' karità.
Ikun hemm taħriġ fil-komunikazzjoni simbolika fil-mixja ta' fidi għall-persuni b'diżabilità intellettwali (VKK 18vii).
(Kummissjoni persuni b'diżabilità u Segretarjat Katekeżi)
Din il-ħidma ngħatat bidu għaliha fid-Dar tal-Providenza. Hemm propost wkoll ta' tip ta' akkumpanjament fil-fidi mal-koppji miżżewġin li jkollhom ulied b'diżabilità intellettwali. Qed jitfassal seminar għall-persuni interessati mill-parroċċi. Sar xogħol preparatorju biex ikun hemm Gwida komprensiva għall-iżvilupp tal-fidi ta' persuni b'diżabilità intellettwali.
Isir kors għall-youth leaders b'kollaborazzjoni mas-Salesian Pastoral Youth Service (AŻ 35).
(Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ)
Sar l-ewwel kors bi 34 applikant. Ikkonkludew il-kors 30 student. L-applikanti kienu mexxejja ta' l-adolexxenti u ż-żgħażagħ u għalliema tar-reliġjon.
Isir kors intensiv dwar l-ambjent naturali fil-gżejjer Maltin. Jiġi ppublikat ktejjeb dwar il-ħarsien ta' l-ambjent u r-reliġjon (KSK 53).
(Kummissjoni Ambjent)
Il-kors, imsejjaħ "Kors Ħolqien", se jsir fl-2006. Għandha ssir ukoll Konferenza Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni Ambjentali fis-6 u 7 ta' Ottubru 2006. Il-ktieb bl-isem "L-Ambjent: Dar Waħda…ta' Familja Waħda…ta' Missier Wieħed" se jkun ippubblikat f'Ottubru 2006.
Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan
F'kollaborazzjoni ma' l-Istitut ta' Formazzjoni, iċ-¬entru Spiritwalità Injazjana joffri s-servizzi tiegħu fl-organizzazzjoni ta' korsijiet u esperjenzi formattivi (KSK 83iii).
(Ċentru Spiritwalità Injazjana)
Iċ-Ċentru qed jikkollabora ma' l-Istitut ta' Formazzjoni fit-tfassil ta' kors ġdid ta' direzzjoni spiritwali.
Iċ-Ċentru Spiritwalità Marjana jorganizza seminars ta' formazzjoni fuq l-ispiritwalità Marjana (AŻ 43).
(Patrijiet Karmelitani)
Minn dawn is-seminars saru tnejn, fuq bażi ta' weekend, u tnejn oħra fuq bażi ta' nofs ta' nhar.
Jingħata kontribut mill-membri tas-Soċjetà fl-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali (XK 32).
(Museum irġiel)
Issa li twaqaf l-Istitut ta' Formazzjoni, is-Soċjetà qed tħares 'il quddiem lejn dan il-kontribut.
Isiru korsijiet ta' formazzjoni mill-komunitajiet reliġjużi bil-għan li jintlaħqu kemm il-kongregazzjonijiet infushom kif ukoll ħaddiema oħra fi ħdanhom (KSK 81-82).
(Sorijiet Sacred Heart, Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesu', Agostinjani)
Dawn il-korsijiet saru, u b'mod regolari wasslu l-valuri tas-Sinodu u t-tagħlim li hemm fid-dokumenti tas-Sinodu, kif ukoll formazzjoni skond il-kariżma tal-kongregazzjoni. Sar sforz biex jintlaħqu wkoll ħaddiema oħra minbarra r-reliġjużi.
Djar tar-reliġjużi jkunu miftuħin għal-laqgħat ta' formazzjoni kemm tal-lajċi kif ukoll għar-reliġjużi (VKK 29).
(Sorijiet Sacred Heart, Ursolini)
Dan sar matul is-sentejn tal-Pjan.
Ikun hemm korsijiet ta' formazzjoni fi ħdan l-għaqdiet u l-movimenti kemm għall-membri nfushom kif ukoll biex iwettqu aħjar l-appostolat tagħhom (LN 58; 62).
(Museum, SAS – Azzjoni Kattolika, Legion of Mary, Youth Fellowship)
Dawn il-laqgħat ta' formazzjoni saru, u l-għaqdiet taw rapport tagħhom. Ħafna mill-korsijiet kienu b'enfasi partikulari fuq id-dokumenti tas-Sinodu jew suġġetti utli li joħorġu minn dawn id-dokumenti.
Isiru korsijiet speċifiċi fuq l-ispiritwalità ta' komunjoni kif imfassla fl-enċiklika Novo Millenio Ineunte u fid-dokument Viżjoni ta' Knisja komunjoni (VKK 17-18; LN 62).
(Fokolari)
Matul 2006, il-fergħat kollha tal-Moviment, mit-tfal ta' 4 snin sa l-adulti, segwew programmi regolari li ffurmawhom għall-komunjoni. Fil-Mariapoli li saret f'Marzu, ġiet illanċjata t-traduzzjoni tal-ktieb ta' Chiara Lubich dwar din it-tema bl-isem "L-Għajta", ippubblikat mill-Media Centre.
-
4. Attenzjoni partikulari lill-familja u lill-adolexxenti/żgħażagħ
Issir ħidma biex l-Arċidjoċesi jkollha l-ministeri lajkali (VKK 17) f'dawn iż-żewġ oqsma: familja u adolexxenti/żgħażagħ (AŻ 18). Jibda għalhekk it-taħriġ għal dawn il-ministeri.
(Arċidjoċesi)
Ġiet ippreżentata proposta fil-Kunsilli Presbiterali u Pastorali Djoċesan. Rigward il-Youth Ministers, sar l-ewwel kors ta' sena li wassal għal Certificate in Youth Ministry u li għalih attendew 34. Rigward il-Family Ministers, hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla jibda kors li jwassal għal Certificate in Family Ministry.
Familja
Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali
Issir edukazzjoni fuq il-valuri tal-familja fost iż-żgħażagħ, fost koppji namrati, fost il-miżżewġin ġodda. Tintuża l-media biex titwassal din l-edukazzjoni fuq il-valuri tal-familja (ŻF 30; LN 60).
(Kummissjoni Djoċesana Familja, Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ u Moviment ta' Kana)
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja ħadet ħsieb ta' żewġ sensieli ta' programmi fuq l-RTK dwar il-valuri tal-familja u ħadet sehem fi programmi fuq Radju Malta, programmi li kienu jittrattaw il-familja fid-dawl tad-dokument tas-Sinodu Żwieġ u Familja.
Bil-għan li kull min jagħmel ħidma pastorali mal-familja jkun iffurmat tajjeb, kull tliet xhur saru u qed isiru laqgħat ta' formazzjoni għall-membri tal-Kummissjoni. Membri ta' għaqdiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-familji jkunu mistiedna għal-laqgħat. Fis-sena 2005 saru tliet laqgħat u, sa Ġunju 2006 saru żewġ laqgħat oħra.
Bl-iskop li l-għalliema jingħataw formazzjoni fuq il-valuri tal-familja nisranija, saret ħidma biex ikun hemm kit ghal seminar ta' ftit sigħat għall-għalliema ta' l-iskejjel tal-Knisja biex ikunu megħjuna jwasslu messaġġ posittiv dwar il-familja fil-lezzjonijiet tagħhom ikunu fuq liema suġġett ikunu.
Hemm ukoll il-ħsieb li l-istess kit ikun jista' jintuża minn għalliema fi skejjel oħra li juru interess. Il-ħsieb hu li dan jitlesta sa tmiem 2006.
Saret il-kampanja 'Lejn Ħajja Sesswali Isbaħ' bħala parti mill-edukazzjoni fuq il-valuri.
F'kollaborazzjoni mal-Moviment ta' Kana qed jitħejja manwal maħsub biex ikun ta' għajnuna għal-leaders taċ-ċentri taż-żgħażagħ biex dawn ikunu jistgħu jwasslu l-valuri tal-familja liż-żgħażagħ speċjalment liż-żgħażagħ namrati.
Ikun hemm tisħiħ tal-Kummissjoni Parrokkjali Familja fid-dawl tal-linji-gwida aġġornati. Fejn m'hemmx, titwaqqaf din il-Kummissjoni (ŻF 29).
(Kummissjoni Djoċesana Familja, Parroċċi)
Rigward il-Kummissjoni Parrokkjali Familja, in-numru ta' parroċċi fejn qed titwaqqaf din il-Kummissjoni qiegħed dejjem jikber – mill-Assemblea tal-parroċċi lil hawn, tliet parroċċi waqqfu din il-Kummissjoni li kienet għadha ma teżistix fil-parroċċa tagħhom. F'ħafna parroċċi din qed isservi biex jiġu identifikati u jinżamm kuntatt ma' familji f'diffikultajiet. F'xi każi l-Kummissjoni qed tkun mezz ta' reaching out u wkoll punt ta' referenza. Jidher ukoll li hemm numru żgħir ta' parroċċi fejn saru attentati biex titwaqqaf il-Kummissjoni, iżda dawn ma rnexxewx minħabba nuqqas ta' riżorsi umani.
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja saħħet u għadha qed issaħħaħ il-kuntatt mal-parroċċi billi fil-bidu ta' 2006, il-koppja President tal-kummissjoni bdew iduru parroċċa parroċċa nhar ta' Sibt filgħaxija jew il-Ħadd biex jieħdu sehem f'quddiesa ċċelebrata apposta għall-familja minn Mons. Carmel Żammit, Dun Charles Cordina u Dun Joseph Mizzi. Il-quddiesa, iddedikata lill-familja, b'tagħrif fil-qosor dwar l-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio u b'omelija apposta, qed tgħin ukoll lill-kappillani biex isiru jafu aktar lill-Kummissjoni Djoċesana Familja u b'hekk tikber il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Dawn il-quddisiet se jkomplu matul is-sena kollha sakemm jintlaħqu l-parroċċi kollha u xi żoni importanti f'xi wħud mill-parroċċi.
Ikun hemm aktar żjarat fil-familji fil-komunitajiet parrokkjali (ŻF 44; XK 42).
(Segretarjat Parroċċi)
Saru u qed isiru żjajjar lill-familji f'numru ta' parroċċi. Dawn isiru kemm mill-kappillani kif ukoll mis-saċerdoti mhux biss fiż-żmien it-tberik tal-Għid imma wkoll matul is-sena. Hemm każi fejn membri tal-Kummissjoni Parrokkjali Familja stess qed jagħmlu dawn iż-żjajjar. Fl-Assemblea tar-rappreżentanti tal-Parroċċi li saret fl-2005, u li kellha bħala tema 'il-familja', saret enfasi fuq il-ħtieġa taż-żjajjar fil-familji u għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Parrokkjali Familja.
Ikun hemm tisħiħ tas-servizzi li jagħti l-Moviment ta' Kana billi ssir valutazzjoni ta' l-istrutturi u l-ħidmiet tiegħu (ŻF 34):
- Counsellors ġodda u servizz ta' counselling fil-parroċċi (ŻF 38);
- Aġġornament tal-kors ta' Kana u tal-koppji mexxejja (ŻF 30-31; 33);
- Preparazzjoni ta' materjal għal-laqgħat going steady (ŻF 30);
- Jitwaqqaf grupp immirat għall-koppji għarajjes li attendew il-kors ta' Kana (ŻF 35).
(Moviment ta' Kana)
Saret valutazzjoni esterna permezz ta' counsellor stabbilit lokalment tas-servizzi fil-qasam tal-counselling u tal-korsijiet ta' tħejjija għaż-żwieġ. Il-Moviment wasal viċin ħafna fid-diskussjonijiet biex isir kors ġdid għall-counsellors.
Fi tliet unitajiet inbeda proċess biex tinstab persuna kompetenti li tista' tagħti s-servizzi tagħha fil-parroċċi ta' dawn l-unitajiet.
Sar aġġornament tal-kors ta' Kana; saret ħidma biex xi laqgħat isiru permezz ta' videos/DVDs maħduma lokalment.
L-aġġornament tal-koppji mexxejja kompla b'laqgħat minn żmien għal żmien. Fil-kors ta' taħriġ għall-koppji mexxejja ġodda żdiedu żewġ laqgħat. F'Settembru 2005 ġie organizzat Seminar għall-Koppji Inkarigati fejn kienu diskussi proċeduri rigward il-koppji mexxejja ġodda u l-kors ta' tħejjija għaż-żwieġ innifsu.
Il-manwal għal-laqgħat tal-going steady kważi lest. Hu maħsub bħala għodda għal-leaders taċ-Ċentri ta' l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.
Twaqqaf il-grupp ta' follow-up għall-korsijiet ta' tħejjija għaż-żwieġ (il-Belong). Il-follow-ups qed isiru.
Isir follow-up tal-ħidma tat-task force li twaqqfet rigward il-backlog fit-Tribunal Ekkleżjastiku. Titwaqqaf u tibda taħdem il-Kummissjoni Pastorali Tribunal Ekkleżjastiku (ŻF 47-48).
(Arċidjoċesi)
It-task force għamlet ir-rapport tagħha lill-Arċisqof. Ġew studjati l-proposti, u l-Arċisqof ħa xi deċiżjonijiet fosthom il-ħatra ta' żewġ imħallfin ġodda, li huma lajċi nisa.
Kien ikkunsidrat ukoll kif l-aħjar jiġu megħjuna pastoralment persuni li jkollhom il-każ tagħhom quddiem it-Tribunal Ekkleżjastiku. Il-proposta ta' azzjoni għall-għajnuna pastorali lil dawn il-persuni qed tingħata lill-Moviment ta' Kana biex joffri dan is-servizz.
Jissaħħu u jitwaqqfu gruppi ta' sapport għas-separati (ŻF 34).
(Kummissjoni Djoċesana Familja)
Tul is-sena 2004-2005 kien hemm 16-il parroċċa f'Malta fejn twaqqfu support groups għal nisa separati. Il-leaders li qed imexxu dawn il-gruppi ingħataw taħriġ minn qabel. Dan it-taħriġ kien jikkonsisti f'sitt laqgħat minn kelliema professjonali u ġew indirizzati realtajiet u sitwazzjonijiet li tiltaqa' magħhom il-persuna meta sseħħ is-separazzjoni.
Kien hemm ukoll żewġ laqgħat ta'follow-up. Kull min attenda għall-kors ingħata ċertifikat ta' attendenza. Jinħass il-bżonn li dan it-taħriġ ikun ongoing. Hu imporanti wkoll li jinżamm kuntatt mill-qrib mal-kappillani tal-parroċċi ta' dawn is-support groups kif ukoll mal-leaders biex wieħed jista' janalizza l-progress u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.
S'issa jidher li hemm xi parroċċi fejn dawn is-support groups qabdu sew u mexjin tajjeb. Hemm oħrajn fejn l-attendenza hi fqira meta mqabbla man-numru ta' nies li jistgħu jagħmlu użu minnhom. Wieħed mis-suġġerimenti hu li, fejn jinħass il-bżonn, il-parroċċi jingħaqdu flimkien bħala unità.
Hemm il-ħsieb li ssir laqgħa fuq bażi nazzjonali għan-nisa separati u mbagħad għall-irġiel separati biex jiġu aġġornati u jinbnew pjanijiet f'dan il-qasam billi wieħed jisma' mingħand il-protagonisti stess x'inhuma l-ħtiġijiet tagħhom. B'hekk tkun tista' titfassal dejjem aktar għajnuna għalihom.
Tingħata għajnuna fl-evanġelizzazzjoni mil-lajċi preżenti fis-setturi tal-familja u taż-żgħażagħ (LN 73).
(Segretarjat Lajċi)
Tul 2006, il-ħidma tas-Segretarjat għal-Lajċi fil-promozzjoni tal-Unità Pastorali fl-Arċidjoċesi wasslet għal diversi inizjattivi mill-parroċċi flimkien biex jibdew isiru laqgħat u jittieħdu inizjattivi konkreti u partikolari mill-Kummissjonijiet Familja Parrokkjali biex jaħdmu lejn żvilupp tal-ħidma b'risq il-familja fil-parroċċi.
Tkun approfondita t-tema 'il-familja u x-xogħol' f'seminar bis-sehem ta' l-imsieħba soċjali (ŻF 17).
(Taqsima Pastorali Xogħol, Kummissjoni Djoċesana Familja)
Sar seminar ma' l-imsieħba soċjali dwar "Ix-xogħol u l-familja fid-dawl tas-Sinodu".
Jitħejja rapport li jagħti spjegazzjoni tal-pożizzjoni f'pajjiżna, dwar dawn l-issues konnessi mal-familja: divorzju, abort (ŻF 45-46).
(Kummissjoni Djoċesana Familja)
Il-Kummissjoni Djoċesana Familja żammet għajnejha miftuħa għal dak kollu li qed jiġri f'pajjiżna kemm fuq l-issue ta' l-abort kif ukoll fuq il-bioteknoloġija u l-inġinerija ġenetika. Xi wħud mill-Kummissjoni kitbu fil-gazzetti lokali dwar dan is-suġġett. Jinħass iżda l-bżonn li kemm jista' jkun malajr jinstab grupp żgħir ta' persuni b'background professjonali li jkun jista' jgħin fuq studju dwar issues partikolari li għandhom x'jaqsmu mal-familja. Fil-fatt, saret proposta dwar it-twaqqif ta' dan il-grupp u ġiet diskussa fost id-delegati. Dan il-grupp għadu ma twaqqafx, għalkemm qed jiġu identifikati persuni li jkunu jistgħu jgħinu.
Qed isiru arranġamenti biex flimkien mal-Moviment ta' Kana jitwaqqaf l-Osservatorju tal-Familja.
Ikun hemm aġġornament tal-korsijiet għall-għarajjes Maltin li jiżżewġu barranin (ŻF 51).
(Segretarjat Emigrazzjoni)
Saru b'mod regolari l-korsijiet ta' tħejjija 'Marrying a Foreigner' li għalihom attendew 40. Saru wkoll laqgħat individwali mal-għarajjes meta waslu viċin il-ġurnata taż-żwieġ. Ta' min jinnota li dawn il-laqgħat m'humiex laqgħat ta' informazzjoni imma ta' formazzjoni nisranija.
Jinħoloq aktar kuntatt ma' Maltin li jiżżewġu barranin bi żwieġ ċivili (ŻF 49).
(Segretarjat Emigrazzjoni, Parroċċi)
Il-Catholic Enquiry Centre (CEC) iżomm l-istatistika f'dak li għandu x'jaqsam maż-żwiġijiet ċivili. Bl-emendi li saru fil-liġi, iż-żwiġijiet ċivili minn naħa naqsu — jiġifieri dawk ta' Maltin li jiżżewġu baranin, fejn ikun żwieġ ta' konvenjenza – imma żdiedu dawk ta' bejn il-Maltin stess, jiġifieri dawk ta' Maltin ma' Maltin.
Il-CEC jgħin ukoll lil dawk il-Maltin li jkunu żżewġu lill-barranin bi żwieġ ċivili u aktar tard, jitolbu li jikkonvalidaw iż-żwieġ tagħhom biex isir bil-Knisja. Lil dawk li m'humiex Kattoliċi, jekk jitolbu, il-CEC jgħinhom jippreparaw ruħhom biex jirċievu s-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma ta' l-Isqof.
Is-Segretarjat organizza seminar biex jistudja aktar fil-fond ir-rejalta' f'dan il-qasam u kif jista' jtejjeb il-ħidma tiegħu.
Isir studju b'riċerka fuq il-familja Maltija (ŻF 23).
(Discern, Kummissjoni Djoċesana Familja, Moviment ta' Kana, Catholic Enquiry Centre)
Dan l-istudju fuq il-familja Maltija għadu ma sarx.
Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan
Membri ta' l-Azzjoni Kattolika jkunu 'koppji mexxejja' fil-korsijiet ta' tħejjija għaż-żwieġ (ŻF 33).
(Azzjoni Kattolika)
Membri ta' l-Azzjoni Kattolika wettqu l-ħidma ta' 'koppji mexxejja' fil-korsijiet tat-tħejjija għaż-żwieġ.
Isiru laqgħat ta' follow-up wara l-kors ta' tħejjija għall-għarajjes (ŻF 35).
(Youth Fellowship)
B'kollaborazzjoni mal-Moviment ta' Kana, membri tal-komunità organizzaw il-laqgħat kull xahar ta' follow-up bl-isem 'Belong'; irtir bit-tema 'X'inhu verament iż-żwieġ nisrani'; u eżerċizzi spiritwali għal żmien ir-Randan. Dawn l-attivitajiet attiraw numru sabiħ ħafna ta' koppji li jattendu fuq bażi regolari.
Tittella' FamiljaFest fil-Mariapoli f'April 2005.
(Fokolari)
Il-FamiljaFest saret f'April 2005. Bħala impenn, dawn il-proġetti: (i) fuq livell lokali jsiru korsijiet u seminars ta' formazzjoni fil-qasam kollu tal-familja; fil-fatt saru tliet seminars – Familja, skola ta' liberta' (Frar 2006), Il-Familja u l-Medja (April 2006) u Uliedna, kif nedukawhom (Ġunju 2006); (ii) b'kontribut mill-familji Maltin, fl-Asja beda l-proġett 'Dar għal kull Familja'; (iii) bis-saħħa tal-proġett 'Adoptions at a Distance', b'kollox bħalissa hemm sponsorjati 14-il tifel u tifla li jgħixu fl-Asja fil-pajjiżi milquta mit-tsunami u fl-Amerika Latina.
Tiżdied il-koordinazzjoni interna bejn l-għalliema tal-PSD, tar-Reliġjon u ta' l-Istudji Soċjali biex tissaħħaħ it-tħejjija ta' l-adolexxenti għall-ħajja tal-familja (ŻF 30).
(Seminarju Minuri)
Iltaqgħu flimkien l-għalliema tar-Reliġjon, tal-PSD u ta' l-Istudji Ambjentali biex jistudjaw l-aspetti jejn tidħol it-tema tal-familja. B'hekk ikun aċċertat li globalment qed tasal viżjoni realistika, pożittiva u ħolistikament nisranija tal-familja. Saru xi suġġerimenti fejn jista' jkun hemm tisħiħ biex il-valuri tal-familja jaslu b'mod iktar organiku tul iż-żmien li l-istudenti jagħmlu l-iskola. Ġew organizzati wkoll numru ta' morning assemblies b'temi marbuta mal-familja.
Adolexxenti u Żgħażagħ
Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali
Jitħejja programm ta' katekeżi għall-adolexxenti (AŻ 33).
(Segretarjat Katekeżi u Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ)
Il-ħidma fuq dan il-programm imxiet b'ritmu tajjeb ħafna. Wara li twaqqfet kummissjoni ta' ħidma b'rappreżentanza mis-Segretarjat Katekeżi, Kummissjoni Djoċessana Żgħażagħ, Żgħażagħ Azzjoni Kattolika u persuni oħra speċjalizzati f'dan il-qasam, tfasslu linji-gwida. Tfasslu wkoll skemi ta' laqgħat għall-katekeżi parrokkjali għall-preadolexxenti li jkunu Form 2 (is-sena ta' wara li jkunu għamlu l-Griżma wara s-sena 2010) bl-isem 'Ninbnew f'komunità nisranija'. Tlestiet ukoll il-kitba għat-tieni ktieb għall-etajiet ta' Form 3. Saru wkoll kuntatti diretti fil-post ma' 40 parroċċa (i.e. mal-kappillan, il-viċi u l-animaturi) u fi 22 parroċċa minn dawn kuntatti wkoll ma' l-adolexxenti. Saru wkoll laqgħat għall-ġenituri fi 15-il parroċċa. Sar ukoll seminar f'Mejju 2006. Sar ukoll kors ta' 10 lectures ta' formazzjoni għall-animaturi parrokkjali. Attendew 50 persuna.
Issir riċerka fuq it-tendenzi reliġjużi taż-żgħażagħ (AŻ 4).
(Discern, Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Segretarjat Katekeżi)
Bdiet ir-riċerka ma' l-adolexxenti. Ir-riżultati tagħha għandhom ikunu preżentati fis-sajf 2007. Qed titħejja r-riċerka maż-żgħażagħ.
Jinħolqu linji-gwida għall-kummissjoni adolexxenti/żgħażagħ fil-parroċċi (AŻ 19-20). Fejn m'hemmx, titwaqqaf din il-kummissjoni.
(Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, Parroċċi)
Il-linji-gwida ngħataw lill-kappillani fil-live-in annwali tagħhom fil-bidu ta' 2005. Saru żewġ laqgħat lill-youth leaders u saċerdoti responsabbli miż-żgħażagħ qabel u wara li tnedew il-linji-gwida. F'parroċċi fejn intalbet, il-KDŻ marret biex tanima l-ewwel laqgħa tal-kummissjoni. S'issa twaqqfet il-Kummissjoni Parrokkjali Adolexxenti u Żgħażagħ (KPAŻ) f'7 parroċċi skond il-linji-gwida tal-KDŻ u f'parroċċa oħra mhux skond il-linji-gwida. Parroċċi oħrajn għalissa jħossu li għadu mhux il-waqt, m'għandhomx riżorsi, ma jħossux il-bżonn jew ma jixtiqux iwaqqfu waħda.
Jiġu organizzati weekend encounters u adventure weekends għaż-żgħażagħ, bil-għan li jgħinuhom fil-valuri tal-ħajja (AŻ 33iii).
(Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ)
Weekend encounters. Saru sebgħa. Ħadu sehem: Ġen-Ż - Ċentru Sant'Andrija Ħaż Żabbar, Ċentru ta' Warda Ħaż Żebbuġ, Ċentru taż-Żgħażagħ il-Mellieħa Form IV, Ċentru taż-Żgħażagħ il-Baħrija, Sacred Heart Form IV, Ġifra l-Furjana, Group Alive San Ġwann. Biex dan il-proġett isir aktar konformi mal-missjoni tal-KDŻ, ġie deċiż li jieħu xejra differenti. Jibda jsir weekend ta' taħriġ kull sena għall-mexxejja ta' l-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jmexxu l-weekends taż-żgħażagħ tagħhom huma stess. Barra minn hekk, hawn ukoll għaqdiet oħrajn li qegħdin joffru servizz simili ħafna.
Adventure weekends. Saru erbgħa. Ħadu sehem: Fgura Youth Centre, Mechanical Engineering students tal-MCAST, Gen-Ż - Centru Sant'Andrija Żabbar, Grupp Tfajliet Żejtun.
Live-ins. Saru tlieta għall-istudenti ta' St Augustine. Dawn kienu weekends tailor-made għal din l-iskola billi xtaqu xi ħaġa differenti mis-servizzi li toffri l-KDŻ.
Ikun hemm tisħiħ tas-servizz tar-religious counsellors fl-iskejjel, fost l-adolexxenti (AŻ 40).
(Segretarjat Katekeżi)
L-iskop prinċipali f'dawn is-sentejn kien li jkun assigurat li l-iskejjel sekondarji kollha għandhom religious counsellor u li dawn ikollhom l-għajnuna biex jaġġornaw lilhom infushom ħalli jkunu aktar kwalifikati għax-xogħol tagħhom.
Fl-iskejjel sekondarji statali u independenti kollha, hemm religious counsellor mill-inqas darba fil-ġimgħa; xi wħud fost il-kbar għandhom iżjed minn wieħed u b'attendenza ta' aktar minn darba fil-ġimgħa. Uħud għandhom għajnuna minn voluntiera fost l-istaff.
L-iskejjel tal-Knisja kważi kollha jgħidu li għandhom religious counsellor. Kultant is-sitwazzjoni mhijiex ċara, għax ir-religious counsellor ikollu wkoll xogħol ta' għalliem tar-reliġjon, u ma jkollux ħin jaqdi r-rwol tiegħu ta' religious counsellor. Oħrajn isejħu s-saċerdot għall-qrar u l-quddiesa fl-iskola meta jkun hemm bżonn.
Fil-bidu ta' kull sena skolastika, isir seminar ta' aġġornament għar-religious counsellors kollha. Matul dawn is-snin ġie formulat Manwal dwar il-ħidma tar-religious counselors fl-iskejjel, li jiġbor fih il-frott tal-laqgħat dwar diversi aspetti ta' din il-ħidma li kienu saru f'seminars fl-imgħoddi. Tfasslu wkoll kriteji ta' evalwazzjoni u accountability għar-religious counsellors. Dawn jingħataw ukoll lil religious counselors li jibdew il-ħidma tagħhom.
Saru kuntatti ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali biex ikun hemm kors ta' kwalifika għar-religious counsellors fl-iskejjel u li jkun jista' jwassal għal Diploma dwar Chaplaincy.
Wara snin ta' servizz mill-Ġiżwiti, saret bidla taċ-Chaplaincy fil-Junior College u ġie appuntat saċerdot djoċesan full-time. Saru żviluppi kbar fl-MCAST, fejn għall-ewwel darba, hemm religious counsellor full-timer. Fl-MCAST qed issir ħidma kbira b'kollaborazzjoni mal-KDŻ u l-ministeru miċ-Cenacolo Community tal-Youth Fellowship. Ġie allokat sit għal Chaplaincy fid-dħul tal-MCAST – parti mill-proġett ta' ristrutturazzjoni tal-campus.
Issir sensibilizzazzjoni ta' l-adolexxenti u taż-żgħażagħ fuq 'id-dinjità tal-bniedem' speċjalment fl-iskejjel, b'għajnuniet lill-għalliema (AŻ 36).
(Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Segretarjat Katekeżi)
Il-Kummissjoni rat li jkun aħjar li din is-sensibilizzazzjoni ma tkunx biss tqassim ta' materjal, imma li jkun hemm xi ħaġa li tinżel aktar fil-fond u li titratta t-tagħlim soċjali tal-Knisja. Għalhekk sar u se jkompli jsir koordinament ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali dwar dan.
Jinħoloq kuntatt ma' l-istudenti barranin Kattoliċi biex ikunu offruti lilhom is-servizzi meħtieġa (AŻ 60).
(Segretarjat Emigrazzjoni u Turiżmu)
Is-Segretarjat ra kif setà jgħin f'dan il-qasam, u kif setà jqiegħed għad-disposizzjoni ta' dawn iż-żgħażagħ il-wirt nisrani kulturali ta' Malta. Intbagħtet letteratura fl-iskejjel tal-lingwa Ingliża b'informazzjoni dwar fejn wieħed jista' jieħu sehem fis-servizzi reliġużi, bħall-quddies. Is-Segretarjat iddiskuta wkoll kif il-preżentazzjoni 'Sacred Island' setgħet tkun mezz ta' evanġelizzazzjoni fost l-istudenti, imma kien hemm diversi diffikutajiet.
Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan
Ikun hemm impenn għall-ħidma koordinata maż-żgħażagħ permezz ta' l-Ignatian Youth Network.
(Patrijiet Ġiżwiti)
Dan in-network kompla jsaħħaħ il-ħidma bejn is-setturi differenti ta' l-appostolat tal-Ġiżwiti maż-żgħażagħ. Saru attivitajiet intersettorjali bħal irtiri fis-silenzju, l-aktar għal studenti universitarji. Ħadna sehem fil-proposta Injazjana, Magis 2005, organizzata mill-Giżwiti li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-Ewropa. Tkompliet il-ħidma biex jissaħħaħ dak li hu speċifiku għall-ħidma maż-żgħażagħ, ie l-għoti tal-Eżercizzi Spiritwali ta' Sant' Injazju, l-għażla preferenzjali tal-fqar u l-formazzjoni ta' Komunitajiet ta' Ħajja Nisranija (CLC).
L-Ignatian Youth Network ippubblika Pjan Pastorali tal-ħidma Injazjana maż-żgħażagħ, bl-isem 'Ħbieb fil-Mulej, il-Ħidma maż-Żgħażagħ ta' inYgo 2006-2008. Barra minn hekk, kull settur ukoll silet l-objettivi tiegħu għas-sena ta' ħidma. In-network kompla l-ħidma bejn is-setturi differenti ta' l-appostolat speċjalment l-attivitajiet komuni: l-irtiri fis-silenzju, il-volontarjat fis-sajf u l-quddiesa ta' kull ġimgħa f'Sarria. Matul 2006, għall-Ġublew Injazjan, ħadna sehem fil-proposta Manresa 2006 organizzata minn inYgo – international.
Ikun hemm tisħiħ taċ-Chaplaincies fl-Università u fil-Junior College fost l-istudenti żgħażagħ (LN 73).
(Patrijiet Ġiżwiti)
Żdied l-outreach ma' l-istudenti universitarji kif ukoll il-proposti pastorali għall-istudenti u l-istaff tal-università. Iċ-Chaplaincy ta' l-Università dejjem tipprova toħloq opportunitajiet ġodda ta' kif issaħħaħ il-ħidma fl-Università, speċjalment ma' dawk li m'humiex midħla tal-Knisja. L-aktar li jsir permezz ta' l-istudent encounters ma' l-istudenti ta' l-ewwel sena. Jinħass bżonn kbir li tissaħħaħ il-preżenza tal-personell lajk fic-Chaplaincy tal-Università.
Ikun hemm involviment ta' gruppi ta' żgħażagħ fi proġetti ta' volontarjat u ħidma soċjali kemm barra kif ukoll f'Malta (AŻ 54; DĠ 34).
(Patrijiet Ġiżwiti)
Matul is-sajf 2005, gruppi ta' żgħażagħ marru għal xogħol volontarju l-Eġittu u l-Alġerija, filwaqt li matul is-sena kien hemm grupp sabiħ igħin fil-proġett tal-Ġiżwiti ż-Żejtun. Matul is-sajf 2006, ħames gruppi ta' żgħażagħ marru għal xogħol volontarju fl-Eġittu, l-Alġerija, l-Etjopja, Cottolengo u Bari. Żgħażagħ oħra għenu fil-proġetti fi ħdan il-Paulo Freire Institute fiż-Żejtun. Iċ-Chaplaincy, permezz tal-Free Gifts Campaign, organizzat gruppi ta' żgħażagħ biex jaħdmu mar-refuġjati fl-Open Centres, mat-tfal fl-isptar u f'xi djar tat-tfal, mal-persuni b'diżabilità, kif ukoll fl-ambjent.
Isiru seminars għall-istudenti universitarji (LN 73).
(Salesian Pastoral Youth Service)
Saru l-weekend seminars għall-istudenti universitarji.
Ikun hemm faċilitajiet aħjar, għall-gruppi ta' żgħażagħ, fi djar immexxija mir-reliġjużi.
(Patrijiet Minuri, Sorijiet Sacred Heart)
Saret ħidma biex ikun hemm dawn il-faċilitajiet, kemm għal żgħażagħ li jiltaqgħu fi gruppi u jużaw id-djar reliġjużi, kif ukoll għal żgħażagħ li jkunu jixtiequ jagħmlu esperjenza tal-ħajja reliġjuża fid-djar reliġjużi stess.
ŻAK, b'kooperazzjoni mal-KDŻ, tkompli ssaħħaħ u tifrex il-ħidma tagħha fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ fil-parroċċi.
(Azzjoni Kattolika)
Kompliet din il-ħidma fil-parroċċi, b'kooperazzjoni mal-KDŻ. F'xi parroċċi twaqqfu gruppi ġodda taż-ŻAK kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adolexxenti, uħud minnhom fuq talba tal-kappillani. ŻAK hi preżenti fi 28 parroċċa fejn jeżistu gruppi diversi mqassma skond l-etajiet.
Frott tal-ħidma li ŻAK wettqu fost iż-żgħażagħ fil-parroċċi, 85 membru taż-ŻAK ipparteċipaw fil-Jum dinji taż-Żgħażagħ 2005. Il-preparazzjoni għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f'Cologne għaqqdet flimkien il-gruppi kollha taż-żgħażagħ Maltin li ħadu sehem; dan kien pass pożittiv ħafna fil-koordinament tal-ħidma bejn l-għaqdiet taż-żgħażagħ.
Ikun hemm laqgħat regolari għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ, b'enfasi fuq formazzjoni spiritwali.
(Youth Fellowship, Mixja Neokatekumenali)
- Komplew il-laqgħat regolari tal-Youth Fellowship (żgħażagħ minn 26 sena 'l fuq), Youth with a Vision - Youth (bejn 17 u 25 sena) u Youth with a Vision - teens (bejn 13 u 16-il sena) nhar ta' Ġimgħa u Sibt.
- Komplew il-laqgħat bit-tema 'Keep the Fire' immirati biex joffru formazzjoni aktar profonda lill-parteċipanti ta' kors bażiku bl-isem 'Acquire the Fire'.
- Sar programm ta' laqgħat darbtejn fix-xahar bl-isem 'Discipleship Training Programe', li jinkludi talb, diskussjoni u impenn soċjal flimkien.
- Komplew il-laqgħat darba fix-xahar għal madwar 30 żagħżugħ u żagħżugħa bl-isem 'Lighthouse'. L-iskop hu li tingħata lil dawn iż-żgħażagħ formazzjoni aktar intensive li twassalhom għal impenn akbar.
- F'April 2006 inħass il-bżonn li jibda kors ta' formazzjoni ġdid bl-isem 'Searchlight' bl-iskop li jservi ta' 'follow-up' għal mijiet ta' żgħażagħ (madwar elf ruħ) li attendew l-Eżerċizzi Spiritwali tar-Randan.
- F'Lulju 2006 ġie fi tmiemu 'Mission Camp 2006 – Zero6' għal madwar 70 student u studenta bejn l-14 u s-16-il sena. Din l-inizjattiva kienet mifruxa fuq ġimagħtejn bl-iskop li toffri lill-parteċipanti opportunitajiet diversi ta' 'spiritual challenge', formazzjoni fil-karattru, ħidma volontarja f'diversi istituzzjonijiet kif ukoll ħin ta' divertiment flimkien.
Issir evanġelizzazzjoni fost l-istudenti fl-iskejjel permezz ta' ACTS (AŻ 32).
(Youth Fellowship)
Din is-sena ACTS firxet il-ħidma tagħha għal 'ACTS School of Mission'. Bl-istess viżjoni oriġinali ta' evanġelizzazzjoni fl-iskejjel, dan il-proġett laħaq il-għan li jipprovdi lill-parteċipanti formazzjoni u taħriġ intensive f'ħidma ta' evanġelizzazzjoni u servizz. Il-parteċipanti kienu żgħażagħ li temmew l-istudji post-sekondarji jew terzjarji tagħhom u xtaqu jiddedikaw sena għal dan il-proġett.
Il-programm, mifrux fuq tletin ġimgħa, kien jikkonsisti fost l-oħrajn f'laqgħat ta' formazzjoni spiritwali dwar suġġetti ta' fidi u morali, workshops, ħidma fl-iskejjel kemm Malta kif ukoll fl-Ingilterra, ħin ta' talb u quddies flimkien, diskussjoni, team-building exercises, ħidma ta' volontarjat u diversi live-ins.
Issir evanġelizzazzjoni fost l-istudenti barranin fis-sajf (AŻ 60).
(Youth Fellowship)
Ma saritx f'dawn is-sentejn. Teżisti l-possibbilta' li fil-futur qrib tibda ħidma ta' evanġelizzazzjoni ma' l-istudenti barranin. Bħalissa qegħdin fi stadju ta' diskussjoni u tħejjija.
Tingħata aktar attenzjoni għall-membri bejn it-12 u t-18-il sena. Isir eżerċizzji u valutazzjoni fuq metodi u tmexxija ta' dawn il-gruppi.
(Legion of Mary)
Ingħatat din l-attenzjoni. Saru diskussjonijiet fuq skala nazzjonali rigward id-diffikultajiet u l-problemi f'dawn il-gruppi, kif ukoll valutazzjoni fuq il-metodi u t-tmexxija tagħhom. Twaqqaf kumitat taż-żgħażagħ biex jistudja metodi ġodda.
Tissaħħaħ il-ħidma vokazzjonali, b'laqgħat għall-adolexxenti u żgħażagħ fil-parroċċi, fil-komunitajiet u fl-iskejjel (AŻ 37).
(Ċentru Vokazzjonijiet Djoċesani, Parroċċi, Kongregazzjonijiet Reliġjużi)
Dawn il-laqgħat saru b'mod regolari. Saru prayer meetings, live-ins u rtiri organizzati miċ-ċentri vokazzjonali differenti.
Issir ħidma biex tissaħħaħ l-ethos ta' l-iskola, bil-kollaborazzjoni ta' kulħadd, għall-ġid ta' l-istudenti u tal-familji tagħhom (KSK 36).
(Skola Sacred Heart, San Alwiġi)
Din il-ħidma saret, f'għaqda ma' kulleġġi jew skejjel oħra fl-Ewropa u fid-dinja, b'mod li l-iskola ffokat fuq tema partikulari jew aspett mill-ethos ta' l-iskola – eż. responsabbilta' soċjali.
Issir ħidma ta' animazzjoni spiritwali u ta' promozzjoni tal-valuri nsara għall-istudenti (eż. irtiri, laqgħat ta' talb, seminars, live-ins) (AŻ 24).
(Skola Sacred Heart, Imm. Conception School, Savio College, De La Salle College, Skejjel St Joseph)
Saret din il-ħidma f'dawn l-iskejjel. Fost l-oħrajn, permezz ta' attivitajiet regolari, bħal Assembly b'tema reliġjuża, u seminars, live-ins u rtiri bl-iskop li l-istudenti jingħataw esperjenza ta' talb u riflessjoni spiritwali. Kien hemm ukoll gruppi ta' studenti li ltaqgħu fil-brejk għal ħin ta' talb u esperjenza spiritwali personali u wkoll għal ħin ta' ħidma b'risq il-ġid spiritwali ta' studenti sħabhom.
Isiru laqgħat, seminars u week-end live-ins għall-istudenti b'temi soċjali; u jkun hemm involviment ta' studenti f'ħidma volontarja ma' nies fil-bżonn (KSK 38; AŻ 54).
(Kulleġġ Santu Wistin, Imm. Conception School, De La Salle College, Stella Maris College)
Din il-ħidma saret b'mod regolari f'dawn l-iskejjel. Saru attivitajiet biex joħolqu kuxjenza soċjali fost l-istudenti, u biex it-talb ikun magħqud ma' għemejjel ta' mħabba ma' min qed ibati. Saru wkoll diversi proġetti ta' volontarjat. Inizjattiva minnhom kienet li f'kull form ikun hemm proġett li fih l-istudenti jaraw x'jistgħu jagħmlu għall-ġid ta' nies fil-bżonn.
-
5. Stil ta' ħajja sinodali
Ħidma koordinata minn strutturi ċentrali
Isiru analiżi u diskussjoni tar-rapport Ii joħroġ mill-external audit li sar bħala parti mill-Programm 2003-2004 għat-twettiq tas-Sinodu, u jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
(Segreterija Pastorali)
Saret analiżi u diskussjoni individwalment ma' 14-il delegat/chairperson tas-Segretarjati u Kummissjonijiet, u wkoll f'laqgħat mad-delegati flimkien; fi tlieta wkoll mal-kunsilli tagħhom; kif ukoll fil-Kunsilli Presbiterali u Pastorali Djoċesan. Tkompliet id-diskussjoni mal-5 delegati/chairpersons tas-Segretarjati u Kummisjonijiet l-oħra. Fil-każ ta' Segretarjat u ta' Kummissjoni sar tibdil fit-tmexxija tagħhom, waqt li f'Segretarjat ieħor instabet persuna bħala assistent.
Tiġi studjata reviżjoni ta' l-istrutturi pastorali djoċesani u, fejn meħtieġ, jiġu riveduti l-istatuti tas-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani.
(Segreterija Pastorali)
Inħasset il-ħtieġa li jkun propost tibdil fi statuti ta' 4 Segretarjati; dan għadu ma seħħx, għalkemm f'wieħed diġa' tfassal qafas ġdid. Inħass il-bżonn li jinstabu persuni ġodda f'7 Segretarjati u Kummissjonijiet biex isaħħu l-ħidma tagħhom. Dan seħħ f'4 minnhom.
Ikun hemm għajnuniet biex il-komunjoni tista' titwettaq aħjar fil-parroċċi (VKK 24; 34).
(Segretarjat Parroċċi, Segretarjat Kleru u Ħajja Konsagrata)
Fil-'live-in' tal-kappillani, sar appell biex jiltaqgħu l-presbiterji parrokkjali fil-parroċċi. Spiss ikun hemm appell f''Ilkoll Aħwa fi Kristu'. Ma jidhirx li hemm response tajjeb. Anke fil-laqgħat ta' kuntatt li jsiru fl-unitajiet pastorali, dan l-element qed jinħass in-nuqqas tiegħu.
Il-ħidma fuq livell ta' unità pastorali tingħata aktar importanza. Is-suġġett għall-ħidma fl-unità matul is-sena 2005 tkun 'l-ispiritwalità ta' komunjoni' (VKK 18).
(Segreterija Pastorali, Segretarjat Lajċi, Parroċċi)
Tul is-sena 2005, il-laqgħat tal-Gruppi ta' Kuntatt fl-Unità Pastorali servew biex fi ħdan il-Knisja f'Malta nsiru aktar konxji tas-sens ta' Knisja-Familja.
Saru tliet laqgħat. L-objettivi li ntagħżlu mill-istess Gruppi ta' Kuntatt f'Diċembru servew biex twettqu diversi ħidmiet fix-xhur ta' wara.
Permezz ta' din l-inizjattiva, ir-rejaltajiet kollha fl-Arċidjoċesi - magħmulin minn lajċi, saċerdoti u reliġjużi ġejjin mill-parroċċi, mill-komunitajiet reliġjużi u mill-għaqdiet u l-movimenti - wettqu ħidma flimkien, biex ikompli jissaħħaħ aktar il-valur tal-komunjoni kif ħareġ mid-dokument Viżjoni ta' Knisja komunjoni.
Tul is-sena 2006, għal-laqgħat tal-Gruppi ta' Kuntatt fl-Unità Pastorali, tqiegħdu żewġ sejħiet: ħidma flimkien bi proġetti b'risq il-pastorali tal-familja; tisħiħ tal-parroċċi bħala 'komunità ta' komunitajiet'. Permezz tal-Laqgħat ta' Kuntatt – sa l-aħħartas-sena jkunu saru 3 fl-2006 - saret u qed issir promozzjoni biex jitwettqu dawn il-ħidmiet. Twettqu wkoll ħidmiet proposti mill-parroċċi.
Issir valutazzjoni tal-kunsilli konsultattivi fil-Knisja, biex dawk ikunu valorizzati dejjem aktar u jissaħħaħ l-ispirtu ta' sinodalità (VKK 20).
(Arċidjoċesi, Parroċċi)
Komplew isiru b'mod regolari l-laqgħat tal-Kunsill Presbiterali, tal-Kunsill Pastorali Djoċesan, tad-Delegati, kif ukoll tal-Kunsill Rappreżentattiv Djoċesan u l-Kunsill Finanzjarju Djoċesan. Tkompliet ukoll l-istess proċedura fejn inizjattivi djoċesani jiġu proposti b'papers imħejjija minn qabel u ppreżentati fil-kunsilli konċernati. Eżempju ċar qed ikun il-proċess tal-Pjan Pastorali 2007-2008, fejn saret preżentazzjoni f'9 kunsilli.
Is-Segretarjat Parroċċi għamel valutazzjoni tal-Kunsilli Pastorali Parrokkjali (KPP) u tal-Gruppi għat-twettiq tas-Sinodu (KIS). Ir-rapporti ngħataw lis-Segreterija Pastorali.
Issir ħidma qawwija biex postijiet pubbliċi tal-Knisja jsiru aċċessibbli – mhux biss aċċessibbilta' fiżika imma wkoll aċċessibbilta' għall-persuni b'diżabilità sensorjali (DĠ 24).
(Kummissjoni Persuni b'diżabilità)
Il-Kummissjoni kompliet dan il-proċess. Fil-fatt saru bosta proġetti li wasslu għal din l-aċċessibilità kemm fiżika kif ukoll sensorjali. Fi tliet parroċċi, l-altar maġġur u l-ambone saru aċċessibbli. Fid-Direttorju Ekkleżjastiku hemm lista ta' l-aċċessibilità diversa ta' kull parroċċa. Din qed tiġi aġġornata. Ir-rivista 'Flimkien' qed issir fuq awdjo.
Il-persuni b'diżabilità jkollhom post fil-Kummissjonijiet tal-Knisja kemm fuq livell parrokkjali kif ukoll fuq livell djoċesan (AŻ 55).
(Kummissjoni persuni b'diżabilità)
F'Jannar 2006, mal-Federazzjoni tal-Għaqdiet tal-persuni b'diżabilità, sar seminar dwar il-ħtiġijiet residenzjali tal-persuni b'diżabilità.
Isir proġett ta' magazine wieħed għall-parroċċi, b'insert żgħir ta' kull parroċċa. Dan jieħu post il-fuljett/magazine tal-parroċċa (VKK 22).
(Segretarjat Parroċċi, Kulleġġ tal-kappillani)
Il-proġett ta' magazine wieħed sar u jidher li rnexxa. Qiegħed jittieħed minn 47 parroċċa u żoni pastorali.
Iseħħ il-proġett ta' website imġedda ta' l-Arċidjoċesi, li tkun mezz qawwi ta' komunikazzjoni (XK 44).
(Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali)
Twaqqaf tim li ppjana l-website. Wara li studja l-proposta inizjali, it-tim għamel modifiki kbar, tant li l-website se tkun sitt darbiet ikbar minn dak li kien ippjanat. Intgħażel l-editur tal-website li huwa Fr Roy Galdes. Ġie rivedut mill-ġdid il-kuntratt propost mill-kumpannija li se twettaq il-proġett u l-kuntratt kien iffirmat fl-10 ta' Awissu 2006. Beda jinġabar ukoll il-materjal li se jifforma l-website, mingħand entitajiet diversi.
Ikun ippubblikat l-istatut ġdid tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u studjat mill-membri tal-kunsilli fil-parroċċi (LN 70).
(Segretarjat Parroċċi)
L-istatut kien ippubblikat u kopja tiegħu ntbagħtet lill-kappillani. L-istatut qiegħed ukoll fil-Parish Handbook, li ġie ppubblikat bħala għajnuna lill-kappillani fil-ministeru tagħhom.
L-organizzazzjoni ta' Jum il-Lajċi Nsara 2005 u 2006 jkollha bħala skop li l-lajċi, kemm fi ħdan l-assoċjazzjonijiet kif ukoll oħrajn ta' impenn nisrani, iħossuhom parti mill-poplu ta' Alla (LN 79).
(Segretarjat Lajċi)
Il-Jum ġie ċċelebrat kemm fil-parroċċi kif ukoll mal-lajċi impenjati.
Filwaqt li t-tema għal 2005 kienet marbuta ma' l-Ewkaristija, it-tema għal Jum il-Lajċi Nsara 2006 kienet: "Lajċi b'Valuri Nsara jfissru Familja b'Saħħitha". Hekk it-tema intrabtet ma' l-orjentament tal-ħidma pastorali fl-Arċidjoċesi. Il-messaġġ tal-jum twassal permezz ta' ħidmiet b'inizjattivi li ttieħdu mill-istess parroċċi. Iċ-ċelebrazzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom fost il-komunità kollha nisranija fil-Quddies tal-Ħadd.
Issir ħidma ta' sensibilizzazzjoni ta' lajċi li qed jagħtu sehemhom fis-Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani għal aktar koordinament fis-sehem tagħhom (LN 67).
(Segretarjat Lajċi)
Il-ħidma li saret permezz tal-laqgħat tal-Gruppi ta' Kuntatt fl-Unità Pastorali, kif ukoll l-istedina saret, f'Jum il-Lajċi Nsara, lil-lajċi impenjati f'diversi setturi fl-Arċidjoċesi, fosthom fis-Segretarjati u fil-Kummissjonijiet Djoċesani, ħolqu okkażjonijiet u modi ġodda ta' kuntatt dirett bejn setturi differenti fi ħdan il-Knisja. Din il-ħidma tkid tkompli tkun intensifikata biex tkun strumentali fil-kuntatt meħtieġ bejn is-Segretarjati u l-Kummissjonijiet.
Isir titjib fil-komunikazzjoni bejn l-aġenziji li jaħdmu fil-qasam soċjali u ma' entijiet esterni li jaħdmu fl-istess qasam (DĠ 27).
(Segretarjat Caritas)
Saret ħidma għal komunikazzjoni u kollaborazzjoni akbar ma' aġenziji tal-Knisja u oħrajn li jaħdmu fil-qasam tal-ħidma soċjali u karità.
Fil-qasam tar-riabilitazzjoni tad-droga Caritas Malta qiegħda tieħu sehem fin-National Focal Point. In-National Focal Point huwa pass importanti 'l quddiem għal networking aħjar bejn l-aġenziji kollha li jaħdmu fil-qasam soċjali. Huwa responsabbli li jiġbor informazzjoni ġenerali li jipprovdi estimi fuq in-numru ta' persuni li jabbuzaw mid-droga u l-konsegwenzi koroh li jsibu ruħhom fihom. In-National Focal Point jaqa' taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, l-Alkoħol u Dipendenzi oħra.
Issir ħidma biex il-Forum ikun iħaddan fih għaqdiet li għadhom m'humiex membri (LN 67).
(Forum)
Fil-Forum, daħlu l-Fergħa Ewkaristika kif ukoll l-Aħwa Lajċi ta' Charles de Foucauld.
Hemm għaqdiet/gruppi oħra li għandhom potenzjal li jkunu membri tal-Forum u qed jaħdmu biex l-Istatut tagħhom ikun skond il-linji meħtieġa. Fosthom diġa' hemm lest dak taċ-Cenacolo Community li se jsiru membri tal-Forum din is-sena.
Issir ħidma għal aktar kollaborazzjoni bejn l-għaqdiet/movimenti u l-parroċċi (LN 71).
(Forum, Kulleġġ tal-kappillani)
Saret ħidma minn kummissjoni li kienet tinkludi l-President tal-Forum u d-Diriġenti ta' Għaqdiet li huma parish-based, kif ukoll ħames kappillani. Il-ħidma kellha tiġi sospiża minħabba li żewġ kappillani membri tal-kummissjoni kellhom jirtiraw għal raġunijiet ta' mard serju u ta' impenji u kien hemm diffikulta' biex dawn ikunu sostitwiti. Il-ħsieb hu li din il-ħidma tissokta fl-2007.
Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan
Issir ħidma flimkien fl-Università, bejn studenti u staff li huma membri fl-għaqdiet u fil-movimenti tal-Knisja (LN 73).
(Moviment Kattoliku Studenti Universitarji, Chaplaincy Università)
Matul dawn is-sentejn, iċ-Chaplaincy għenet lill-MKSU biex l-għaqdiet kattoliċi tal-istudenti universitarji jingħaqdu flimkien u jkunu rappreżentati fil-kumitat. Matul 2006, ingħaqdu fil-kumitat xi għaqdiet li s'issa ma kienx hemm. Saru attivitajiet id f'id mac-Chaplaincy li ħallew frott tajjeb.
Ikun hemm tisħiħ ta' relazzjonijiet fl-iskejjel, biex jissaħħu l-komunikazzjoni u d-djalogu kemm internament fl-iskola partikulari, kemm fejn jidħlu l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri flimkien, kif ukoll ta' skejjel bejniethom (VKK 34).
(Skejjel tas-Sorijiet Agostinjani, Kulleġġ Santu Wistin, Skejjel St Joseph, St Francis Msida)
Din il-ħidma saret b'mod regolari f'dawn l-iskejjel, b'laqgħat, seminars, fora u rtiri apposta. Esperjenza pożittiva ħafna kienet ukoll il-ħidma flimkien ta' l-iskejjel ta' l-istess Kongregazzjoni, u anke l-ħidma flimkien ta' skejjel differenti, għal dan l-iskop.
-
6. Djalogu mas-soċjetà u impenn ta' qadi u solidarjetà
Ħidma koordinata minn strutturi djoċesani
Tkompli ssir ħidma b'impenn kbir favur il-valur tal-ħajja (KSK 46)
(Arċidjoċesi)
L-Isqfijiet ħarġu diversi stqarrijiet dwar dan is-suġġett. Ġew segwiti d-dibattitu u d-diskussjoni li għaddejja fil-pajjiż. Saret konferenza pubblika dwar dan is-suġġett, fejn ġiet mistiedna persuna esperta barranija, Prof. Monica López Barahona, li tkellmet fuq "The Biological Statute of the Human Embryo".
Ikompli u jissaħħaħ id-djalogu ma' l-imsieħba soċjali (DĠ 37; KSK 55).
(Segreterija Pastorali, Taqsima Pastorali Xogħol, Kummissjon Ġustizzja u Paċi, Kummissjoni Ambjent)
Dawn it-taqsimiet u l-kummissjonijiet ħolqu okkażjonijiet ta' djalogu ma' msieħba soċjali u aġenziji oħra dwar diversi suġġetti li ħarġu mis-Sinodu. Xi wħud minnhom jidhru f'partijiet oħra ta' dar-rapport. Hawn jissemmew xi inizjattivi:
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi organizzat żewġ seminars pubbliċi. (i) Flimkien maċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja, seminar dwar il-Paċi, immexxi minn Patri Bartolomeo Sorge SJ; (ii) flimkien mal-Patrijiet Agostinjani, seminar dwar il-Faqar fid-dinja, immexxi minn Patri Arturo Purcaro OSA. F'dawn it-tnejn, il-Kummissjoni ppruvat bil-mezzi kollha tinvolvi lill-partiti politiċi u l-imsieħba soċjali. Għalhekk, minbarra s-seminars, saret ukoll laqgħa fejn kienu mistednin il-membri tal-partiti politiċi u l-imsieħba soċjali għal djalogu ma' Patri Sorge. Attendew il-Presidenti tat-tliet partiti politiċi ewlenin, u pparteċipaw b'mod attiv. Il-Kummissjoni wkoll tat is-sehem tagħha għall-Kampanja 'Stop Poverty'.
Il-Kummissjoni ħadmet biex tanalizza, bl-għajnuna ta' konsulent fl-ekonomija u l-finanzi, id-dokument 'pre-budget' li ppubblika il-Gvern f'Awissu, bl-iskop li tagħmel l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri li jolqtu l-ġustizzja soċjali. Dwar dan isir ukoll djalogu ma' diversi entijiet fis-soċjetà.
Ġiet ippreżentata paper b'diversi proposti ħalli jissaħħaħ id-djalogu bejn il-Knisja u s-soċjetà. Tressqet proposta biex jinħoloq bord ta' nies professjonisti li jistgħu jgħinu filli jżommu l-Knisja aġġornata dwar x'diskussjonijiet qed jinħolqu fil-pajjiż u jippreparaw papers ta' opinjoni fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja.
Jissaħħaħ is-sehem f'fora u diskussjonijiet ma' aġenziji tal-Gvern kif ukoll ma' dawk mhux governattivi biex ikunu jistgħu jitjiebu l-policies, il-liġijiet u s-servizzi (KSK 84ii).
(Segretarjat Caritas)
- Caritas Malta għamlet diversi kuntatti u laqgħat ma' l-uffiċċju ta' l-inklużjoni soċjali fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjeta Soċjali, sabiex tkun aġent aktar attiv fil- Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali fuq il-poverta' u l-inklużjoni soċjali. Dan sar bħala parti minn xogħol mill-proġett Concept ta' Caritas Ewropa. B'dan il-mod, il-Caritas Malta tgħin biex il-Knisja f'Malta jkollha sehem fit-tfassil tal-Pjan Nazzjonali f'Malta u fl-Ewropa.
Saru taħditiet dwar proposti għal tibdiliet fil-ligi u ridefinizjoni tat-termini traffikar vis-a-vis sharing tad-droga;
Saret ħidma biex jitwaqqaf Drugs Court bil-għan li l-istess proċess ġudizzjarju jibda l-process ta' riabilitazzjoni; ghandha tibda tahdem ukoll l-Arrest Referral Scheme bi l-ghan li l-persuni taħt it-18-il sena li jigu arrestati dwar suspett ta' pussess ta' droga ikunu irreferuti minnufih għat-trattament ta' riabilitazzjoni;
Sar qsim ta' informazzjoni ma' aġenziji oħra dwar is-sitwazzjoni tal-problema tad-droga u s-servizzi li qegħdin jingħataw;
Saret ħidma wkoll fl-European Anti-Poverty Network (EAPN), li tiegħu l-Caritas hu membru, bl-għan li, flimkien ma' membri oħra ssir ħidma flimkien biex tiżdied il-kuxjenza f'Malta dwar il-faqar;
Caritas Malta ħadet sehem f'seminar li ġie organizzat minn EAPN bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tal-familja u solidarjeta soċjali, rigward il-kwalità tal-ħajja tal persuna fil-bżonn. F'dan is-seminar ġew preżentati riżultati tal-kwestjonarju dwar il-kwalità tal-ħajja tal-persuni fil-bzonn. Kienet ukoll opportunità sabiex il-persuna innifisha fid-diffikulta' tista' ssemma' leħenha quddiem il-policy-makers.
Sehem ukoll f'forum bl-għan li jkun hemm djalogu mas-soċjetà ċivili dwar il-liġijiet u r-regolamenti proposti mill-Unjoni Ewropeja u l-abozzi tal-liġijiet f'Malta.
Ikun hemm impenn għal aktar kollaborazzjoni u kooperazzjoni bejn l-aġenziji kollha tal-Knisja li qed jaħdmu f'dan il-qasam (DĠ 27).
(Segretarjat Caritas)
Tfasslu seminars ta' taħriġ, ippjanati flimkien ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, għall-voluntiera u l-impjegati fi ħdan il-Kunsill tas-Segretarjat Caritas.
Titwaqqaf il-Kummissjoni 'Il-Knisja f'Malta u fl-Ewropa'. Jissaħħaħ il-kontribut tal-Knisja fid-djalogu fil-kuntest ta' l-Ewropa (KSK 31).
(Kummissjoni 'Il-Knisja f'Malta u fl-Ewropa')
Saret proposta lill-Arċisqof dwar it-twaqqif ta' Kummissjoni Interdjoċesana, imma din għadha ma twaqfitx, ħlief għall-President tagħha.
Dwar il-kontribut tal-Knisja fid-djalogu fil-kuntest ta' l-Ewropa, saru diversi inizjattivi, fosthom:
- Is-sehem ta' l-Uffiċċju fil-Forum Malta fl-Ewropa li waqqaf il-Gvern. Dan biex il-Knisja tagħti kontribut fil-proċess ta' konsultazzjoni fit-tfassil tal-leġislazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea u f'affarijiet oħra importanti relatati ma' policies ta' l-UE.
- Fid-9 ta' April 2005 l-Uffiċċju organizza Konferenza li matulha saret evalwazzjoni nisranija tat-Trattat għal Kostituzzjoni għall-UE fil-kuntest tad-diskussjoni nazzjonali li kienet għaddejja fil-pajjiż minħabba r-ratifika ta' dan it-Trattat mill-Parlament Malti. Ħadu sehem, fost oħrajn, il-Prim Ministru u l-Kelliem Ewlieni ta' l-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Ewropej.
- L-Uffiċċju segwa żviluppi li kienu qed iseħħu fl-istituzzjonijiet Ewropej speċjalment fil-Parlament Ewropew u fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa. L-Uffiċċju ra wkoll kif setà jgħin lir-rappreżentanti Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej.
- Bil-kontribut ta' esperti Maltin, il-Knisja f'Malta tat is-sehem tagħha fil-Kummissjoni tal-Konferenzi Episkopali ta' l-UE (COMECE) fil-formulazzjoni ta' strateġija komuni mill-knejjes fl-Ewropa. Hu mistenni li f'Novembru 2006, il-COMECE taħtar rappreżentanti tal-Knisja f'Malta fil-working groups tagħha.
- Saru wkoll artikli u interventi fil-media nazzjonali u internazzjonali biex jitwassal il-leħen tal-Knisja f'Malta fuq issues ta' interess Ewropew.
- L-Uffiċċju assigura wkoll fondi mingħand il-Gvern biex ikopri attivitajiet organizzati, kif ukoll fondi mill-Kummissjoni ta' l-UE għal żjara ta' familjarizzazzjoni fi Brussel minn rappreżentanti tal-Knisja f'Malta, fosthom membri minn Segretarjati u Kummissjonijiet Djoċesani.
- Saru wkoll sensiela ta' laqgħat ta' informazzjoni u formazzjoni għal rappreżentanti minn kull parroċċa f'Malta.
Isir qsim ta' informazzjoni u forom ta' partnerships ma' organizzazzjonijiet internazzjonali (VKK 30).
(Segretarjat Caritas)
Kien hemm parteċipazzjoni f'diskussjonijiet mal-membri oħra tal-Caritas Europa u kif ukoll mal-Caritas Internationalis; saru exchange visits ta' ħaddiema u voluntiera fi proġetti speċifiċi.
Caritas Europa Regional Conference : Din il-konferenza saret ġewwa Mainz il-Ġermanja u kienet titratta l-ħidma tal-Caritas u t-tagħlim soċjali tal-knisja.
Proġett CONCEPT : Proġett mfassal minn Caritas Europa, b'fondi mill- Kummissjoni Ewropeja : Parteċipazzjoni f'seminar dwar is-sostenibbilta soċjali (Marzu)u fil-Forum Soċjali bi-annwali (Gunju). Saret ukoll korrispondenza regolari mat-twin partner f'dan il-proġett Caritas Bulgaria.
Titwaqqaf il-Kummissjoni Kultura (KSK 41).
(Segreterija Pastorali)
Il-Kummissjoni Kultura twaqqfet u bdiet il-ħidma tagħha. Hi ffurmata minn diversi persuni li għandhom esperjenza f'diversi oqsma tal-kultura. Sar statut ġdid għaliha. Fasslet pjan b'diversi inizjattivi għas-sentejn li ġejjin.
Jitwaqqaf il-Kunsill tax-Xjenza (KSK 48).
(Segreterija Pastorali)
Għalkemm ġew identifikati xi persuni li jistgħu jiffurmaw dan il-Kunsill, il-Kunsill għadu ma twaqqafx.
Issir ħidma biex jiġu definiti r-responsabbiltajiet u l-parametri li fihom irid jaħdem is-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali, u biex ikun distint mill-Media Centre (XK 21, 43).
(Segreterija Pastorali)
Infirdu l-accounts tas-Segretarjat minn dawk tal-Media Centre, u ġew iċċarati r-rwoli tal-persuni li hemm fis-Segretarjat. Ġiet magħżula persuna (saċerdot) biex jikkoordina l-ħidma tal-Knisja fil-mezz tax-xandir, waqt li hemm saċerdot ieħor li ser ikun responsabbli (editur) tal-portal ta' l-Arċidjoċesi.
Tkun maħduma u studjata proposta għat-twaqqif ta' Kummissjoni Djoċesana għall-ħarsien tal-valuri fl-isport (LN 78).
(Segreterija Pastorali)
Inbeda l-proċess għat-twaqqif ta' din il-kummissjoni. L-istatut hu ppreparat, għalkemm s'issa mhux approvat. Għadhom ma nstabux il-persuni li jridu jiffurmaw din il-kummissjoni.
Tinħoloq kuxjenza fuq it-traskuraġni waqt ix-xogħol (DĠ 37).
(Taqsima Pastorali Xogħol)
Matul 2005, it-tema tal-ħidma tat-Taqsima kienet: "Is-Saħħa u l-Ħarsien tagħha fuq il-Post tax-Xogħol". Sar seminar ma' l-imsieħba soċjali fi Frar 2005 ġewwa Ħ'Attard b'din it-tema. L-Arċisqof tkellem fuq din it-tema.
Tintwera solidarjetà konkreta mal-persuni li jkollhom disgrazzja fuq il-post tax-xogħol (DĠ 37).
(Taqsima Pastorali Xogħol)
Inizjattiva li saret kull sena kienet iċ-ċelebrazzjoni ta' quddiesa matul ix-xahar ta' Novembru, fejn ġew mistiedna għaliha l-familji ta' ħaddiema li mietu b'disgrazzja fuq il-post tax-xogħol matul dik is-sena kurrenti.
Issir ħidma biex tinħoloq kuxjenza fuq id-dinjità tal-bniedem permezz ta' video clips fuq il-media; bookmarks fil-parroċċi; artikli; fil-liturġija (DĠ 37).
(Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali, Parroċċi)
Dwar dan, is-Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali ħadem bi sħiħ fil-qasam tat-TV. Permezz tal-programm televiżiv 'QalbinNies', il-qofol kien dejjem edukazzjoni dwar id-dinjità tal-bniedem kif ukoll l-aspett reliġjuż u liema valuri għandhom jiġu mħaddna.
Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, flimkien ma' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, tellgħet sensiela ta' programmi fuq Radju RTK bit-titlu "It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja fis-soċjetà ta' llum". Din is-sensiela ttrattat diversi suġġetti marbuta mat-tagħlim soċjali tal-Knisja. Hemm il-ħsieb li f'Ottubru 2006 issir sensiela oħra.
Jitħejja dokument dwar operat nazzjonali koordinat fil-ħidma mar-refuġjati u l-immigranti illegali (DĠ 21).
(Kummissjoni Ġustizzja u Paċi)
Id-dokument għadu ma sarx. Imma f'laqgħa li ċ-Chairperson tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi attenda, organizzata mill-Konferenza Ewropeja tal-Kummissjonijiet Ġustizzja u Paċi, li saret f'Berlin f'Marzu 2006, sar qbil li jkun hemm żewġ azzjonijiet konkreti li fuqhom jaħdmu l-Kummisjonijiet fid-djoċesijiet b'mod koordinat. Iż-żewġ suġġetti identifikati kienu 'Migration' u 'Poverty reduction'. Twaqqfu żewġ gruppi li qed iħejju abbozz ta' proposta konkreta fuq dawn it-temi, li jkun ippreżentat f'Assemblea Ġenerali f'Belfast f'Settembru 2006.
Ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar id-dinjità tar-refuġjati fostna; u akkoljenza fi propjetà ekkleżjastika (DĠ 21).
(Segretarjat Emigrazzjoni u Turiżmu)
Is-Segretarjat intefa' bil-forzi tiegħu kollha biex ikun ta' għajnuna għar-refuġjati u l-asylum seekers.. Dar l-Emigrant saret uffiċċju fejn kull refuġjat jew asylum seeker jirrikorri għal diversi bżonnijiet tiegħu/tagħha. Ħaddiema u għadd ta' voluntiera f'dan l-uffiċċju minn filgħodu kmieni jittrattaw ma' problemi ta' permessi ta' xogħol, tfittxija ta' xogħol, ħtiġijiet għall-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, problemi ta' saħħa, residenzi fi djar tal-Knisja u tal-privat biex ikollhom fejn jgħixu b'mod mill-aktar modest u fl-istess ħin denn, dokumenti ta' l-ivjaġġar, kuntatti mal-qraba.
Barra minn hekk, ikun hemm ukoll għajnuna b'pariri spiritwali u fil-preparazzjoni għal min jixtieq jirċievi s-sagramenti tal-magħmudija, griżma u żwieġ. Din is-sena, bl-għajnuna ta' membri tal-Legion of Mary u soċi tal-Museum, ġew organizzati visti f'kampijiet ta' detensjoni. Saru wkoll kuntatti mas-soċjetà tal-Museum biex jiġu organizzati laqgħat ta' talb u tagħlim għal dawk li huma residenti fiċ-ċentri miftuħa. Din il-laqgħa bdiet issir kull ħmistax il-Blata l-Bajda. Ir-refuġjati ta' twemmin nisrani kienu mistiedna jieħdu sehem attiv f'diversi funzjonijiet reliġużi, l-ewwel fosthom il-Festa ta' Kristu Re 2005 li saret il-Marsa. Saret ukoll ċelebrazzjoni ta' Jum l-Omm għall-ommijiet refuġjati. Ġrajja oħra ta' ferħ kienet meta tnejn mit-tfal tar-refuġjati rċevew l-Ewwel Tqarbina fil-komunità tal-parroċċa ta' Ħal Balzan, fejn huma residenti.
Bil-għan li l-ħaddiema u l-voluntiera kollha li jaħdmu f'dan il-qasam mas-Segretarjat jifhmu aħjar il-missjoni tagħhom, saru tliet laqgħat ta' sagħtejn il-waħda, li mbagħad laħqu l-qofol tagħhom f'seminar.
Is-Segretarjat qed jagħti servizz ta' akkomodazzjoni permezz ta' diversi djar li fihom jabitaw 367 refuġjati. Dawn id-djar huma mqassmin f'seba' nħawi ta' Malta: Valletta, Floriana, Marsa, G'Mangia, St Venera, Msida u Ħal Balzan.
Fil-World Refugee Day saret attività ta' sensibilizzazzjoni f'Ħal Balzan taħt l-awspiċi ta' l-UNHCR; din kienet joint-venture bejn il-Kummissjoni Emigranti, iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja u l-Moviment Graffiti. F'Jannar 2006 ġie ċċelebrat 'Jum l-Emigranti u r-Refuġjati fi ħdan il-Knisja', u saru diversi attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni marbuta ma' dan il-Jum. Kien hemm ukoll kontributi fil-media dwar l-impenn li l-Knisja f'Malta għandha għal dawn in-nies.
Ikomplu l-Omnibus Surveys, b'aġġornament kontinwu fuq il-bidliet soċjali (KSK 83i).
(Discern)
L-Omnibus Surveys ġew sospiżi minn Novembru 2005 minħabba xogħol qawwi fuq iċ-ċensiment. Hu mistenni li jkomplu f'Settembru 2006.
Issir ħidma fuq il-Poverty Observatory (VKK 46).
(Segretarjat Caritas, Discern)
Ġew preżentati r-riżultati tar-riċerka dwar il-faqar f'Malta waqt Konferenza Nazzjonali f'Mejju. Il-punti u r-rakkomandazzjonijiet tar-riċerka u tad-diskussjoni li saret ingħataw lill-Ministri kkoncernati.
Ikun hemm tiġdid fil-Kummissjoni Djakonija fil-parroċċi u fl-unitajiet pastorali (DĠ 24).
(Segretarjat Caritas, Parroċċi)
Saru korsijiet bażiċi dwar id-djakonija lill-Unitajiet 1,2, 10, 11 u 16;
Sar kors dwar ħiliet bażiċi lill-Unità 3;
Saret ħidma ta' gwida u follow-ups ma' diversi Kummissjonijet Djakonija ;
Twaqqfu zewġ Kummissjonijiet Djakonija ġewwa l-parroċċi ta' l-Mqabba u Sliema Gesu' Nazzarenu.
F'unità 15, saru riċerka u rapport dwar l-attitudni tal-ġenituri dwar it-tagħlim ta' wliedhom;
Saru żewġ korsijiet dwar il-Katekeżi tal-Karità;
Ħarġu video u fuljetti biex iservu ta' gwida għall-Kummisjsonijiet tad-Djakonija;
Saru wkoll laqgħat f'unità 6;
- Il-Kummissjoniet tad-Djakonija tal-Unità 3 ngħaqdu f'ħidma dwar id-diżabilità.
Tkompli tinħoloq kuxjenza fis-soċjetà dwar persuni emarġinati (VKK 45).
(Segretarjati Caritas u Komunikazzjoni Soċjali)
Saru messaġġi kontinwi permezz tal-media u programmi dwar il-qagħda u l-bżonnijiet ta' persuni emarġinati f'Malta, gruppi ta' sapport; qawmien ta' kuxjenza u ġbir ta' fondi f'kazi ta' emerġenza jew kriżi internazzjonali.
Il-Caritas ħadmet fl-iskejjel fil-qasam tal-prevenzjoni kontra l-vizzji tad-droga/alkoħol/tabakk, u kompliet bis-sensiela ta' Weekend Seminars li jibnu fiz-zgħazagħ ħiliet (leadership skills) li jgħinuhom isiru mexxejja.
Jinħolqu aktar gruppi ta' sapport għall-persuni f'diffikulta' (DĠ 9).
(Segretarjat Caritas)
Infetaħ servizz għall-persuni bil-vizzju tad-droga li m'għandhomx fejn joqogħdu.
Sar proġett għal ommijiet mhux miżżewġa bejn Caritas u l-parroċċi f' Unità14. Twaqqfu erba' gruppi ta' sapport għal ommijiet zgħazagħ mhux mizzewġa fil-komunità minn voluntiera li ġew imħarrġa minn Caritas.
Issir serje ta' 26 programm fuq l-RTK dwar suġġetti soċjali (VKK 46).
(Segretarjat Komunikazzjoni Soċjali)
Saru dawn il-programmi kif ippjanat. L-ewwel serje ta' programmi kienet fuq suġġetti soċjali li ħarġu mid-dokumenti tas-Sinodu. Ħadu sehem fihom bosta persuni midħla ta' l-oqsma magħżula. F'uħud minnhom, sar sforz biex jinħoloq djalogu anke ma' persuni u entijiet mhux ekkleżjali. Saret ukoll it-tieni serje ta' programmi, immexxi mill-Kummissjon Ġustizzja u Paċi. Dawn kienu jitrattaw it-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Tkompli l-ħidma biex tinħoloq kuxjentizzazzjoni fil-membri tal-Knisja dwar ir-responsabbiltajiet u l-etika lejn l-ambjent u jinħolqu inizjattivi f'dan ir-rigward permezz ta' pubblikazzjonijiet u konferenzi, fil-liturġija tal-Ħadd, u billi jinħoloq network ta' persuni f'kull parroċċa (KSK 53).
(Kummissjoni Ambjent, Parroċċi)
- Inbeda environmental auditing fil-Knisja. Sar 'progress report' mill-kumpanija li qed tagħmel dan l-ezerċizzju.
- Tqassmu talbiet: dwar l-enerġija f'April 2005, dwar il-baħar f'Lulju 2005, dwar is-siġar f'Marzu 2006 u dwar il-Festi Reliġjużi f'Ġunju 2006. Dan sar bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat għal-Liturġija. F'kull kaz, tqassmu aktar minn 60,000 kopja. Jeħtieġ aktar kooperazzjoni mill-parroċċi kollha biex din l-inizjattiva tirnexxi aktar.
- Twaqqfu Kummissjonijiet Parrokkjali Ambjent fi 11-il parroċċa. Saru diversi laqgħat u konferenzi dwar l-ambjent f'dawn il-Kummissjonijiet Parrokkjali.
Issir policy-gwida dwar l-ambjent għal min għandu responsabbilta' fil-Knisja (KSK 53).
(Kummissjoni Ambjent)
Id-dokument kien ippublikat f'April 2005; qiegħed fuq il-website ta' l-Arċidjoċesi.
Ikomplu jitħejjew pariri u opinjonijiet tekniċi dwar aspetti partikulari ta' l-ambjent, fi djalogu mas-soċjetà (KSK 55-56).
(Kummissjoni Ambjent)
Tħejjew pariri u opinjonijiet tekniċi dwar:
- l-izvilupp fil Wied tal-Kalkara f'Mejju 2005.
- l-Istrateġija ta' l-Immaniġġjar ta' l-Iskart Solidu għall-Gżejjer Maltin f'Lulju 2005.
- It-Turiżmu Sostenibbli f'Mejju 2006.
- Il-Festi Reliġjużi f'Ġunju 2006.
Ikunu analizzati u msaħħa inizjattivi pastorali permezz ta' lajċi nsara fl-oqsma ta' l-infermiera u ta' l-għalliema (LN 75).
(Segretarjat Lajċi)
Bdiet ħidma fil-qasam ta' l-infermiera li s-Segretarjat qed jara kif tista' tiġi msaħħa. Din il-ħidma tikkonsisti f'reliġjuż Kapuċċin li flimkien ma' grupp ta' infermiera qed joħorġu fuljett li jitqassam fost l-infermiera, kif ukoll jorganizzaw inizjattivi liturġiċi għalihom.
Fl-2005, is-Segretarjat beda l-ħidma fil-qasam tal-għalliema permezz ta' laqgħa mal-koordinatur djoċesan għall-ħidma għall-implimentazzjoni tas-Sinodu fl-iskejjel tal-Knisja. Hemm diġa' inizjattiva li qed tittieħed mill-Moviment Għalliema ta' l-Azzjoni Kattolika. Dan l-aħħar ma kienx hemm żviluppi ġodda f'din il-ħidma.
Impenji partikulari biex jitwettaq l-għan
Ikun hemm għajnuna u sapport legali u professjonali lir-refuġjati f'pajjiżna (DĠ 21).
(Jesuit Refugee Service)
Il-JRS kompla joffri għajnuna legali professjonali lir-refuġjati u lil dawk li qegħdin jitolbu kenn f'pajjiżna. Dan jikkonsisti l-aktar f'informazzjoni dwar il-proċess ta' talba għall-kenn, u f'għajnuna meta tiġi ppreżentata l-ewwel talba, kif ukoll biex jinġiebu d-dokumenti meħtieġa biex issir it-talba. Il-JRS dis-sena impjega avukat ieħor b'fondi ta' l-UE biex ikun jista' jlaħħaq aħjar man-numri kbar ta' detenuti.
Hemm ukoll grupp żgħir ta' avukati voluntiera u studenti tal-liġi li jgħinu f'dan is-servizz. Il-JRS toffri wkoll servizzi professjonali ta' social worker fil-kampijiet tad-detenzjoni. Kull nhar ta' Ħadd isiru quddies fil-kampijiet tad-detenzjoni ta' Ħal Safi u Ħal Far. Barra minn hekk, matul dis-sena, saru ħafna żjarat fi skejjel sekondarji u gruppi parrokkjali biex titqajjem kuxjenza fuq din il-problema fostna u fuq id-dinjità u d-drittijiet ta' l-immigranti.
Isiru pubblikazzjonijiet, seminars u studji dwar l-iżviluppi politiko-soċjali f'pajjiżna u fid-dinja fid-dawl ta' l-Evanġelju (DĠ 14).
(Ċentru Fidi u Ġustizzja)
Iċ-Ċentru Fidi u Ġustizzja organizza seminar ta' ġurnata sħiħa fuq il-problema tar-razziżmu f'pajjiżna, kif ukoll stieden lil Prof Daniel Madigan SJ biex jagħti konferenza pubblika fuq id-djalogu mal-Musulmani. Matul 2005, ippubblika edizzjoni oħra ta' Ibda Għix fid-Dinja, pack ta' 10 fuljetti li jista' jintuża fil-klassijiet il-kbar ta' l-iskola sekondarja fuq suġġetti ta' interess soċjali.
Iċ-Ċentru organizza wkoll erba' korsijiet qosra fuq it-Tagħlim Socjali tal-Knisja, f'għaqdiet u f'parroċċi differenti, kif ukoll kors ta' eżercizzi tar-Randan f'parroċċa. Organizza seminar ta' ġurnata sħiħa fuq il-problema ta' l-istress minħabba s-sistema ta' eżamijiet f'pajjiżna, kif ukoll konferenza pubblika fuq il-post tar-reliġjon fil-ħajja pubblika u politika mill-Prof Michele Pistone. Matul is-sajf grupp ta' żgħażagħ mic-Centru ħadu sehem f'ġimgħa ta' formazzjoni politika organizzata mill-Ġiżwiti Ewropej.
Issir ħidma fl-edukazzjoni ta' adulti, żgħażagħ u tfal li huma żvantaġġjati minħabba l-illiteriżmu (KM 3).
(Istitut Paolo Freire)
L-Istitut għamel diversi proġetti indirizzati biex jippromwovi l-litteriżmu. Dawn kienu jinkludu tagħlim speċifiku tal-qari u l-kitba għat-tfal u adulti b'diffikulta' f'dawn l-oqsma. Proġetti oħra kienu maħsuba biex itejbu l-iskola u l-komunità, biex l-ambjent pożittiv soċjali jħajjar aktar parteċipazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-litteriżmu. Fuq dawn il-proġetti u korsijiet ħadmu għadd kbir ta' voluntiera. Il-maġġoranza ta' benefiċjarji kienu minn nofs in-nhar ta' Malta. Bħalissa hemm iżjed minn 300 persuna li qed jieħdu xi servizz dirett permezz ta' dawn il-proġetti.
Ikun hemm kollaborazzjoni ta' l-associates lajċi ma' l-Istitut Paolo Freire fi proġett dwar illitteriżmu (KM 3).
(Sorijiet Sacred Heart)
Numru ta' associates għenu f'dan il-proġett billi ħadu ħsieb grupp żgħir ta' tfal.
Ir-rivista Orbis twassal riflessjonijiet, studji u valuri lil dawk involuti fil-qasam politiko-soċjali (DĠ 14).
(Patrijiet Ġiżwiti)
Kull sena ħarġu erba' numri tar-rivista Orbis b'dan il-għan.
Iċ-Chaplaincies ta' l-Università u tal-Junior College jidħlu fi djalogu ma' studenti u għalliema universitarji dwar kultura u valuri fis-soċjetà u l-Evanġelju (KSK 6; 84ii).
(Patrijiet Ġiżwiti)
Fil-Junior College dan sar l-aktar matul il-value weekends għal studenti ta' suġġetti differenti. Dawn il-weekends jinħadmu ma' l-istaff ta' l-istess suġġetti.
Fl-Università saru student encounters ma' studenti ta' diversi Fakultajiet. Dawn il-laqgħat ta' formazzjoni u djalogu jsiru wkoll bil-kollaborazzjoni ta' numru sabiħ ta' lecturers. Matul 2006, dawn ġew offruti lil xi korsijiet ġodda – eż. dawk li jistudjaw il-B.Communications.
Ic-Chaplaincy ta' l-Università kompliet twaqqaf gruppi ta' lecturers universitarji imsejħa Christian Reflection Groups. Dawn il-gruppi jsaħħu d-djalogu bejn aspetti differenti tal-kultura u l-fidi, u l-formazzjoni spiritwali ta' l-istaff akkademiku unversitarju.
Din is-sena, waqt Chaplaincy in Dialogue – laqgħa għall-istaff u l-istudenti ta' l-Università kollha – ġew diskussi l-attitudnijiet tan-nisrani lejn il-fenomenu ta' l-immigrazzjoni regolari u r-razziżmu.
Jitwaqqaf Ċentru ta' Solidarjetà abbinat mal-Millennium Chapel ta' Paceville (DĠ 32).
(Patrijiet Agostinjani)
Dan iċ-Ċentru twaqqaf u jismu WOW (Wishing others well). Hu ċentru ta' solidarjetà – fost l-oħrajn, kull sibt jitqassmu diversi hampers lin-nies li tiġi minn diversi postijiet f'Malta – u ċ-ċentru tal-ħidma tal-Ġustizzja u Paċi tal-Provinċja tal-patrijiet Agostinjani. Serva wkoll bħala ċentru ta' djalogu u talb inter-faith f'okkażjonijiet partikulari – eż. matul il-gwerra fil-Lvant Nofsani.
Ikun hemm programm ta' prevenzjoni f'tagħrif dwar vjolenza domestika (DĠ 32; ŻF 43).
(Sorijiet Bon Pastur)
Matul is-sentejn, saru talks u seminars, kemm għal studenti – eż. studenti tal-liġi fl-aħħar sena ta' l-Università - kif ukoll għal reliġjużi żgħażagħ, rigward il-vjolenza domestika u l-ħsara u l-uġigħ li tikkawża. Hemm soru li qed tagħti sehemha fil-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, imwaqqfa mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.
Ikun hemm servizz ta' terapija psikoloġika u ta' bereavement fil-Hospice Movement; ta' nursing fid-Dar tal-Kleru (DĠ 32).
(Sorijiet Sacred Heart)
Sorijiet minn din il-kongregazzjoni taw dan is-servizz regolarment.
Issir ħidma fost in-nisa f'sitwazzjonijiet żvantaġġati (DĠ 32) jew vittmi ta' vjolenza domestika.
(Franġiskani Missjunarji ta' Marija, Sorijiet Bon Pastur u Dumnikani)
Din il-ħidma saret b'mod regolari, ukoll bl-għajnuna ta' gruppi ta' voluntiera.
Saret ħidma wkoll ta' outreach u follow-up f'dan il-qasam, kif ukoll ħidma ta' awareness f'numru ta' parroċċi.
Issir ħidma fost l-ommijiet mhux miżżewġa (ŻF 40).
(Sorijiet Ursolini)
Is-Sorijiet ħadu ħsieb jgħinu, fid-dar li għandhom apposta r-Rabat, lill-ommijiet mhux miżżewġa, imkeċċija mid-dar, jew bi ħsieb ta' abort.
Issir ħidma fost tfal abbandunati jew bi problemi oħra, fosthom ukoll tfal ta' refuġjati (DĠ 32).
(Sorijiet Ursolini)
Is-sorijiet laqgħa tfal ta' refuġjati fid-dar ta' l-Ursolini f'tas-Sliema u għenu wkoll lil ommijiethom fil-ħtiġiet tagħhom.
Issir ħidma fost l-anzjani fir-residenzi għalihom (LN 33;76).
(Sorijiet Dumnikani u Little Sisters of the Poor)
Fid-djar ta' l-anzjani li jieħdu ħsieb dawn iż-żewġ kongregazzjonijiet, sar xogħol strutturali biex itejjeb l-ambjent u l-qagħda ta' l-anzjani li jinsabu fihom.
Jinħoloq djalogu ma' organizzazjonijiet tal-Knisja, governattivi u ċivili dwar promozzjoni tal-valur tal-ħajja (DĠ 13).
(SAS – Azzjoni Kattolika, Moviment ta' Kana)
Saret din il-ħidma għall-promozzjoni tal-valur tal-ħajja, b'koordinament ma' għaqdiet oħra tal-Knisja, governattivi u ċivili.
Jitwassal it-tagħlim soċjali tal-Knisja fost il-membri (DĠ 33).
(Neokatekumenali)
Fil-konferenzi tal-bidu tas-sena ta' l-evanġelizzazzjoni, dejjem ingħata xi aspett mit-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Issir ħidma ta' sensibilizzazzjoni fl-iskejjel dwar ġustizzja u paċi u responsabbilta' soċjali, u identifikazzjoni ta' persuni fil-bżonn (DĠ 32).
(Skejjel St Joseph, Seminarju Minuri, Skola Sacred Heart)
Ir-rapporti mill-iskejjel juru l-ħidmiet li saru, li kienu jinkludu: attivitajiet ta' volontarjat minn studenti, sensibilizzazzjoni ta' l-istudenti rigward ħidma ta' djakonija u ġustizzja, sensibilizzazzjoni dwar ir-responsabbilta' lejn l-ambjent, proċess ta' ġemellaġġ ma' skola tal-Knisja fir-Rumanija bl-għan li jkunu sapportjati studenti Rumeni fil-bżonn biex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom.
Issir għażla favur dawk fil-bżonn li tintwera b'attenzjoni partikulari għal studenti bi problemi jew żvantaġġjati (KSK 39; DĠ 16; VKK 34).
(Skola Dorotej Żebbuġ, Skola Sacred Heart, Stella Maris College)
Ir-rapporti ta' l-iskejjel juru l-ħidma li saret biex l-iskola tesprimi b'mod konkret din l-għażla, bħal ħidma ta' għajnuna lit-tfal li jkunu batuti f'xi suġġett partikulari — għajnuna li tingħata waqt il-ħin ta' l-iskola u fis-sajf, sapport lil student u l-familji tagħhom li jkollhom problemi ta' natura soċjali, għajnuna lil studenti li ġejjin minn familji bi problemi finanzjarji, promozzjoni ta' dawn il-valuri fost l-istudenti, modi ta' assessment li japprezzaw aħjar il-progress ta' l-istudenti b'mod ħolistiku, u sistema ta' rikonoxximent ta' valuri umani u nsara fl-istudenti.
Settembru 2005
Segreterija Pastorali
Kurja Arciveskovili