Aħbarijiet Riċenti



Handout
Konferenza Stampa - 30 ta' Settembru 2005

It-twettiq tal-Pjan Pastorali 2005-2006

Rapport 2005

  1. Fil-bidu ta' Jannar ta' din is-sena, f'Konferenza Stampa, ippreżentajna l-Pjan Pastorali ta' l-Arċidjoċesi għas-sentejn 2005-2006 bit-titlu Nimxu Flimkien fid-Dawl tal-Mulej. Dan hu Pjan li juri b'liema mod il-Knisja f'Malta trid tqiegħed fil-prattika d-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan.
  2. Qed nippreżentaw il-lum ir-rapport tat-twettiq tal-Pjan Pastorali matul 2005. Dan ir-rapport iwieġeb għad-domanda: x'sar mill-Pjan ta' l-Arċidjoċesi? Iwieġeb għal din id-domanda paragrafu paragrafu. Jagħti sodisfazzjon ta' dak li sar jew qed isir bħalissa jew li hu ppjanat li jsir matul it-tieni sena tal-Pjan.
  3. Fl-istess waqt li jagħmel dan, dan ir-rapport qed juri kemm il-Knisja f'Malta qed tieħu bis-serjetà dak li ħareġ mis-Sinodu, u qed issir ħafna ħidma biex dan jitqiegħed fil-prattika. Iwieġeb għad-domanda: is-Sinodu x'sar minnu?

Assemblea Djoċesana

  1. Dan ir-rapport se jkun diskuss il-lejla u għada filgħodu, 30 ta' Settembru u l-1 ta' Ottubru 2005, fl-Assemblea Djoċesana tal-Knisja f'Malta. Din l-Assemblea, ippresjeduta mill-Arċisqof, hi wkoll riżultat tas-Sinodu, li ried li kull sena jkun hemm Assemblea li tagħmel valutazzjoni tas-sena ta' qabel u tħares 'il quddiem lejn is-sena ta' wara.
  2. L-Assemblea Djoċesana tkompli l-istess spirtu tas-Sinodu, billi tkun esperjenza ta' informazzjoni, parteċipazzjoni mifruxa, accountability, valutazzjoni u programmazzjoni; u fuq kollox esperjenza ta' Knisja li tkun miftuħa għall-Ispirtu ta' Alla u twieġeb għas-sinjali tiegħu fl-istorja.
  3. Bħalma qed isir fuq bażi djoċesana, se jsir ukoll f'kull parroċċa matul Ottubru u Novembru. Kull parroċċa se torganizza Assemblea Parrokkjali, miftuħa għal kull min jgħix fil-parroċċa, biex tiddiskuti bl-istess spirtu dak li sar matul is-sena mill-Pjan tal-Parroċċa, u dak li hu meħtieġ li jsir is-sena d-dieħla.

Proġetti mwettqa matul 2005

  1. Dawn huma xi wħud mill-proġetti tal-Pjan Pastorali li twettqu jew qed jitwettqu bħalissa matul din is-sena:
    • It-twaqqif ta' l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, bl-iskop li jikkoordina l-ħidma ta' formazzjoni li ssir mill-Arċidjoċesi mifruxa fuq diversi oqsma. Id-direttur ta' dan l-Istitut hu Fr Fabio Attard SDB. L-uffiċċji huma fl-Istitut Kattoliku. Id-dettalji dwar dan l-Istitut ġdid fi ħdan il-Knisja f'Malta se jingħataw f'Konferenza Stampa apposta fil-ġejjieni qrib.
    • Għal titjib fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa tal-Ħadd, ittieħdu żewġ inizjattivi partikulari fid-djoċesi. Waħda, seminar għas-saċerdoti dwar l-omelija u follow-up tiegħu; u oħra, korsijiet mifruxa fl-unitajiet pastorali għall-animaturi tal-quddiesa.
    • Se jsir ukoll ċensiment tal-quddies din is-sena, bl-iskop li jservi għal indikazzjonijiet pastorali għall-Knisja f'Malta.
    • F'diversi parroċċi, ittieħdu wkoll inizjattivi ġodda fejn tidħol l-animazzjoni tal-fidi, l-aktar bi Proġett Djoċesan għall-katekeżi ta' l-adulti; kif ukoll, esperjenzi ta' talb fi gruppi u diversi ġimgħat ta' tagħlim.
    • Fejn tidħol il-familja, sar tisħiħ kemm fil-korsijiet li jsiru bi tħejjija għaż-żwieġ, kif ukoll fl-attenzjoni lill-familji fil-parroċċi, speċjalment familji ġodda, u fil-ħidma għal dawk li għaddejjin minn diffikultajiet - eż. twaqqfu numru ta' support groups għall-persuni separati. Qed issir ukoll ħidma għal twaqqif jew tisħiħ tal-Kummissjonijiet Familja fil-parroċċi.
    • L-adolexxenti u ż-żgħażagħ ingħataw importanza kbira, b'għadd ta' inizjattivi pastorali mmirati lejn il-parteċipazzjoni tagħhom aktar qawwija fil-ħajja tal-Knisja u fil-formazzjoni għall-ħajja. Se jibda f'Ottubru kors għall-Youth Ministry, li għalih se jattendu għadd ta' żgħażagħ li 'l quddiem jgħinu fit-tmexxija ta' gruppi ta' żgħażagħ. Qed isiru wkoll korsijiet għal-leaders tal-gruppi ta' żgħażagħ fil-parroċċi, u tisħiħ tal-quddies animat miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ.
    • Issaħħet ħafna l-ideja li ħarġet mis-Sinodu li jitwaqqfu unitajiet pastorali fejn gruppi ta' parroċċi jieħdu inizjattiva flimkien.
    • Din is-sena twaqqfet il-Kummissjoni Kultura bil-għan li ġġib 'il quddiem kultura ta' ispirazzjoni nisranija bi djalogu max-xejriet kulturali ta' żmienna.
    • Il-Kummissjoni Ambjent, li twaqqfet b'riżultat tas-Sinodu, kompliet tagħti l-kontribut sfiq tagħha għall-ħarsien ta' l-ambjent, b'opinjonijiet meqjusa fuq issues partikulari u b'inizjattivi għall-edukazzjoni ambjentali.
    • Ingħata bidu għal proġett ta' rivista waħda għall-parroċċi, bl-isem ta' Flimkien, li titqassam f'85,000 dar f'Malta.
    • Saret ħidma mifruxa ta' qadi u solidarjetà b'attenzjoni partikulari lill-emarġinati. Diversi kongregazzjonijiet qed joffru s-servizzi tagħhom għal dawk l-aktar batuti. Ir-rapport jinkludi l-ħidma li l-Knisja għamlet b'għajnuna għall-immigranti f'pajjiżna, u għall-ħarsien tad-dinjità tagħhom – ħidma kemm fl-abitazzjoni ta' numru minnhom kif ukoll f'għajnuna professjonali, u b'inizjattivi biex tinħoloq kuxjenza dwarhom.
  2. L-implimentazzjoni hi realtà

    1. Dawn huma biss uħud mill-ħidmiet li saru biex jitwettaq il-Pjan Pastorali 2005-2006. Ir-rapport jagħti ħafna aktar informazzjoni, u jagħmel stedina biex min irid, jistaqsi u jikseb aktar informazzjoni. Ir-rapport juri Knisja li, f'diversi oqsma tagħha, qed tieħu azzjoni pożittiva dejjem iżjed b'saħħitha u mifruxa għall-ġid tal-bniedem u tas-soċjetà Maltija.
    2. Id-dokumenti li ħarġu mis-Sinodu Djoċesan, li kienu frott ta' esperjenza qawwija tal-Knisja f'Malta, qed jiġu tradotti fir-realta'. L-implimentazzjoni mhijiex biss xewqa imma realta'. Ir-rapport ippreżentat juri dan.
    3. Id-dokumenti tas-Sinodu, minbarra proġetti partikulari biex jitwettqu, jipprovdu wkoll gwida għall-Knisja u jesprimu b'mod ċar il-policy tagħha f'diversi oqsma. Iwieġbu għad-domanda "għaliex il-Knisja ma titkellimx?", u juru kif fil-fatt fuq ħafna issues tkun ilha li esprimiet ruħha b'mod ċar. Qed issir stedina lin-nies kollha tal-media biex jaqraw dawn id-dokumenti – li qegħdin ukoll kollha fil-website ta' l-Arċidjoċesi (www.maltachurch.org.mt) u tas-Sinodu (www.sinodu.org.mt).

    Kummissjoni Implimentazzjoni
    Sinodu Djoċesan

    30 ta' Settembru 2005

    NOTA: L-Assemblea Djoċesana, it-tieni waħda tax-xorta tagħha wara s-Sinodu Djoċesan, tiftaħ nhar il-Ġimgħa, 30 ta' Settembru 2005, fis-6.00 p.m., fis-Sala taċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, Birkirkara (ħdejn iz-zona magħrufa bħala 'Ta' Paris'). L-Assemblea tkompli l-għada, is-Sibt, l-1 ta' Ottubru 2005, fid-9.00 a.m. Ir-rappreżentanti tal-media huma mistiedna jattendu.