Aħbarijiet Riċenti



Tkompli l-implementazzjoni tas-Sinodu

ASSEMBLEA DJOĊESANA 2005

Il-Knisja f'Malta laqqgħet it-tieni Assemblea Djoċesana wara s-Sinodu Djoċesan il-Ġimgħa 30 ta' Settembru u s-Sibt l-1 ta' Ottubru. Il-laqgħat saru fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni f'B'Kara u għal kull sessjoni attendew 'il fuq minn 200 parteċipant.

Kien fis-Sinodu li ntweriet ix-xewqa li kull sena titlaqqa' Assemblea Djoċesana li, fl-istess spirtu tas-Sinodu, tagħmel valutazzjoni tas-sena ta' qabel u programmazzjoni għaż-żmien ta' wara.

Għall-Assemblea kienu mistiedna l-kappillani, il-provinċjali tal-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-kapijiet ta' l-iskejjel tal-Knisja, il-mexxejja tal-għaqdiet u tal-movimenti, id-delegati fis-segretarjati u kummissjonijiet djoċesani, kif ukoll il-membri tal-gruppi għat-twettiq tas-Sinodu fid-diversi oqsma tal-Knisja u dawk li kienu membri fl-Assemblea tas-Sinodu.

L-Assemblea Djoċesana ddiskutiet ir-rapport ta' l-ewwel sena tat-twettiq tal-Pjan Pastorali 2005-2006, rapport li ntbagħat lill-membri ta' l-Assemblea fil-bidu ta' Settembru biex huma jkunu jistgħu jistudjawh u jagħmlu l-kummenti u l-proposti tagħhom waqt l-Assemblea.

Tul il-jumejn ta' l-Assemblea, ġew ippreżentati s-sitt għanijiet tal-Pjan u l-ħidmiet li saru b'rabta ma' kull għan. Dawn huma: l-animazzjoni tal-fidi, iċ-ċelebrazzjoni ta' l-Ewkaristija tal-Ħadd, formazzjoni skond il-linji-gwida tas-Sinodu, il-familja u l-adolexxenti/żgħażagħ, stil ta' ħajja sinodali, djalogu mas-soċjetà u impenn ta' qadi u solidarjetà.

Fid-diskussjoni, saru 'l fuq minn 50 intervent minn dawk preżenti. Dawn kienu jittrattaw diversi punti mir-rapport. Fost is-suġġetti diskussi kien hemm l-Istitut ta' Formazzjoni Pastorali, iż-żjarat lill-familji fil-parroċċa, l-esperjenzi ta' quddiesa animata f'diversi parroċċi, pastoral teams fl-iskejjel, proġetti ta' katekeżi għall-adulti fil-parroċċi, l-immigranti irregolari u l-attitudni ta' l-insara lejhom, il-valur ta' l-isport fil-ħajja taż-żgħażagħ, l-attenzjoni għall-familji f'diffikulta', il-valur tar- riċerka fil-qasam tal-familja, il-ħidma pastorali fl-iskejjel, l-importanza tas-sehem taż-żgħażagħ fil-ħajja tal-parroċċa, il-volontarjat fil-ħajja tal-Knisja, il-ħtieġa li titwassal permezz tal-media l-ħidma sfiqa li qed issir, it-tħaddim tal-konsultazzjoni u kollaborazzjoni fil-ħajja tal-Knisja.

Diversi tkellmu fuq il-valur ta' Assemblea Djoċesana, li minbarra li tkun lok għal diskussjoni, tagħti wkoll informazzjoni wiesgħa fuq dak li jkun qed jiġri fl-Arċidjoċesi. Permezz ta' l-Assemblea, wieħed jintebaħ kemm hawn ħidma qawwija pastorali li qed issir f'Malta.

Mons. Arċisqof, li ppresjieda l-Assemblea, wera l-apprezzament tiegħu lill-parteċipanti u qal li l-Knisja f'Malta għandha tagħmel kuraġġ u tkompli bil-ħidma tagħha biex tagħraf is-sinjali ta' Alla fl-istorja.

Wara l-Assemblea Djoċesana, matul ix-xhur ta' Ottubru u Novembru, kull parroċċa se tlaqqa' Assemblea biex tagħmel f'livell parrokkjali dak li sar diġa' f'livell djoċesan. Fil-fatt, kull parroċċa għandha pjan għas-sentejn 2005-2006, u għalhekk l-Assemblea biex il-parroċċa tara kif miexi t-twettiq tal-pjan. Għall-Assemblea parrokkjali jkunu mistiedna dawk kollha li jgħixu fil-parroċċa.

Ottubru 2005